Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nqassam il-Ħin Tiegħi Sew?

Kif Nistaʼ Nqassam il-Ħin Tiegħi Sew?

KAPITLU 21

Kif Nistaʼ Nqassam il-Ħin Tiegħi Sew?

Kemm-​il siegħa iktar tixtieq li kellek fil-​ġurnata? ․․․․․

Kieku kif tqattagħhom dawn is-​sigħat?

□ Biex noħroġ mal-​ħbieb

□ Biex norqod

□ Biex nistudja

□ Xi ħaġa oħra ․․․․․

IL-​ĦIN hu bħal żiemel salvaġġ—biex ikun utli għalik, jeħtieġ titgħallem iżżommlu r-​riedni. Jekk tikkontrolla l-​ħin tiegħek, x’aktarx li tnaqqas l-​istress li jkollok, ittejjeb il-​marki tiegħek fl-​iskola, u tikseb iktar fiduċja mill-​ġenituri tiegħek. Int għandek mnejn tgħid: “Kieku sew! Imma huwa iktar faċli tgħidha milli tagħmilha!” Huwa minnu li se tiffaċċja xi sfidi. Iżda tistaʼ tegħlibhom. Ejja nieħdu xi eżempji.

L-​1 Sfida: Tagħmel Skeda

X’jistaʼ jwaqqfek? Il-​ħsieb biss li tagħmel skeda jġiegħlek tħossok maqbud ġo nassa! Int tħobb tkun spontanju, u mhux marbut maʼ xi skeda.

Għala għandek iżżomm maʼ skeda xorta waħda? Is-​Sultan Salamun kiteb: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih.” (Proverbji 21:5) Salamun kien ikollu ħafna x’jagħmel—kien raġel miżżewweġ, missier, u sultan. U x’aktarx li iktar ma kiber, ħajtu iktar saret mgħaġġla. Int ukoll għandek ħafna x’tagħmel fil-​preżent. Iżda x’aktarx li iktar ma tikber iktar se jkollok ħajja mgħaġġla. Għalhekk, organizza ruħek illum qabel għada!

X’jgħidu dawk tamparek? “Madwar sitt xhur ilu bdejt nippjana l-​iskeda tiegħi b’mod regulari. Kont qed nipprova nagħmel l-​affarijiet eħfef għalija, u s-​sigriet donnu kien li jkolli skeda!”—Joey.

“Meta nagħmel lista niġi megħjuna nżomm mal-​iskeda tiegħi. Meta jkolli iżjed affarijiet x’nagħmel, jien u ommi niktbu kollox u naraw kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex nilħqu l-​miri tagħna.”—Mallory.

X’se jgħinek? Ħares lejha b’dan il-​mod: Ejja ngħidu li se tagħmel vjaġġ bil-​karozza. Kull membru tal-​familja tiegħek jaqbad u jitfaʼ bl-​addoċċ il-​basket tiegħu fil-​bagoll tal-​karozza. Jidher li mhux se jkun hemm biżżejjed spazju għal kollox. X’tistaʼ tagħmel? Forsi tistaʼ tibda mill-​ġdid billi l-​ewwel tippostja l-​basktijiet il-​kbar u mbagħad tippostja l-​basktijiet iż-​żgħar fl-​ispazju li jkun fadal.

Tistaʼ tapplika l-​istess strateġija biex timmaniġġa ħajtek. Jekk tibda timla l-​ħin tiegħek b’affarijiet żgħar, tkun qed tissogra li ma jkollokx ħin għall-​affarijiet importanti. Agħmel il-​ħin għall-​affarijiet importanti l-​ewwel, u tiskanta kemm ikollok iktar ħin għall-​bqija tal-​affarijiet!—Filippin 1:10.

Liema huma l-​iktar affarijiet importanti li għandek bżonn tagħmel?

․․․․․

Issa erġaʼ agħti titwila lejn dak li għadek kemm ktibt u agħraf il-​prijoritajiet—innumera, f’ordni taʼ importanza, l-​affarijiet li għandek bżonn tagħmel. Jekk l-​ewwel tlesti l-​affarijiet importanti, għandek mnejn tibqaʼ skantat b’kemm jibqagħlek ħin biex tagħmel l-​affarijiet taʼ inqas importanza.

X’tistaʼ tagħmel? Żomm djarju żgħir u poġġi f’ordni taʼ importanza dak li għandek bżonn tagħmel. Inkella ara liema waħda minn dawn l-​alternattivi tistaʼ tkun utli għalik.

□ Kalendarju fuq il-​mowbajl

Notebook żgħir

□ Kalendarju fuq il-​kompjuter

□ Kalendarju fuq l-​iskrivanija

It-​2 Sfida: Iżżomm maʼ Skeda

X’jistaʼ jwaqqfek? Wara l-​iskola kulma tkun trid hu li tirrilassa xi ftit u toqgħod tara t-​televixin għal ftit minuti. Jew forsi tippjana li tistudja għal xi test, iżda tirċievi messaġġ fuq il-​mowbajl biex tmur tara film. L-​istudju jistaʼ jistenna sal-​lejla, imma l-​film le. Int tgħid bejnek u bejn ruħek: ‘Barra minn hekk, donni nistudja aħjar meta nkun taħt pressjoni.’

Għala għandek iżżomm maʼ skeda xorta waħda? Jekk tistudja meta moħħok ikun iktar frisk tistaʼ ġġib marka ogħla. Barra minn hekk, għandek biżżejjed pressjoni maʼ xiex tkampa! Għala għandek iżżid iktar pressjoni milli għandek billi tistudja taʼ kafkaf għat-​test tard bil-​lejl? U x’se jiġri l-​għada filgħodu? Għandek mnejn tibqaʼ rieqed, tħossok iktar stressat, ikollok titlaq tiġri ’l barra mid-​dar, u forsi tasal tard l-​iskola.—Proverbji 6:10, 11.

X’jgħidu dawk tamparek? “Inħobb nara t-​televixin, indoqq il-​kitarra, u nqattaʼ l-​ħin mal-​ħbieb. Dawn l-​affarijiet mhumiex ħżiena; imma kultant nispiċċa npoġġi l-​affarijiet iktar importanti fit-​tieni post, u minħabba f’hekk ikolli nagħmel kollox bl-​għaġla.”Julian.

X’se jgħinek? Fl-​iskeda tiegħek tiktibx biss l-​affarijiet li għandek tagħmel—ikteb ukoll l-​affarijiet li tħobb tagħmel. Julian jgħid: “Insibha iktar faċli nagħmel dak li għandi nagħmel meta nkun naf li wara għandi xi affarijiet pjaċevoli pjanati.” Suġġeriment ieħor hu li jkollok mira importanti lejn xiex tħares ’il quddiem u, sa ma tilħaqha, tagħmel miri żgħar biex tkun ċert li għadek iżżomm mal-​iskeda tiegħek.

X’tistaʼ tagħmel? Ikteb mira realistika jew tnejn li tistaʼ tilħaq fis-​sitt xhur li ġejjin.

․․․․․

Liema mira realistika tistaʼ tilħaq fis-​sentejn li ġejjin? X’għandek bżonn tibda tagħmel minn issa biex tilħaq din il-​mira? *

․․․․․

It-​3 Sfida: Tkun Nadif u Organizzat

X’jistaʼ jwaqqfek? Ma tistax tifhem x’għandhom x’jaqsmu li tkun nadif u organizzat maʼ li tqassam il-​ħin tiegħek aħjar. Barra minn hekk, li tkun traskurat jidher ħafna iktar faċli. It-​tindif tal-​kamra tiegħek jistaʼ jsir għada—jew qatt! L-​imbarazz f’kamartek ma jdejqekx, u allura mhix problema. Iżda l-​fatt hu li hi problema!

Għala għandek iżżomm maʼ skeda xorta waħda? Jekk ikollok kollox nadif u f’postu se tiffranka l-​ħin meta tiġi biex tfittex l-​affarijiet tiegħek. Ukoll, dan se jagħtik is-​serħan tal-​moħħ li tant għandek bżonn.—1 Korintin 14:40.

X’jgħidu dawk tamparek? “Xi kultant, meta ma jkollix ħin biex nerfaʼ ħwejġi f’posthom, l-​affarijiet li jkolli bżonn jispiċċaw mirdumin taħt l-​imbarazz!”—Mandy.

“Domt ġimgħa nfittex il-​kartiera. Spiċċajt veru stressat minħabba f’hekk. Fl-​aħħar sibtha meta naddaft kamarti.”—Frank.

X’se jgħinek? Ipprova poġġi l-​affarijiet lura f’posthom malajr kemm jistaʼ jkun. Agħmel dan b’mod regulari minflok ma toqgħod tistenna sakemm jirkbek l-​imbarazz.

X’tistaʼ tagħmel? Ipprova ħudha drawwa li tħalli nadif u pulit. Żomm kollox iktar nadif u pulit, u ara jekk dan jagħmillekx il-​ħajja iktar faċli.

Kemm int, kemm dawk tamparek, u kemm il-​ġenituri tiegħek, ilkoll għandkom l-​istess ammont taʼ ħin kuljum. Jekk taħli l-​ħin int se tbati. Jekk tużah bil-​għaqal int se tgawdi. L-​għażla f’idejk.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Ommok u missierek huma immigranti? Tħossok ħuta barra mill-​ilma kemm fl-​iskola u kemm fid-​dar? Tgħallem kif tistaʼ ddawwar iċ-​ċirkustanzi tiegħek biex ikunu taʼ vantaġġ għalik.

[Nota ta’ taħt]

^ par. 32 Għal iktar informazzjoni, ara Kapitlu 39 taʼ dan il-​ktieb.

SKITTURA PRINĊIPALI

‘Aċċertaw ruħkom minn dak li hu iktar importanti.’​—Filippin 1:10.

SUĠĠERIMENT

Tipprovax tapplika f’daqqa s-​suġġerimenti kollha li jingħataw f’dan il-​kapitlu. Minflok, matul ix-​xahar li ġej, applika wieħed minnhom biss. Meta tkun tgħallimt kif tapplika sew dan is-​suġġeriment, agħżel ieħor fuqiex taħdem.

KONT TAF . . . ?

Jekk tippjana wisq attivitajiet fil-​ġurnata se jkollok ħafna stress. Jekk tagħmel prijoritajiet, tkun taf liema attivitajiet għandek tagħmel u liema għandek tħalli barra.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

L-​attività li fiha jien nistaʼ nqattaʼ inqas ħin hi ․․․․․

Jien se nuża l-​ħin li nkun iggwadanjajt biex nagħmel dan li ġej ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Kif se tiġi megħjun timmaniġġa d-​dar tiegħek stess fil-​futur jekk titgħallem tqassam il-​ħin tiegħek minn issa?

● Liema lezzjonijiet dwar kif tqassam il-​ħin tistaʼ titgħallem mill-​ġenituri tiegħek?

● Jekk diġà tuża skeda, liema bidliet tistaʼ tagħmel biex din tkun iktar effettiva?

[Kumment f’paġna 154]

“Smajt individwu jgħid, b’ċajta, li jekk xi ħadd ikun iridni nkun xi mkien fl-​erbgħa, irid jgħidli biex inkun hemm fit-​tlieta. Kien hemmhekk li indunajt li għandi bżonn inqassam il-​ħin tiegħi aħjar!”​—Ricky

[Kaxxa f’paġna 155]

Kif Inqattaʼ l-​Ħin Tiegħi?

F’ġimgħa, iż-​żgħażagħ taʼ bejn it-​8 u t-​18-​il sena qattgħu bejn wieħed u ieħor dawn l-​ammonti taʼ sigħat b’dan il-​mod:

17

mal-​ġenituri tagħhom

30

fl-​iskola

44

jaraw it-​televixin, jilagħbu l-​logħob tal-​kompjuter, jibagħtu l-​messaġġi fuq l-​Internet, u jisimgħu l-​mużika

Għodd is-​sigħat li tqattaʼ kull ġimgħa

tilgħab il-​logħob tal-​kompjuter ․․․․․

tara t-​televixin ․․․․․

tuża l-​Internet ․․․․․

tismaʼ l-​mużika ․․․․․

Total ․․․․․

Sigħat li nistaʼ faċilment inqattaʼ f’iktar affarijiet importanti ․․․․․

[Stampa f’paġna 153]

Il-​ħin hu bħal żiemel salvaġġ ​—trid titgħallem iżżommlu r-​riedni.