Għandi Nitlaq mill-Iskola?
KAPITLU 19
Għandi Nitlaq mill-Iskola?
Sa fejn taħseb li għandek tasal fl-edukazzjoni tiegħek? ․․․․․
Ommok u missierek sa fejn iriduk tasal fl-edukazzjoni tiegħek? ․․․․․
IŻ-ŻEWĠ tweġibiet li ktibt hawn fuq jaqblu? Anki jekk jaqblu u għadek tmur l-iskola, għandu mnejn jiġuk ġranet meta tkun tixtieq li tistaʼ titlaq mill-iskola. Agħti daqqa t’għajn lejn il-kummenti li ġejjin u ara jekk qattx ħassejtek bħal dawn iż-żgħażagħ.
“Xi drabi tant kont inħossni stressata li ma kienx ikolli aptit inqum mis-sodda. Kont ngħid bejni u bejn ruħi: ‘Għala għandi mmur l-iskola u nitgħallem affarijiet li qatt ma se nuża?’”—Rachel.
“Kemm-il darba kont inħoss li xbajt mill-iskola u kulma ridt hu li nitlaq u nsib xogħol. Kont inħoss li ma kienet qed tagħmilli l-ebda ġid u kont nippreferi jkolli xogħol bil-paga dieħla.”—John.
“Kont immur skola sekondarja fiċ-ċentru tal-belt u kien diffiċli għalija biex nagħmel ħbieb. Ma kellix problemi bix-xogħol tal-iskola, imma qatt ma ħassejtni aċċettat u kont inqattaʼ ħafna ħin waħdi. Lanqas iż-żgħażagħ l-oħrajn li ma kinux jiġu aċċettati ma riedu jkellmuni! Kont inkun mejjet biex naqbad u nitlaq mill-iskola.”—Ryan.
“Kien ikolli saħansitra sa erbaʼ sigħat ħowmwerk kuljum! Tant spiċċajt mgħobbija b’assignments, projects, u testijiet—kollha wieħed f’wieħed—li kont inħossni li ma stajtx inkampa iktar u ridt nitlaq mill-iskola.”—Cindy.
“Kellna theddida taʼ bomba, suwiċidju, tliet attentati taʼ suwiċidju, u klikek vjolenti. Kultant kont inħoss li ż-żejjed kien kollu żejjed, u ridt nitlaq mill-iskola!”—Rose.
Qatt iffaċċjajt sfidi bħal dawn? Jekk iva, liema sitwazzjoni ġegħlitek tħossok li trid titlaq mill-iskola?
․․․․․
Forsi bħalissa qed taħseb bis-serjetà biex titlaq mill-iskola. Trid titlaq mill-iskola għax tassew wasal il-waqt? Jew għax xbajt mill-iskola? Kif tistaʼ tkun taf għal liema raġuni trid titlaq mill-iskola? Sabiex twieġeb din il-mistoqsija, l-ewwel trid tara x’jiġifieri li titlaq mill-iskola.
Nispiċċa l-Iskola jew Nitlaq mill-Iskola?
Int kif tiddeskrivi d-differenza li hemm bejn li tispiċċa l-iskola u li titlaq mill-iskola?
․․․․․
Kont taf li f’xi pajjiżi hu meħtieġ li ż-żgħażagħ idumu bejn ħames u tmien snin biss jattendu l-iskola? F’pajjiżi oħrajn, hu mistenni li l-istudenti jibqgħu jmorru l-iskola għal minn tal-inqas
għaxar snin. Għalhekk, m’hemmx xi età jew livell speċifiku li japplika għal kulħadd b’mod ugwali madwar id-dinja.Barra minn hekk, xi pajjiżi għandhom mnejn jippermettu li student jitgħallem xi suġġett jew is-suġġetti kollha mid-dar stess, mingħajr ma jmur l-iskola. L-istudenti li jiġu mgħallmin mid-dar tagħhom stess—ovvjament bil-permess u bil-kooperazzjoni tal-ġenituri tagħhom—ma jkunux qed jitilqu, biex ngħidu hekk, mill-iskola.
Madankollu, jekk għandek il-ħsieb li titlaq mill-iskola qabel ma jkun il-waqt li suppost ittemm l-edukazzjoni tiegħek—sew jekk fl-iskola u sew jekk mid-dar—jeħtieġ li tikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin:
X’titlob il-liġi? Bħalma diġà ssemma, il-liġijiet dwar l-ammont taʼ snin li student għandu jattendi l-iskola jvarja minn pajjiż għal ieħor. X’inhu l-ammont minimu taʼ snin li titlob il-liġi taʼ fejn toqgħod int? Wasalt int sa dan il-livell? Jekk tinjora l-parir tal-Bibbja biex tkun ‘sottomess lejn l-awtoritajiet superjuri’ u twaqqaf l-edukazzjoni tiegħek qabel ma tkun ilħaqt dan il-livell, tkun qed titlaq mill-iskola.—Rumani 13:1.
Ilħaqthom il-miri tiegħi fl-edukazzjoni? Liema miri trid li l-edukazzjoni tiegħek tgħinek tilħaq? M’intix ċert? Jeħtieġ tkun taf! Inkella tkun bħal passiġġier fuq ferrovija li m’għandux l-iċken ħjiel taʼ fejn irid imur. Mela poġġi bilqiegħda mal-ġenituri tiegħek u wieġeb is-sett taʼ mistoqsijiet taħt it-titlu “Il-Miri Tiegħi fl-Edukazzjoni,” li jinsabu f’paġna 139. Meta tagħmel dan, se tiġi megħjun tibqaʼ ffokat u se jkun t’għajnuna għalik u għall-ġenituri tiegħek biex tippjanaw kemm għandek iddum tattendi l-iskola.—Proverbji 21:5.
M’hemmx dubju li l-għalliema tiegħek u wħud oħrajn se jagħtuk xi pariri dwar sa fejn għandek tasal fl-edukazzjoni tiegħek. Iżda, fl-aħħar mill-aħħar il-ġenituri għandhom l-awtorità li jieħdu d-deċiżjoni finali. (Proverbji 1:8; ) Jekk twaqqaf l-edukazzjoni tiegħek qabel ma tkun ilħaqt il-miri fl-edukazzjoni li int u l-ġenituri tiegħek tkunu qbiltu fuqhom, int tkun qed titlaq mill-iskola. Kolossin 3:20
X’raġunijiet għandi biex nitlaq mill-iskola? Oqgħod attent li ma tkunx qed tidħaq bik innifsek. (Ġeremija 17:9) Hija tendenza umana li wieħed jaħseb li għandu raġunijiet validi biex jaġixxi b’mod egoistiku.—Ġakbu 1:22.
Hawn taħt ikteb ir-raġunijiet validi li jistaʼ jkollok biex twaqqaf l-edukazzjoni tiegħek qabel ma jkun il-waqt.
․․․․․
Hawn taħt ikteb liema raġunijiet egoistiċi għandek biex titlaq mill-iskola.
․․․․․
Liema raġunijiet validi ktibt? Ftit mill-possibbiltajiet jistgħu jkunu biex tgħin lill-familja tiegħek finanzjarjament jew biex tieħu sehem f’xogħol volontarju. Xi raġunijiet egoistiċi jistgħu jkunu biex tevita t-testijiet jew biex tevita l-ħowmwerk. L-isfida hi li tagħraf liema hi r-raġuni primarja tiegħek—u jekk hijiex valida jew egoistika.
Erġaʼ ħares lejn il-lista li ktibt hawn fuq u bl-onestà kollha nnumera minn 1 sa 5 r-raġunijiet għala tixtieq titlaq mill-iskola (in-numru 1 jindika l-inqas importanti, u n-numru 5 jindika l-iktar importanti). Jekk titlaq mill-iskola sempliċement biex tevita l-problemi, hemm realtà ħarxa tistenniek!
X’Fiha Ħażin Billi Nitlaq mill-Iskola?
Meta titlaq mill-iskola jkun bħallikieku qed taqbeż minn ferrovija qabel ma tkun wasalt fid-destinazzjoni tiegħek. Jistaʼ
jkun li l-ferrovija tkun skomda, u l-passiġġieri forsi ma jkunux dħulin. Iżda jekk taqbeż mill-ferrovija, ovvjament ma tasalx fid-destinazzjoni tiegħek u x’aktarx li tweġġaʼ serjament. Bl-istess mod, jekk titlaq mill-iskola għandek mnejn ma tilħaqx il-miri tiegħek fl-edukazzjoni, u b’hekk iġġib fuqek innifsek kemm problemi immedjati u kemm problemi li jitfaċċaw maż-żmien, bħalma huma dawn li ġejjin:Problemi immedjati: X’aktarx li se tkun iktar diffiċli biex issib xogħol. U jekk issib xogħol, x’aktarx li jkun b’inqas paga minn xogħol li ssib kieku tkun komplejt l-iskola. Sabiex ikollok livell bażiku t’għajxien, għandu mnejn ikollok taħdem sigħat itwal f’ambjent li x’aktarx ikun saħansitra inqas pjaċevoli mill-ambjent tal-iskola bħalissa.
Sfidi li jitfaċċaw maż-żmien: Ir-riċerka turi li hemm probabbiltà ikbar li dawk li jitilqu mill-iskola jkollhom saħħa iktar batuta, jispiċċaw il-ħabs, u jkollhom jiddependu minn benefiċċji soċjali.
M’għandniex xi ngħidu, m’għandek l-ebda garanzija li jekk tkompli l-iskola se tevita dawn il-problemi. Iżda għala għandek titfaʼ l-ġebla fuq saqajk billi titlaq mill-iskola?
Kif Nibbenefika Jekk Ma Nitlaqx mill-Iskola
Jekk m’għaddejtx minn xi test jew jekk kellek xi ġurnata diffiċli
fl-iskola, għandek mnejn tkun trid taqbad u tirrassennja ruħek. Kwalunkwe problema li tistaʼ tinqalaʼ fil-futur forsi tidher li mhi xejn meta mqabbla mas-sitwazzjoni kerha tal-preżent. Imma qabel ma tagħmel l-iktar għażla “faċli” kkunsidra x’jgħidu l-istudenti li ġew kwotati fil-bidu taʼ dan il-kapitlu dwar kif ibbenefikaw għax komplew l-iskola.“Tgħallimt nuri s-sabar u nkun iktar determinata. Tgħallimt ukoll li jekk trid tieħu pjaċir tagħmel xi ħaġa, trid tbiddel l-attitudni tiegħek stess. Minħabba li komplejt l-iskola tejjibt is-sengħa tiegħi tal-arti u se nużaha meta nispiċċa l-iskola.”—Rachel.
“Issa naf li jekk naħdem iebes nistaʼ nilħaq il-miri tiegħi. Fl-iskola qed nieħu kors prattiku ferm fuq taħriġ tekniku. Dan se
jgħinni biex ikolli l-kwalifiki għax-xogħol li nixtieq bħala mekkanik fuq magni tal-istampar.”—John.“Minħabba li ppersistejt, ksibt l-abbiltà bażika li nikteb u naqra sew. L-iskola għallmitni kif nibbenefika mill-kritika u kif nesprimi ruħi b’mod ċar u bil-loġika—abbiltajiet li huma taʼ siwi fil-ministeru Kristjan tiegħi.”—Ryan.
“L-iskola għenitni ntejjeb l-abbiltà li nsolvi l-problemi, sew fil-klassi u sew xi mkien ieħor. Tgħallimt xi rrid nagħmel meta niffaċċja sfidi akkademiċi, soċjali, u fiżiċi. Dan tassew għenni nimmatura.”—Cindy.
“L-iskola għenitni nħejji ruħi għall-isfidi li jinqalgħu fuq il-post tax-xogħol. Ukoll, iffaċċjajt ħafna sitwazzjonijiet li ġegħluni neżamina r-raġunijiet għall-fidi tiegħi. Għalhekk, l-iskola saħħitli l-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħi.”—Rose.
Is-sultan għaref Salamun kiteb: “Aħjar it-tmiem taʼ xi ħaġa milli l-bidu tagħha. Aħjar min hu paċenzjuż milli min għandu spirtu supperv.” (Ekkleżjasti 7:8) Mela minflok ma titlaq mill-iskola, ipprova solvi l-problemi li tiffaċċja fl-iskola bil-paċenzja kollha. Jekk tagħmel dan, se ssib li fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultat se jiswielek ħafna iktar taʼ ġid.
Xi ngħidu jekk raġuni waħda għala tobgħod l-iskola tkun għax ma tistax tingwalaha maʼ xi ħadd mill-għalliema tiegħek?
SKRITTURA PRINĊIPALI
“Kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.”—Proverbji 21:5.
SUĠĠERIMENT
Jekk qed tissielet biex tkampa mal-ambjent tal-iskola, ara jekk tistax tinkiteb f’xi kors taʼ taħriġ li jippermettilek tikseb il-kwalifiki meħtiġin f’inqas żmien milli kieku tagħmlu l-iskola.
KONT TAF . . . ?
Żgħażagħ li jiskartaw il-lezzjonijiet iktar għandhom tendenza li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt.
L-AZZJONI LI SE NIEĦU
Jekk qed insib diffikultà f’xi suġġett, minflok ma nitlaq mill-iskola, jien se ․․․․․
Jekk l-għeja qed iġġegħelni nħoss li rrid nitlaq mill-iskola, se nkun nistaʼ nkampa jekk jien ․․․․․
Dak li nixtieq nistaqsi lill-ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-suġġett hu ․․․․․
INT X’TAĦSEB?
● Għala hu vitali li titgħallem il-matematika u li titgħallem taqra u tikteb b’mod tajjeb?
● Ara liema miri akkademiċi tistaʼ tilħaq fi ftit żmien. Dawn il-miri kif jistgħu jgħinuk toqgħod attent(a) u tieħu vantaġġ mill-edukazzjoni provduta mill-iskola?
● Għala hu importanti għalik li jkollok ħjiel taʼ liema tip taʼ impjieg tixtieq issib wara li tkun spiċċajt l-iskola?
[Kumment f’paġna 140]
Ma tistax taħrab mill-problemi tiegħek. L-iskola tgħinek tiddefendi d-drittijiet tiegħek—abbiltà li se tiswielek taʼ ġid fuq il-post tax-xogħol u f’postijiet oħrajn.’’ —Ramona
[Kaxxa f’paġna 139]
Eżerċizzju
Il-Miri Tiegħi fl-Edukazzjoni
Wieħed mill-iktar għanijiet importanti li għandha l-edukazzjoni hu li tħejjik biex issib xogħol li se jgħinek tmantni lilek innifsek u lill-familja li forsi tibni fil-futur. (2 Tessalonikin 3:10, 12) Iddeċidejt x’tip taʼ xogħol trid? U ż-żmien tal-iskola, kif jistaʼ jgħinek tħejji ruħek għal dan ix-xogħol? Sabiex tiġi megħjun tara jekk l-edukazzjoni li qed tieħu hijiex qed tmexxik fid-direzzjoni t-tajba, wieġeb dawn il-mistoqsijiet:
X’abbiltajiet għandi? (Pereżempju, taf tingwalaha man-nies? Tieħu pjaċir tagħmel xogħol manwali, toħloq affarijiet ġodda, jew issewwi l-affarijiet? Tinqalaʼ int biex tanalizza u ssolvi l-problemi?) ․․․․․
Liema impjiegi se jippermettuli nuża l-abbiltajiet li għandi? ․․․․․
Liema opportunitajiet taʼ impjieg huma disponibbli fejn ngħix jien? ․․․․․
Liema suġġetti li għandi bħalissa se jħejjuni għad-dinja tax-xogħol? ․․․․․
Liema għażliet li għandi bħalissa fl-edukazzjoni se jgħinuni nilħaq il-miri tiegħi b’iktar effiċjenza? ․․․․․
Ftakar li l-mira tiegħek hi li tispiċċa l-iskola b’edukazzjoni li tistaʼ tpoġġiha fil-prattika. Mela tmurx fl-estrem l-ieħor u tibqaʼ tistudja bla waqfien, u b’hekk tibqaʼ “fuq il-ferrovija” b’mod indefinit sempliċement biex taħrab mir-responsabbiltajiet li jkollok bħala adult. *
[Nota ta’ taħt]
^ par. 69 Għal iktar informazzjoni, ara Volume 2, Kapitlu 38.
[Stampa f’paġni 138, 139]
Meta titlaq mill-iskola jkun bħallikieku qed taqbeż minn ferrovija qabel ma tkun wasalt fid-destinazzjoni tiegħek