Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?

Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?

KAPITLU 6

Kif Nistaʼ Ningwalaha maʼ Ħuti?

Kif tqisha r-​relazzjoni tiegħek ma’ kull wieħed u waħda minn ħutek? Agħmel ✔ maġenb id-​deskrizzjoni li tapplika għalik.

XI AĦWA jħossuhom qrib ferm taʼ xulxin. Pereżempju, Felicia, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Oħti Irena, li għandha 16-​il sena, hi waħda mill-​aqwa ħbieb tiegħi.” U Carly, li għandha 17-​il sena, tgħid hekk dwar ħuha Eric, li għandu 20 sena: “Ningwalawha sew. Lanqas qatt ma niġġieldu.”

Mill-​banda l-​oħra, ħafna għandhom relazzjoni bħal dik taʼ Lauren u Marla. “Aħna niġġieldu għal kull ħaġa taʼ xejn,” tgħid Lauren. Jew għandek mnejn tħossok bħal Alice, li għandha 12-​il sena. Hi tgħid hekk dwar ħuha Dennis, li għandu 14-​il sena: “Itellagħhomli! Jaqbad u jidħol f’kamarti u ‘jissellef’ l-​affarijiet mingħajr ma jitlob permess. Qisu tifel żgħir!”

Hemm xi ħadd minn ħutek li jtellagħhomlok? M’għandniex xi ngħidu, il-​ġenituri tiegħek għandhom ir-​responsabbiltà li jżommu l-​ordni fid-​dar. Madankollu, illum jew għada trid titgħallem tingwalaha m’oħrajn. Dan tistaʼ titgħallmu waqt li tkun għadek id-​dar.

Aħseb ftit dwar it-​tilwim li kellek maʼ ħuk jew oħtok. Dwar xiex tiġġieldu l-​iktar? Ħares lejn il-​lista t’hawn taħt, u agħmel ✔ maġenb it-​tip taʼ kwistjoni li ġġiegħlek titbaqbaq!

L-​affarijiet persunali. Xi ħadd minn ħuti “jissellef” xi affarijiet mingħajr ma jitlob permess.

In-​nuqqas taʼ qbil minħabba l-​personalità. Xi ħadd minn ħuti jaġixxi b’egoiżmu jew b’nuqqas taʼ ħsieb jew jipprova jikkontrollali ħajti.

Il-​privatezza. Xi ħadd minn ħuti jidħol f’kamarti mingħajr ma jħabbat jew jaqrali l-​e-​mails jew il-​messaġġi minn fuq il-​mowbajl mingħajr ma jitlob permess.

Kwistjoni oħra ․․․․․

Jekk xi ħadd minn ħutek il-​ħin kollu jdejqek billi joqgħod jgħidlek x’għandek tagħmel jew billi jinvadi l-​privatezza tiegħek, forsi jkun diffiċli biex ma tiġmax ir-​rabja ġo fik. Imma proverbju fil-​Bibbja jgħid: “Meta tagħsar imnieħrek joħroġ id-​demm, u meta tagħsar ir-​rabja joħroġ it-​tilwim.” (Proverbji 30:33) Sewwasew bħalma għandek mnejn tinfaraġ jekk tagħsar, jew tagħfas, imnieħrek, hekk ukoll jekk iżżomm fil-​komma tistaʼ tasal biex tinfexx f’dagħdigħa taʼ rabja. Imbagħad il-​problema se tiggrava. (Proverbji 26:21) Kif tistaʼ tevita li r-​rabja tinbidel f’argument sħun? L-​ewwel pass hu li tidentifika l-​problema vera.

L-​Argument jew il-​Problema li Ma Tkunx Daqshekk Evidenti?

Il-​problemi fost l-​aħwa huma bħall-​ponot fuq il-​wiċċ. L-​evidenza li jkun hemm ponta hi daqsxejn taʼ ħmura li tagħti fil-​għajn, imma l-​kaġun tagħha jkun infezzjoni li ma tidhirx. Bl-​istess mod, argument sħun bejn l-​aħwa spiss ikun biss l-​evidenza li hemm problema li ma tkunx daqshekk evidenti.

Tistaʼ teħles minn ponta billi tifqagħha. Madankollu, int tkun sempliċement ħlist mis-​sintomu, u jistaʼ jkun li tħalli xi marka jew tiggrava l-​infezzjoni. L-​aħjar ħaġa li tagħmel hi li tikkura l-​infezzjoni, u b’hekk tevita li jitilgħulek iktar ponot. L-​istess jistaʼ jingħad meta jkollok problemi maʼ ħutek. Tgħallem identifika l-​problema li ma tkunx daqshekk evidenti, u b’hekk tevita l-​argument u tmur mill-​ewwel f’ras il-​għajn. Ukoll, jistaʼ jirnexxilek tapplika l-​parir tas-​sultan għaref Salamun, li kiteb: “Id-​dehen taʼ bniedem itaffilu r-​rabja tiegħu.”—Proverbji 19:11.

Pereżempju, Alice, li ssemmiet qabel, qalet hekk dwar ħuha Dennis: “Jaqbad u jidħol f’kamarti u ‘jissellef’ l-​affarijiet mingħajr ma jitlob permess.” Din hi l-​kwistjoni. Imma x’taħseb li hi l-​problema vera? X’aktarx li għandha x’taqsam mar-​rispett. Alice setgħet issolvi din il-​problema billi tgħid lil Dennis biex qatt iktar ma jerġaʼ jidħol f’kamritha jew juża l-​affarijiet tagħha. Imma b’dan il-​mod setgħet issolvi biss is-​sintomu, u b’hekk x’aktarx tikkaġuna iktar argumenti. Madankollu, li kieku Alice kellha tikkonvinċi lil Dennis biex jirrispetta l-​privatezza u l-​affarijiet persunali tagħha, bla dubju r-​relazzjoni taʼ bejniethom titjieb.

Tgħallem Solvi jew Evita l-​Argumenti

M’għandniex xi ngħidu, li tidentifika l-​problemi li ma jkunux daqshekk evidenti li jkollok maʼ xi ħadd minn ħutek huwa biss parti mis-​soluzzjoni. X’tistaʼ tagħmel biex issolvi l-​problema u tevita li jkollok xi argument ieħor fil-​futur? Ipprova applika dawn is-​sitt passi.

1. Ftiehem fuq ċerti regoli bażiċi. Ħares lura u ara x’kien il-​kaġun tal-​argument li nqalaʼ bejnek u bejn xi ħadd minn ħutek. Ara jekk flimkien tistgħux tagħmlu xi regoli li t-​tnejn li intom taqblu fuqhom u li jkunu taʼ soluzzjoni għall-​problema li ma tkunx daqshekk evidenti. Pereżempju, jekk tiġġieldu fuq l-​affarijiet persunali, Regola numru 1 tistaʼ tkun: “Dejjem itlob permess qabel ma tieħu xi ħaġa li mhix tiegħek.” Regola numru 2 tistaʼ tkun: “Irrispetta l-​fatt li ħutek għandhom dritt jgħidulek, ‘Le, ma tistax tużah dak l-​oġġett.’” Meta tagħmel dawn ir-​regoli, ftakar fil-​kmand taʼ Ġesù li jgħid: “Għalhekk, kulma tridu li l-​bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom ukoll.” (Mattew 7:12) B’dan il-​mod, se tagħmlu regoli li sew int u sew ħuk jew oħtok tistgħu tirrispettaw. Imbagħad, iddiskutu mal-​ġenituri tagħkom biex tkunu żguri li huma japprovaw il-​ftehim li tkunu lħaqtu bejnietkom.​—Efesin 6:1.

2. Żomm mar-​regoli int stess. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Int, mela, li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int li tippriedka ‘Tisraqx,’ tisraq int?” (Rumani 2:21) Kif tistaʼ tapplika dan il-​prinċipju? Pereżempju, jekk trid lil xi ħadd minn ħutek jirrispetta l-​privatezza tiegħek, daqshekk ieħor jeħtieġ li int tħabbat qabel ma tidħol fil-​kamra taʼ ħuk jew oħtok jew li titlob permess qabel ma taqra l-​e-​mails jew il-​messaġġi minn fuq il-​mowbajl tiegħu jew tagħha.

3. Tiħux għalik malajr. Dan għala hu parir għaqli? Għax bħalma jgħid proverbju fil-​Bibbja, “l-​istupidi jieħdu għalihom u jżommu f’qalbhom.” (Ekkleżjasti 7:9) Jekk int tieħu għalik malajr, ħajtek se tkun miżerabbli. M’għandniex xi ngħidu, se jkun hemm drabi meta ħuk jew oħtok se jagħmlu jew jgħidu affarijiet li jdejquk. Imma staqsi lilek innifsek, ‘Jien ġieli għamilt xi ħaġa simili lil ħija jew lil oħti fil-​passat?’ (Mattew 7:1-​5) Jenny tgħid: “Meta kelli 13-​il sena kont naħseb li naf iktar minn kulħadd u li l-​opinjoni tiegħi kienet l-​iktar waħda importanti u għandha tinstemaʼ. Oħti ż-​żgħira issa għaddejja minn fażi simili. Għalhekk, nipprova ma niħux għaliha.”

4. Aħfer u insa. Il-​problemi serji għandhom jiġu diskussi u solvuti. Imma hemm għalfejn toqgħod tħaqqaqha maʼ xi ħadd minn ħutek għal kull żball li jagħmel? Alla Ġeħova japprezza meta int tkun lest li ‘tħalli nuqqas għaddej.’ (Proverbji 19:11) Alison, li għandha 19-​il sena, tgħid: “Ġeneralment, jien u oħti Rachel jirnexxilna nsolvu d-​differenzi taʼ bejnietna. It-​tnejn li aħna nkunu lesti li niskużaw ruħna malajr u mbagħad niddiskutu x’setaʼ kien il-​kaġun tan-​nuqqas taʼ qbil bejnietna. Kultant, inħalli dik il-​ġurnata tgħaddi qabel ma niddiskuti xi problema. U ħafna drabi, l-​għada filgħodu jkun qisu qatt ma ġara xejn, tant li lanqas biss ikolli għalfejn niddiskuti l-​problema.”

5. Dur lejn il-​ġenituri tiegħek għall-​għajnuna. Jekk int u xi ħadd minn ħutek ma tkunux tistgħu ssolvu xi kwistjoni importanti, il-​ġenituri tagħkom jistgħu jgħinukom tirranġaw biex ikun hemm il-​paċi bejnietkom. (Rumani 14:19) Madankollu, ftakar li meta jirnexxilek issolvi xi argument mingħajr ma jkollok għalfejn tinvolvi lill-​ġenituri tiegħek, tkun għamilt pass importanti f’ħajtek—għax turi li tassew qed timmatura.

6. Apprezza l-​kwalitajiet tajbin taʼ ħutek. X’aktarx li ħutek għandhom kwalitajiet li tammira. Niżżel bil-​miktub ħaġa waħda li tapprezza f’kull wieħed minn ħutek.

Isem

․․․․․

Dak li napprezza

․․․․․

Minflok ma tiffoka żżejjed fuq in-​nuqqasijiet taʼ ħutek, għala ma tiħux l-​opportunità biex tgħidilhom x’tammira fihom?—Salm 130:3; Proverbji 15:23.

Il-​Bibbja tirrikonoxxi li l-​aqwa ħabib li jistaʼ jkollok mhux bilfors ikun ħuk jew oħtok. (Proverbji 18:24) Il-​ħbiberija tiegħek maʼ ħutek tistaʼ tissaħħaħ jekk ‘tkomplu tissaportu lil xulxin,’ saħansitra anki meta jagħtuk raġuni valida ‘għalxiex tilmenta.’ (Kolossin 3:13) Jekk tagħmel hekk, x’aktarx li ħutek se jirritawk inqas. U int għandek mnejn saħansitra tirrita lilhom inqas!

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Kif tkun taf jekk intix tassew lest biex titlaq mid-​dar?

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.”​—Filippin 4:5.

SUĠĠERIMENT

Jekk issibha diffiċli biex tingwalaha maʼ ħuk jew oħtok, kun pożittiv—hu jew hi tkun qed tgħinek tiżviluppa kwalitajiet taʼ valur li se jkollok bżonnhom iktar tard fil-​ħajja!

KONT TAF . . . ?

Meta titlaq mid-​dar, xi drabi se tkun imdawwar b’nies li jirritawk bħal, pereżempju, sħabek tax-​xogħol u nies oħrajn li jistgħu jkunu maledukati, insensittivi, u egoisti. Id-​dar hija l-​post ideali biex titgħallem tiffaċċja sfidi bħal dawn b’mod paċifiku.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Xi regoli bażiċi li kemm jien u kemm ħija/oħti/ħuti nistgħu naqblu fuqhom huma ․․․․․

Nistaʼ nirrita inqas lil ħija/oħti/ħuti jekk jien ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Għala hu importanti li tagħraf id-​differenza bejn argument u l-​problema li ma tkunx daqshekk evidenti?

● Liema vantaġġi tara f’li jkollok ħutek?

[Kumment f’paġna 46]

“Mingħajr ħuti, l-​isbaħ memorji li għandi tal-​passat jisfaw fix-​xejn. Lil dawk li għandhom ħuthom, nagħtihom dan il-​parir, ‘Apprezzahom!’“​—Marilyn

[Kaxxa f’paġna 42]

Eżercizzju

Identifika x’Inhi l-​Problema Vera

Tixtieq ittejjeb l-​abbiltajiet tiegħek sabiex tidentifika x’inhuma l-​problemi bejn l-​aħwa li ma jkunux daqshekk evidenti? Jekk iva, aqra l-​parabbola taʼ Ġesù dwar l-​iben li telaq mid-​dar u berbaq il-​wirt tiegħu. (Luqa 15:11-​32) Innota sew kif irreaġixxa l-​ħu l-​kbir meta ħuh iżgħar minnu mar lura d-​dar. Imbagħad wieġeb il-​mistoqsijiet t’hawn taħt.

Liema kwistjoni kkaġunat ir-​reazzjoni tal-​ħu l-​kbir? ․․․․․

X’taħseb li kienet il-​problema li ma kinitx daqshekk evidenti? ․․․․․

Il-​missier kif ipprova jsolvi l-​problema? ․․․․․

X’kellu bżonn jagħmel il-​ħu l-​kbir biex isolvi l-​problema? ․․․․․

Issa aħseb dwar argument li kellek dan l-​aħħar maʼ xi ħadd minn ħutek. Imbagħad ikteb it-​tweġibiet tiegħek ħdejn il-​mistoqsijiet t’hawn taħt.

X’kienet il-​kwistjoni li kkaġunat l-​argument? ․․․․․

X’taħseb li setgħet kienet il-​problema li ma kinitx daqshekk evidenti? ․․․․․

Fuq liema regoli bażiċi tistgħu tiftiehmu sabiex issolvu din il-​problema u saħansitra tevitaw iktar argumenti fil-​futur? ․․․․․

[Stampa f’paġna 43]

Il-​problemi bejn l-​aħwa huma bħall-​ponot fuq il-​wiċċ—biex teħles minnhom jeħtieġ li tidentifika l-​problema li ma tkunx daqshekk evidenti u mhux sempliċement tattakka s-​sintomu