Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Xi Ngħidu Dwar “Testi taʼ Prova” tat-Trinità?

Xi Ngħidu Dwar “Testi taʼ Prova” tat-Trinità?

Xi Ngħidu Dwar “Testi taʼ Prova” tat-​Trinità?

JINGĦAD li xi testi tal-​Bibbja joffru prova b’appoġġ lejn it-​Trinità. Madankollu, meta naqraw testi bħal dawn, għandna nżommu f’moħħna li l-​evidenza Biblika u storika ma tappoġġjax lit-​Trinità.

Kull referenza tal-​Bibbja offruta bħala prova trid tiġi mifhuma fil-​kuntest tat-​tagħlim konsistenti tal-​Bibbja kollha. Taʼ spiss it-​tifsir veru taʼ vers bħal dan huwa ċċarat mill-​kuntest tal-​versi taʼ madwaru.

Tlieta f’Wieħed

IN-​NEW Catholic Encyclopedia toffri tliet “testi taʼ prova” bħal dawn imma tammetti wkoll: “Id-​duttrina tat-​Trinità Mqaddsa mhix imgħallma fit-​T[estment il-​]Q[adim]. Fit-​T[estment il-​]Ġ[did] l-​eqdem evidenza qiegħda fl-​epistoli Pawlini, speċjalment it-​2 Kor 13.13 [vers 14 f’xi Bibbji], u 1 Kor 12.4-6. Fil-​Vanġeli evidenza tat-​Trinità tinstab b’mod espliċitu biss fil-​formula tal-​magħmudija f’Mt 28.19.”

F’dawk il-​versi t-​tliet “persuni” huma mniżżlin kif ġej f’The New Jerusalem Bible. It-​Tieni Korintin 13:13 (14) ipoġġi lit-​tlieta flimkien b’dan il-​mod: “Il-​grazzja tal-​Mulej Ġesù Kristu, l-​imħabba t’Alla u s-​sħubija tal-​Ispirtu Qaddis ikunu magħkom ilkoll.” L-​Ewwel Korintin 12:​4-6 jgħid: “Hemm ħafna rigali differenti, imma huwa dejjem l-​istess Spirtu; hemm ħafna modi differenti kif wieħed jaqdi, imma huwa dejjem l-​istess Mulej. Hemm ħafna forom differenti taʼ attività, imma f’kulħadd huwa l-​istess Alla li qed jaħdem fihom ilkoll.” U Mattew 28:19 jaqra: “Morru, għalhekk, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha; għammduhom fl-​isem tal-​Missier u tal-​Iben u tal-​Ispirtu Qaddis.”

Igħidu dawk il-​versi li Alla, Kristu, u l-​ispirtu qaddis jiffurmaw sustanza t’Alla Trinitarjana, li t-​tlieta huma ugwali fis-​sustanza, fil-​qawwa, u fl-​eternità? Le, ma jgħidux, daqskemm li ssemmi tlieta minn nies, bħalma huma Ċikku, Peppi, u Pawlu, ma jfissirx li huma tlieta f’wieħed.

Dan it-​tip taʼ referenza, tammetti s-​Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature taʼ McClintock u Strong, “turi biss li hemm it-​tliet suġġetti msemmijin b’isimhom, . . . imma ma turix, għaliha waħedha, li t-​​tlieta li huma jappartjenu neċessarjament lin-​​natura divina, u li jippossjedu unur divin ugwali.”

Għalkemm jappoġġja lit-​Trinità, dak is-​sors igħid dwar it-​2 Korintin 13:13 (14): “Ma nistgħux nikkonkludu b’mod ġust li huma kellhom awtorità ugwali, jew l-​istess natura.” U dwar Mattew 28:​18-20 igħid: “Dan it-​test għalih waħdu, madankollu, ma jagħtix prova b’mod deċiżiv taʼ jew il-​personalità tat-​tliet suġġetti msemmijin, jew l-​ugwaljanza jew id-​divinità tagħhom.”

Meta Ġesù ġie mgħammed, Alla, Ġesù, u l-​ispirtu qaddis kienu wkoll imsemmijin fl-​istess kuntest. Ġesù “ra nieżel bħal ħamiema l-​ispirtu t’Alla ġej fuqu.” (Mattew 3:16) Dan, madankollu, ma jgħidx li t-​tlieta huma wieħed. Abraham, Iżakk, u Ġakobb jissemmew flimkien kemm-il darba, imma dak ma jagħmilhomx wieħed. Pietru, Ġakbu, u Ġwanni jissemmew flimkien, imma dak ma jagħmilhomx wieħed lanqas. Barra minn hekk, l-​ispirtu t’Alla niżel fuq Ġesù fil-​magħmudija tiegħu, u dan wera li Ġesù ma kienx midluk bl-​ispirtu sa dak in-​nhar. Ladarba dan hu hekk, kif setaʼ hu jkun parti minn Trinità fejn hu dejjem kien ħaġa waħda mal-​ispirtu qaddis?

Referenza oħra li titkellem dwar it-​tlieta flimkien tinstab f’xi traduzzjonijiet eqdem tal-​Bibbja fl-​1 Ġwann 5:7. Studjużi jirrikonoxxu, madankollu, li dawn il-​kelmiet ma kinux oriġinalment fil-​Bibbja imma kienu miżjudin ħafna wara. Il-​biċċa l-​kbira tat-​traduzzjonijiet moderni jagħmlu sewwa jħallu barra dan il-​vers mhux ġenwin.

“Testi taʼ prova” oħrajn jittrattaw biss ir-​relazzjoni taʼ bejn tnejn​—il-​Missier u Ġesù. Ejjew nikkunsidraw ftit minnhom.

“Jien u l-​Missier Aħna Ħaġa Waħda”

DAK it-​test, fi Ġwann 10:​30, spiss jiġi ċċitat biex jappoġġja lit-​Trinità, għalkemm ebda tielet persuna ma tissemma hemm. Imma Ġesù nnifsu wera x’ried ifisser b’li huwa “ħaġa waħda” mal-​Missier. Fi Ġwann 17:​21, 22, hu talab lil Alla li d-​dixxipli tiegħu “jistgħu lkoll ikunu ħaġa waħda, sewwa sew bħalma int, Missier, qiegħed f’għaqda miegħi u jien qiegħed f’għaqda miegħek, biex huma wkoll jistgħu jkunu f’għaqda magħna, . . . biex huma jistgħu jkunu ħaġa waħda sewwa sew bħalma aħna ħaġa waħda.” Kien Ġesù qed jitlob li d-​dixxipli tiegħu kollha kellhom isiru entità waħda? Le, ovvjament Ġesù kien qed jitlob li huma jkunu magħqudin fil-​ħsieb u fil-​għan, bħalma kienu hu u Alla.​—Ara wkoll 1 Korintin 1:10.

Fl-1 Korintin 3:​6, 8, Pawlu jgħid: “Jien ħawwilt, Apollos saqqa . . . Dak li jħawwel u dak li jsaqqi huma ħaġa waħda.” Pawlu ma riedx ifisser li hu u Apollos kienu żewġ persuni f’waħda; ried ifisser li huma kienu magħqudin fil-​għan. Il-​kelma Griega li Pawlu juża hawn għal “ħaġa waħda” (hen) hija newtra, litteralment “ħaġa waħda,” li tindika ħaġa waħda fil-​koperazzjoni. Hija l-​istess kelma li Ġesù uża fi Ġwann 10:30 biex jiddeskrivi r-​relazzjoni tiegħu maʼ Missieru. Hija wkoll l-​istess kelma li Ġesù uża fi Ġwann 17:​21, 22. Mela meta uża l-​frażi “ħaġa waħda” (hen) f’dawn il-​każi, hu kien qed jitkellem dwar għaqda fil-​ħsieb u fil-​għan.

Rigward Ġwann 10:​30, John Calvin (li kien Trinitarjan) qal fil-​ktieb Commentary on the Gospel According to John: “L-​antiki wżaw ħażin dan il-​passaġġ biex juru li Kristu huwa . . . tal-​istess essenza mal-​Missier. Għax Kristu ma jargumentax dwar il-​għaqda taʼ sustanza, imma dwar il-​qbil li għandu mal-​Missier.”

Eżatt fil-​kuntest tal-​versi taʼ wara Ġwann 10:​30, Ġesù b’qawwa kbira argumenta li b’dak li qal ma kienx qed igħid li hu Alla. Hu staqsa lil-​Lhud li b’mod żbaljat ġibdu dik il-​konklużjoni u li riedu jħaġġruh: “Għala takkużawni li dgħajt għaliex jien, ikkonsagrat u mibgħut fid-​dinja mill-​Missier, għidt, ‘Jien l-​iben t’Alla’?” (Ġwann 10:​31-36, NE) Le, Ġesù sostna li hu kien, mhux Alla l-​Iben, imma l-​Iben t’Alla.

“Jagħmel Lilu Nnifsu Ugwali m’Alla”?

SKRITTURA oħra offruta bħala appoġġ għat-​Trinità hija Ġwann 5:18. Tgħid li l-​Lhud (bħal fi Ġwann 10:​31-36) riedu joqtlu lil Ġesù għaliex “kien qed isejjaħ lil Alla wkoll Missieru stess, u b’hekk kien qed jagħmel lilu nnifsu ugwali m’Alla.”

Imma min qal li Ġesù kien qed jagħmel lilu nnifsu ugwali m’Alla? Mhux Ġesù. Hu ddefenda lilu nnifsu kontra din l-​akkuża falza fil-​vers stess li jmiss (19): “Għal din l-​akkuża Ġesù wieġeb: . . . ‘l-​Iben ma jistaʼ jagħmel xejn waħdu; jistaʼ jagħmel biss dak li jara lill-​Missier jagħmel.’”​—JB.

B’dan, Ġesù wera lil-​Lhud li hu ma kienx ugwali m’Alla u għalhekk ma setax jaġixxi fuq l-​inizzjattiva tiegħu stess. Nistgħu aħna nimmaġinaw li xi ħadd li hu ugwali m’Alla li Jistaʼ Kollox igħid li ma setaʼ “jagħmel xejn waħdu”? (Qabbel Danjel 4:​34, 35.) Taʼ interess, il-​kuntest kemm taʼ Ġwann 5:18 u kemm taʼ 10:30 juri li Ġesù ddefenda ruħu kontra akkużi foloz minn Lhud li, bħat-​Trinitarjani, kienu qed jiġbdu konklużjonijiet ħżiena!

“Ugwali M’Alla”?

F’FILIPPIN 2:6 d-​Douay Version (Dy) Kattolika tal-​1609 tgħid dwar Ġesù: “Li billi kien fis-​sura t’Alla, ma ħasibx li kienet serqa li jkun ugwali m’Alla.” Il-​King James Version (KJ) tal-​1611 tgħid kważi l-​istess ħaġa. Għadd taʼ verżjonijiet bħal dawn għadhom jintużaw minn xi wħud biex jappoġġjaw l-​ideja li Ġesù kien ugwali m’Alla. Imma nnota kif traduzzjonijiet oħra jittraduċu dan il-​vers:

1869: “li, billi kien fis-​sura t’Alla, ma qishiex bħala ħaġa li għandha tinħataf li jkun f’ugwaljanza m’Alla.” The New Testament, minn G. R. Noyes.

1965: “Hu​—verament taʼ natura divina!​—qatt b’kunfidenza fih innifsu ma għamel lilu nnifsu ugwali m’Alla.” Das Neue Testament, edizzjoni riveduta, minn Friedrich Pfäfflin.

1968: “li, għalkemm kien fis-​sura t’Alla, ma qiesx li jkun ugwali m’Alla bħala xi ħaġa li b’rgħiba jagħmilha tiegħu stess.” La Bibbia Concordata.

1976: “Hu dejjem kellu n-​natura t’Alla, imma ma ħasibx li bil-​forza għandu jipprova jsir ugwali m’Alla.” Today’s English Version.

1984: “li, għalkemm kien qed jeżisti fis-​sura t’Alla, ma ta ebda konsiderazzjoni għal ħtif, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.” New World Translation of the Holy Scriptures.

1985: “Li, billi kien fis-​sura t’Alla, ma għoddx l-​ugwaljanza m’Alla xi ħaġa li trid tinħataf.” The New Jerusalem Bible.

Xi wħud isostnu, madankollu, li saħansitra dawn it-​traduzzjonijiet iktar eżatti jimplikaw li (1) Ġesù diġà kellu l-​ugwaljanza imma ma riedx jibqaʼ jżommha jew li (2) ma kellux għalfejn jaħtaf l-​ugwaljanza għaliex diġà kellu l-​ugwaljanza.

F’dan ir-​rigward, Ralph Martin, f’The Epistle of Paul to the Philippians, igħid dwar il-​Grieg oriġinali: “Huwa dubjuż, madankollu, jekk is-​sens tal-​verb jistax jinbidel mit-​tifsir veru tiegħu taʼ ‘li taħtaf’, ‘li taħtaf b’mod vjolenti’ għal dak taʼ ‘li żżomm sod.’” The Expositor’s Greek Testament igħid ukoll: “Ma nistgħu nsibu ebda passaġġ fejn ἁρπάζω [har·paʹzo] jew xi waħda mid-​derivattivi tagħha għandha s-​sens taʼ ‘li żżomm fil-​pussess,’ ‘li żżomm għandek’. Tidher li b’mod invarjabbli tfisser ‘taħtaf,’ ‘taħtaf b’mod vjolenti’. B’hekk m’huwiex permissibbli li ttir ħelu ħelu mis-​sens veru ‘taħtaf’ lejn wieħed li hu totalment differenti, ‘iżżomm sod.’”

Minn dak li għidna jidher ċar li t-​tradutturi taʼ verżjonijiet bħalma huma d-​Douay u l-​King James qed igħawġu r-​regoli biex jappoġġjaw għanijiet Trinitarjani. Minflok ma jgħid li Ġesù ħaseb li kien xieraq li jkun ugwali m’Alla, il-​Grieg taʼ Filippin 2:​6, meta jinqara b’mod oġġettiv, juri preċiżament l-​oppost, li Ġesù ma ħasibx li kien xieraq.

Il-kuntest tal-​versi taʼ madwar (3-5, 7, 8, Dy) jagħmilha ċara kif vers 6 jrid jiġi mifhum. Il-​Filippin kienu mħeġġin: “Fl-​umiltà, ħalli kull wieħed jistma lill-​oħrajn aħjar minnu.” Imbagħad Pawlu juża lil Kristu bħala l-​eżempju li jispikka taʼ din l-​attitudni: “Ħalli dan il-​moħħ ikun fikom, li kien ukoll fi Kristu Ġesù.” Liema “moħħ”? Li ‘ma jaħsibx li hi serqa li jkun ugwali m’Alla’? Le, dak kieku jkun eżatt l-​oppost tal-​punt li qed jintgħamel! Minflok, Ġesù, li kien ‘jistma lil Alla bħala aħjar minnu,’ qatt ma kien se ‘jaħtaf l-​ugwaljanza m’Alla,’ imma minflok hu “umilja lilu nnifsu, billi sar ubbidjenti sal-​mewt.”

Ċertament, dan ma jistax ikun diskors dwar xi parti minn Alla li Jistaʼ Kollox. Kien diskors dwar Ġesù Kristu, li b’mod perfett ta stampa tal-​punt taʼ Pawlu hawnhekk​—jiġifieri l-​importanza tal-​umiltà u tal-​ubbidjenza lejn is-​Superjur u l-​Ħallieq taʼ dak li jkun, Alla Jehovah.

“Jiena Hu”

FI ĠWANN 8:58 għadd taʼ traduzzjonijiet, per eżempju The Jerusalem Bible, iġibu li Ġesù qal: “Qabel ma Abraham qatt kien, Jiena Hu.” Kien Ġesù qed igħallem hemm, bħalma jgħidu t-​Trinitarjani, li hu kien magħruf bit-​titlu “Jiena Hu”? U, bħalma jsostnu huma, ifisser dan li hu kien Jehovah tal-​Iskrittura Ebrajka, ladarba l-​King James Version f’Eżodu 3:14 tistqarr: “Alla qal lil Mosè, JIEN HU DAK LI JIEN”?

F’Eżodu 3:14 (KJ) il-​frażi “Jien Hu” hija wżata bħala titlu għal Alla biex jindika li hu kien jeżisti verament u kellu jagħmel dak li wiegħed. The Pentateuch and Haftorahs, editjat minn Dr. J. H. Hertz, igħid dwar il-​frażi: “Għall-​Iżraeliti fil-​jasar, it-​tifsira kellha tkun, ‘Għalkemm Hu għadu ma weriex il-​qawwa Tiegħu lejkom, Hu hekk se jagħmel; Hu huwa etern u żgur li se jifdikom.’ Il-​biċċa l-​kbira tat-​tradutturi moderni jsegwu lil Rashi [kummentatur Franċiż tal-​Bibbja u tat-​Talmud] f’li jittraduċu [Eżodu 3:14] ‘Jien se nkun dak li se nkun.’”

L-espressjoni fi Ġwann 8:58 hija differenti mhux ħażin minn dik użata f’Eżodu 3:14. Ġesù ma wżahiex bħala isem jew titlu imma bħala mezz biex jispjega l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem. Għalhekk, innota kif xi verżjonijiet oħra tal-​Bibbja jittraduċu Ġwann 8:58:

1869: “Minn qabel ma kien Abraham, jien kont.” The New Testament, minn G. R. Noyes.

1935: “Kont neżisti qabel ma twieled Abraham!” The Bible​—An American Translation, minn J. M. P. Smith u E. J. Goodspeed.

1965: “Qabel ma twieled Abraham, jien kont diġà l-​wieħed li jien.” Das Neue Testament, minn Jörg Zink.

1981: “Jien kont ħaj qabel ma twieled Abraham!” The Simple English Bible.

1984: “Qabel ma Abraham beda jeżisti, jien kont.” New World Translation of the Holy Scriptures.

B’hekk, il-​veru ħsieb tal-​Grieg użat hawn huwa li l-​“ewwel imwieled” maħluq minn Alla, Ġesù, kien jeżisti ħafna qabel ma Abraham kien imwieled.​—Kolossin 1:15; Proverbji 8:​22, 23, 30; Rivelazzjoni 3:14.

Għal darb’oħra, il-​kuntest juri li din hi l-​fehma korretta. Din id-​darba l-​Lhud riedu jħaġġru lil Ġesù talli sostna li “ra lil Abraham” għalkemm, bħalma qalu huma, kien għad m’għandux 50 sena. (Vers 57) It-​tweġiba naturali taʼ Ġesù kienet li jgħid il-​verità dwar l-​età tiegħu. Mela hu naturalment qalilhom li hu “kien ħaj qabel ma twieled Abraham!”​—The Simple English Bible.

“Il-​Kelma Kienet Alla”

FI ĠWANN 1:1 il-​King James Version taqra: “Fil-​bidu kienet il-​Kelma, u l-​Kelma kienet maʼ Alla, u l-​Kelma kienet Alla.” It-​Trinitarjani jsostnu li dan ifisser li “l-​Kelma” (Grieg, ho loʹgos) li ġie fl-​art bħala Ġesù Kristu kien Alla li Jistaʼ Kollox innifsu.

Innota, madankollu, li għal darb’oħra hawnhekk il-​kuntest ipoġġi l-​pedament għal fehma eżatta. Saħansitra l-​King James Version tgħid, “Il-​Kelma kienet maʼ Alla.” (Korsiv tagħna.) Xi ħadd li qiegħed “maʼ” persuna oħra ma jistax ikun l-​istess bħal dik il-​persuna l-​oħra. Fi qbil maʼ dan, il-​Journal of Biblical Literature, editjat mill-​Ġiżwita Joseph A. Fitzmyer, jinnota illi kieku l-​aħħar parti taʼ Ġwann 1:1 kellha tiġi interpretata li tfisser “dak” Alla, dan “kieku jikkontradixxi l-​frażi taʼ qabel,” li tgħid li l-​Kelma kienet maʼ Alla.

Innota, ukoll, kif traduzzjonijiet oħra jittraduċu din il-​parti tal-​vers:

1808: “u l-​kelma kienet wieħed alla.” The New Testament in an Improved Version, Upon the Basis of Archbishop Newcome’s New Translation: With a Corrected Text.

1864: “u wieħed alla kienet il-​kelma.” The Emphatic Diaglott, ‘interlinear reading,’ minn Benjamin Wilson.

1928: “u l-​Kelma kien esseri divin.” La Bible du Centenaire, L’Evangile selon Jean, minn Maurice Goguel.

1935: “u l-​Kelma kienet divina.” The Bible​—An American Translation, minn J. M. P. Smith u E. J. Goodspeed.

1946: “u taʼ xorta divina kienet il-​Kelma.” Das Neue Testament, minn Ludwig Thimme.

1950: “u l-​Kelma kien wieħed alla.” New World Translation of the Christian Greek Scriptures.

1958: “u l-​Kelma kienet wieħed Alla.” The New Testament, minn James L. Tomanek.

1975: “u wieħed alla (jew, taʼ xorta divina) kien il-​Kelma.” Das Evangelium nach Johannes, minn Siegfried Schulz.

1978: “u taʼ xorta bħal xi alla kien il-​Logos.” Das Evangelium nach Johannes, minn Johannes Schneider.

Fi Ġwann 1:1 jidher darbtejn in-​nom Grieg the·osʹ (alla). L-​ewwel darba li jidher jirreferi għal Alla li Jistaʼ Kollox, li miegħu kienet il-​Kelma (“u l-​Kelma [loʹgos] kien maʼ Alla [forma taʼ the·osʹ]”). Din l-​ewwel the·osʹ għandha qabilha l-​kelma ton (il-), forma tal-​artiklu definit Grieg li tipponta lejn identità distinta, f’dan il-​każ Alla li Jistaʼ Kollox (“u l-​Kelma kienet maʼ [l-]Alla”).

Mill-banda l-​oħra, m’hemmx artiklu quddiem it-​tieni the·osʹ fi Ġwann 1:1. Mela traduzzjoni litterali kieku taqra, “u alla kien il-​​Kelma.” Iżda rajna li ħafna traduzzjonijiet jittraduċu din it-​tieni the·osʹ (nom predikattiv) bħala “divina,” “bħal xi alla,” jew “wieħed alla.” Fuq liema awtorità jagħmluh dan?

Il-lingwa Griega għandha artiklu definit (“il-​”), imma m’għandhiex artiklu indefinit (bħal “a” jew “an” fl-​Ingliż). Mela meta nom predikattiv ma jkollux qablu l-​artiklu definit, jistaʼ jkun indefinit, jiddependi mill-​kuntest.

Il-Journal of Biblical Literature igħid li espressjonijiet “bi predikat anartruż [bla artiklu] qabel il-​verb, huma primarjament kwalitattivi fit-​tifsir.” Bħalma jinnota l-​Journal, dan jindika li l-​loʹgos jistaʼ jiġi mxebbah maʼ wieħed alla. Igħid ukoll dwar Ġwann 1:1: “Il-​forza kwalitattiva tal-​predikat hija tant prominenti li n-​nom [the·osʹ ] ma jistax jiġi meqjus bħala definit.”

Mela Ġwann 1:1 jenfasizza l-​kwalità tal-​Kelma, li kien ‘divin,’ “bħal xi alla,” “wieħed alla,” imma mhux Alla li Jistaʼ Kollox. Dan jaqbel mal-​bqija tal-​Bibbja, li turi li Ġesù, hawn imsejjaħ “il-​Kelma” fil-​parti tiegħu bħala l-​Kelliemi t’Alla, kien wieħed subordinat u ubbidjenti li ntbagħat fuq l-​art mis-​Superjur tiegħu, Alla li Jistaʼ Kollox.

Hemm ħafna versi oħra tal-​Bibbja li fihom kważi t-​tradutturi kollha b’mod konsistenti jdaħħlu l-​artiklu indefinit “a” (bl-Ingliż) fl-​​istess struttura tas-​sentenza Griega. Per eżempju, f’Mark 6:​49, meta d-​dixxipli raw lil Ġesù jimxi fuq l-​ilma, il-​King James Version tgħid: “Huma ħasbu li kien spirtu [“a spirit,” bl-​Ingliż].” Fil-​Grieg, ma hemm ebda “a” (“wieħed”) qabel “spirtu.” Imma kważi t-​traduzzjonijiet kollha jżidu “a” (“wieħed”) għaliex it-​traduzzjoni litterali bl-​Ingliż, “it had been spirit,” (“kienet spirtu,”) ma toqgħodx fil-​kuntest. Bl-​istess mod, ladarba Ġwann 1:1 juri li l-​Kelma kienet maʼ Alla, hu ma setax ikun Alla imma kien “wieħed alla,” jew ‘divin.’

Joseph Henry Thayer, teologu u studjuż li ħadem fuq l-​American Standard Version, stqarr b’mod sempliċi: “Il-​Logos kien divin, mhux l-​Esseri divin innifsu.” U l-​Ġiżwita John L. McKenzie kiteb fid-​Dictionary of the Bible tiegħu: “Ġn 1:1 għandu jiġi tradott b’mod rigoruż . . . ‘il-​kelma kien esseri divin.’”

Tinkiser Regola?

XI WĦUD isostnu, madankollu, li traduzzjonijiet bħal dawn jiksru regola tal-​grammatika Griega ppubblikata mill-​istudjuż Grieg E. C. Colwell lura fl-​1933. Hu insista li fil-​Grieg nom predikattiv “għandu l-​artiklu [definit] meta jiġi wara l-​verb; m’għandux l-​artiklu [definit] meta jiġi qabel il-​verb.” B’dan ried ifisser li nom predikattiv qabel il-​verb għandu jiġi mifhum bħal li kieku veru għandu l-​artiklu definit (“il-​”) quddiemu. Fi Ġwann 1:1 it-​tieni nom (the·osʹ ), il-​predikat, jiġi qabel il-​verb​—“u [the·osʹ ] kienet il-​Kelma.” Mela, sostna Colwell, Ġwann 1:1 għandu jaqra “u [l-]​Alla kienet il-​Kelma.”

Imma kkunsidra biss żewġ eżempji li nsibu fi Ġwann 8:44. Hemmhekk Ġesù jgħid dwar ix-​Xitan: “Dak il-​wieħed kien [wieħed] qattiel” u “hu [wieħed] giddieb.” Bħal fi Ġwann 1:​1, in-​nomi predikattivi (“qattiel” u “giddieb”) jiġu qabel il-​verbi (“kien” u “hu”) fil-​Grieg. Ma hemm ebda artiklu indefinit qabel iż-​zewġ nomi għaliex ma hemm ebda artiklu indefinit fil-​Grieg. Imma l-​biċċa l-​kbira tat-​traduzzjonijiet idaħħlu l-​kelma “a” (“wieħed”) għaliex il-​grammatika Ingliża u l-​kuntest jeħtiġuha.​—Ara wkoll Mark 11:32; Ġwann 4:19; 6:70; 9:17; 10:1; 12:6.

Colwell kellu jirrikonoxxi dan rigward in-​nom predikattiv, għax hu qal: “Huwa indefinit [“a” jew “an” (“wieħed”)] f’din il-​​pożizzjoni biss meta l-​kuntest jitolbu.” Mela saħansitra hu jammetti li meta l-​kuntest jitolbu, xi tradutturi jistgħu jdaħħlu artiklu indefinit quddiem in-​nom f’dan it-​tip taʼ struttura tas-​sentenza.

Jeħtieġ il-​kuntest artiklu indefinit fi Ġwann 1:1? Iva, għax it-​testimonjanza tal-​Bibbja kollha hi li Ġesù m’huwiex Alla li Jistaʼ Kollox. B’hekk, mhux ir-​regola dubjuża tal-​grammatika taʼ Colwell, imma l-​kuntest għandu jiggwida lit-​tradutturi f’każi bħal dawn. U jidher ċar mill-​ħafna traduzzjonijiet li jdaħħlu l-​artiklu indefinit bl-​Ingliż “a” [“wieħed”] fi Ġwann 1:1 u f’postijiet oħra li ħafna studjużi ma jaqblux maʼ regola artifiċjali bħal din, u lanqas il-​Kelma t’Alla.

Ebda Konflitt

LI TGĦID li Ġesù Kristu huwa “wieħed alla” imur kontra t-​tagħlim tal-​Bibbja li hemm biss Alla wieħed? Le, għax kultant il-​Bibbja tuża dak it-​terminu biex tirreferi għal ħlejjaq setgħana. Salm 8:5 jaqra: “Int ukoll issoktajt tagħmlu [lill-bniedem] ftit inqas minn uħud bħal xi alla [Ebrajk, ’elo·himʹ ],” jiġifieri, anġli. Fid-​difiża taʼ Ġesù kontra l-​akkuża tal-​Lhud, li hu sostna li hu Alla, hu nnota li “l-​Liġi tuża l-​kelma allat għal dawk li lilhom il-​kelma t’Alla kienet indirizzata,” jiġifieri, imħallfin umani. (Ġwann 10:​34, 35, JB; Salm 82:​1-6) Saħansitra Satana huwa msejjaħ “l-​alla taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet” fit-​2 Korintin 4:4.

Ġesù għandu pożizzjoni ferm ogħla mill-​anġli, minn bnedmin imperfetti, jew minn Satana. Ladarba dawn jirreferu għalihom bħala “allat,” uħud setgħana, ċertament li Ġesù jistaʼ jkun u huwa “wieħed alla.” Minħabba l-​pożizzjoni unika tiegħu f’relazzjoni maʼ Jehovah, Ġesù huwa wieħed “Alla Setgħan.”​—Ġwann 1:1; Isaija 9:6.

Imma “Alla Setgħan” bl-​ittri kapitali tagħha ma tindikax li Ġesù huwa b’xi mod ugwali maʼ Alla Jehovah? Lanqas xejn. Isaija sempliċement ipprofetizza li dan kellu jkun wieħed minn erbaʼ ismijiet li bihom Ġesù kellu jiġi msejjaħ, u fil-​lingwa Maltija ismijiet bħal dawn jinkitbu bl-​ewwel ittra kapitali. Xorta waħda, għalkemm Ġesù kien imsejjaħ “Setgħan,” jistaʼ jkun hemm wieħed biss li hu “li Jistaʼ Kollox.” Li ssejjaħ lil Alla Jehovah “li Jistaʼ Kollox” ikollu ftit sinjifikat jekk ma jeżistux oħrajn li wkoll kienu msejħin allat imma li okkupaw pożizzjoni iktar baxxa jew inferjuri.

Il-Bulletin of the John Rylands Library fl-​Ingilterra jinnota li skond it-​teologu Kattoliku Karl Rahner, waqt li the·osʹ hija wżata fi skritturi bħal Ġwann 1:1 biex tirreferi għal Kristu, “f’ebda wieħed minn dawn il-​każi ma hi the·osʹ użata b’tali mod biex tidentifika lil Ġesù maʼ dak li f’imkien ieħor fit-​Testment il-​Ġdid jiffigura bħala ‘ho Theos,’ jiġifieri, Alla s-​Suprem.” U l-​Bulletin iżid: “Jekk il-​kittieba tat-​Testment il-​Ġdid kienu jemmnu li huwa vitali li l-​fidili għandhom jistqarru lil Ġesù bħala ‘Alla’, wieħed kif jistaʼ jispjega l-​assenza kważi kompleta taʼ biss din il-​forma taʼ stqarrija fit-​Testment il-​Ġdid?”

Imma xi ngħidu dwar li l-​appostlu Tumas qal, “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” lil Ġesù fi Ġwann 20:28? Għal Tumas, Ġesù kien bħal “wieħed alla,” speċjalment fiċ-​ċirkostanzi mirakolużi li qanqlu l-​esklamazzjoni tiegħu. Xi studjużi jissuġġerixxu li Tumas setaʼ sempliċement għamel esklamazzjoni emozzjonali taʼ stagħġib, mitkellma lil Ġesù imma diretta lil Alla. Hu x’inhu l-​każ, Tumas ma kienx jaħseb li Ġesù kien Alla li Jistaʼ Kollox, għax hu u l-​appostli l-​oħra kollha kienu jafu li Ġesù qatt ma sostna li hu Alla imma għallem li Jehovah biss huwa “l-​uniku veru Alla.”​—Ġwann 17:3.

Għal darb’oħra, il-​kuntest igħinna nifhmu dan. Ftit jiem qabel, Ġesù rxoxtat kien qal lil Marija Maddalena biex tgħid lid-​dixxipli: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierek u għand Alla tiegħi u Alla tiegħek.” (Ġwann 20:17) Għalkemm Ġesù kien diġà ġie rxoxtat bħala spirtu setgħan, Jehovah kien għadu Alla tiegħu. U Ġesù kompla jirreferi għaliH bħala tali saħansitra fl-​aħħar ktieb tal-​Bibbja, wara li ġie gglorifikat.​—Rivelazzjoni 1:​5, 6; 3:​2, 12.

Tliet versi biss wara l-​esklamazzjoni taʼ Tumas, fi Ġwann 20:​31, il-​Bibbja tkompli tiċċara l-​kwistjoni billi tistqarr: “Dawn kienu miktubin biex intom tistgħu temmnu li Ġesù huwa l-​Kristu l-​Iben t’Alla,” mhux li kien Alla li Jistaʼ Kollox. U riedet tfisser “Iben” b’mod litterali, bħal fil-​każ taʼ missier u iben naturali, mhux bħala xi parti misterjuża taʼ sustanza t’Alla tat-​Trinità.

Irid Ikun Jaqbel Mal-​Bibbja

HUWA sostnut li diversi skritturi oħra jappoġġjaw lit-​Trinità. Imma dawn huma bħal dawk li ddiskutejna hawn fuq għaliex, meta jiġu eżaminati bir-​reqqa, ma joffru ebda appoġġ attwali. Testi bħal dawn juru biss li meta jikkunsidra xi appoġġ sostnut għat-​Trinità, wieħed irid jistaqsi: Taqbel l-​interpretazzjoni mat-​tagħlim konsistenti tal-​Bibbja kollha​—li Alla Jehovah biss huwa Suprem? Jekk ma taqbilx, allura l-​interpretazzjoni bil-​fors li hi żbaljata.

Għandna bżonn ukoll inżommu f’moħħna li lanqas saħansitra daqs “test taʼ prova” wieħed ma jgħid li Alla, Ġesù, u l-​ispirtu qaddis huma wieħed f’xi sustanza misterjuża t’Alla. Lanqas skrittura waħda x’imkien fil-​Bibbja ma tgħid li t-​tlieta kollha huma l-​istess fis-​sustanza, fil-​qawwa, u fl-​eternità. Il-​Bibbja hija konsistenti f’li tirrivela lil Alla li Jistaʼ Kollox, Jehovah, bħala waħdu Suprem, lil Ġesù bħala l-​Iben maħluq tiegħu, u lill-​ispirtu qaddis bħala l-​forza attiva t’Alla.

[Kumment f’paġna 24]

“L-​antiki wżaw ħażin [Ġwann 10:30] biex juru li Kristu huwa . . . tal-​istess essenza mal-​Missier.”​—Commentary on the Gospel According to John, minn John Calvin

[Kumment f’paġna 27]

Xi ħadd li qiegħed “maʼ” persuna oħra ma jistax ikun ukoll dik il-​persuna l-​oħra

[Kumment f’paġna 28]

“Il-​Logos kien divin, mhux l-​Esseri divin innifsu.”​—Joseph Henry Thayer, studjuż tal-​Bibbja

[Stampi f’paġna 24, 25]

Ġesù talab lil Alla li d-​dixxipli tiegħu jistgħu “lkoll ikunu ħaġa waħda,” sewwa sew bħalma hu u Missieru ‘huma ħaġa waħda’

[Stampa f’paġna 26]

Ġesù wera lil-​Lhud li hu ma kienx ugwali m’Alla, billi qal li hu ma setaʼ ‘jagħmel xejn waħdu imma biss dak li ra lil Missieru jagħmel’

[Stampi f’paġna 29]

Ladarba l-​Bibbja ssejjaħ lil bnedmin, lil anġli, saħansitra lil Satana, “allat,” jew uħud qawwija, is-​superjuri Ġesù fis-​sema jistaʼ b’mod xieraq jissejjaħ “wieħed alla”