Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Inkun Naf Jekk Hix Imħabba Vera?

Kif Inkun Naf Jekk Hix Imħabba Vera?

KAPITLU 29

Kif Inkun Naf Jekk Hix Imħabba Vera?

Wieġeb il-​mistoqsijiet li ġejjin:

1. Xi tfisser għalik l-​imħabba? ․․․․․

2. Xi tfisser għalik l-​infatwazzjoni? ․․․․․

3. Fl-​opinjoni tiegħek, x’inhi d-​differenza bejn dawn it-​tnejn? ․․․․․

X’AKTARX li ftit li xejn kellek problema biex twieġeb il-​mistoqsijiet t’hawn fuq. Wara kollox, huwa faċli biex tara d-​differenza bejn l-​imħabba u l-​infatwazzjoni meta tkun qed tirraġuna b’moħħok u mhux b’qalbek.

Iżda dan kollu jistaʼ jinbidel fil-​mument li titfaʼ għajnejk fuq il-​ġuvni jew it-​tfajla tal-​ħolm tiegħek. F’daqqa waħda tissaħħar wara din il-​persuna u tinsa d-​dinja. Intlift f’dinja taʼ mħabba! Imma hija din imħabba? Jew hija infatwazzjoni? Kif tistaʼ tkun taf? Sabiex tkun tistaʼ twieġeb, l-​ewwel ejja nikkunsidraw kif il-​ħarsa tiegħek lejn dawk tas-​sess oppost x’aktarx inbidlet matul dawn l-​aħħar snin. Pereżempju, ikkunsidra l-​mistoqsijiet li ġejjin:

● X’kont taħseb dwar dawk tas-​sess oppost meta kellek ħames snin?

● X’taħseb dwar dawk tas-​sess oppost illum il-​ġurnata?

It-​tweġibiet tiegħek x’aktarx juru li malli dħalt fis-​snin tal-​pubertà, bdejt tħares lejn dawk tas-​sess oppost b’mod differenti. “Bdejt ninnota li t-​tfajliet huma iktar ħelwin milli kienu qabel,” jgħid Brian, li għandu 12-​il sena. Elaine, li għandha 16-​il sena, tiftakar f’bidla li seħħet ftit tas-​snin ilu. Hi tgħid: “Sħabi t-​tfajliet kollha bdew jitkellmu dwar il-​ġuvintur, u kien hemm probabbiltà kbira li nieħu grazzja maʼ kull ġuvni li nara.”

Issa li qed tinnota lil dawk tas-​sess oppost, kif tistaʼ tkampa maʼ dawn is-​sentimenti qawwijin? Jekk tagħmel tabirruħek li dawn is-​sentimenti ma jeżistux, iktar tintensifikahom. Minflok, tistaʼ tuża din l-​opportunità mill-​aqwa biex titgħallem xi ħaġa dwar l-​attrazzjoni, l-​infatwazzjoni, u l-​imħabba. Jekk tifhem dawn it-​tliet aspetti tar-​romantiċiżmu tistaʼ tevita wġigħ taʼ qalb bla bżonn u tiġi megħjun biex maż-​żmien issib l-​imħabba vera.

L-​ATTRAZZJONI Dak li tara

“Jien u sħabi dejjem nitkellmu dwar it-​tfajliet. Nipprovaw nitkellmu dwar affarijiet oħrajn, imma malli tgħaddi xi tfajla sabiħa ninsew fuqiex konna qed nitkellmu!”​—Alex.

“Ninġibed lejn ġuvni li jagħmel kuntatt bl-​għajnejn u li jkollu tbissima ħelwa u mixja taʼ xi ħadd kunfidenti.”​—Laurie.

Huwa normali li tħossok miġbud lejn xi ħadd li jkun sabiħ jew gustuż minn barra. Il-​problema hi li mhux kulma jleqq hu deheb. Għala? Għax l-​apparenza tinganna. Il-​Bibbja tgħid: “Bħal ħolqa tad-​deheb fi mnieħer ħanżir, hekk hi mara li hi sabiħa imma li m’hijiex sensibbli.” (Proverbji 11:22) M’għandniex xi ngħidu, l-​istess prinċipju japplika għall-​ġuvintur.

L-​INFATWAZZJONI Dak li tħoss

“Meta kelli 12-​il sena kont imġenna wara ġuvnott, u meta ma bqajtx niffansjah irrealizzajt għala kien jogħġobni. L-​unika raġuni kienet li kont influwenzata mill-​ħbieb kollha tiegħi li kienu moħħhom fis-​subien!”​—Elaine.

“Kemm-​il darba kont niffansja lil xi ħadd. Iżda ħafna drabi kont inkun qed inħares biss lejn il-​persuna taʼ barra. Malli kont insir naf il-​karattru tal-​persuna, kont ninduna li ma konniex kompatibbli daqskemm kont ħsibt.”​—Mark.

L-​infatwazzjoni tixbah lill-​imħabba. Fil-​fatt, anki l-​imħabba tinkludi sentimenti romantiċi. Imma l-​bażi taʼ kull waħda minn dawn hi kompletament differenti. L-​infatwazzjoni toriġina minn reazzjoni superfiċjali għall-​kwalitajiet li jkunu jidhru. Ukoll, din tkun għamja għad-​dgħufijiet tal-​individwu l-​ieħor u tesaġera l-​affarijiet sbieħ li jkollu. B’riżultat taʼ dan, l-​infatwazzjoni hi instabbli daqskemm hu instabbli kastell mibni bir-​ramel. Tfajla jisimha Fiona tgħid: “L-​infatwazzjoni ma tantx iddum. Illum tħossok miġbud lejn xi ħadd u xahar ieħor tħossok bl-​istess mod—imma lejn xi ħadd ieħor!”

L-​IMĦABBA Dak li taf

“Naħseb li fejn tidħol l-​imħabba, ikollok raġuni għala tħossok miġbud lejn xi ħadd. U din tkun raġuni tajba u mhux waħda egoistika.”​—David.

“Fil-​fehma tiegħi, l-​imħabba għandha tiġi maż-​żmien. Għall-​ewwel ikun hemm ħbiberija tajba. Imbagħad, bil-​mod il-​mod, jibda jogħġbok dak li tkun sirt taf dwar il-​persuna u tibda tiżviluppa sentimenti li qatt ma tkun esperjenzajt qabel.”​—Judith.

L-​imħabba hi bbażata fuq li wieħed ikun jaf sew il-​kwalitajiet sbieħ u d-​dgħufijiet tal-​persuna. Mela mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja tiddeskrivi l-​imħabba bħala li hi ħafna iktar minn sempliċi sentiment. Din tgħid li l-​imħabba, fost affarijiet oħrajn, “tistabar fit-​tul u qalbha tajba. . . . Kollox tiflaħ, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti. L-​imħabba ma tbatti qatt.” (1 Korintin 13:4, 7, 8) U l-​imħabba ġġiegħel persuna taġixxi b’dan il-​mod mhux għax tiblaʼ kollox jew sforz l-​injoranza, iżda minħabba dak li tkun taf dwar il-​persuna l-​oħra.

Eżempju taʼ Mħabba Vera

Ir-​rakkont Bibliku taʼ Ġakobb u Rakele jagħti stampa ċara tal-​imħabba vera. Il-​koppja ltaqgħu ħdejn bir, fejn Rakele kienet marret tisqi n-​nagħaġ taʼ missierha. Ġakobb mill-​ewwel ħa grazzja magħha. Għala? Raġuni waħda hi li kienet “sabiħa f’suritha u kellha wiċċha ħelu.”—Ġenesi 29:17.

Iżda, ftakar li l-​imħabba vera hi bbażata fuq iktar minn sempliċement apparenza fiżika. Ġakobb ma rax biss is-​sbuħija taʼ Rakele. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li Ġakobb ma damx ma ħass iktar minn attrazzjoni lejn Rakele. Hu “kien iħobb lil Rakele.”​—Ġenesi 29:18.

Kien dan it-​tmiem romantiku taʼ storja taʼ mħabba? Le, għax l-​istorja ma spiċċatx hawn. Missier Rakele ġiegħel lil Ġakobb jistenna seba’ snin qabel ma setaʼ jiżżewweġ lil Rakele. Ġusta jew mhux ġusta, l-​imħabba taʼ Ġakobb kienet għaddejja minn prova. Kieku kienet każ taʼ sempliċi infatwazzjoni, Ġakobb ma kienx se jistennieha. L-​imħabba vera biss tistaʼ tibqaʼ soda mal-​medda taż-​żmien. Mela x’ġara? Il-​Bibbja tgħid: “Ġakobb qeda sebaʼ snin għal Rakele, imma għalih dawn kienu qishom ftit jiem daqskemm kien iħobbha.”​—Ġenesi 29:20.

X’tistaʼ titgħallem mill-​eżempju taʼ Ġakobb u Rakele? Li l-​imħabba vera tistaʼ tibqaʼ soda mal-​medda taż-​żmien. Ukoll, li l-​imħabba mhijiex ibbażata biss fuq l-​apparenza fiżika. Fil-​fatt, sieħeb potenzjali fiż-​żwieġ mhux bilfors ikun xi ħadd li jiġbdek ferm mal-​ewwel daqqa t’għajn. Pereżempju, Barbara ltaqgħet maʼ raġel żagħżugħ u tammetti li għall-​ewwel ma tantx ħadet grazzja miegħu. Hi tiftakar u tgħid: “Imma hekk kif sirt nafu aħjar, l-​affarijiet inbidlu. Bdejt nara kemm Stephen jaħseb f’ħaddieħor u kif hu dejjem ipoġġi l-​interessi t’oħrajn qabel tiegħu. Dawn kienu kwalitajiet li kont naf li jagħmlu raġel ideali fiż-​żwieġ. Inġbidt lejh u sirt inħobbu.” Ir-​riżultat kien żwieġ sod.

Meta tkun matur biżżejjed biex toħroġ maʼ xi ħadd bl-​intenzjoni li tiżżewweġ, kif se tkun taf meta tkun sibt l-​imħabba vera? Tistrieħx fuq dak li tgħidlek qalbek, imma qabel tieħu deċiżjoni aħsibha sew u imxi fuq il-​prinċipji tal-​Bibbja. Tarax biss id-​dehra taʼ barra, imma sir af il-​karattru tal-​persuna. Agħti r-​relazzjoni ż-​żmien biex tiżviluppa. Ftakar li l-​infatwazzjoni spiss tispiċċa fix-​xejn fi ftit żmien, iżda l-​imħabba ġenwina tissoda iktar ma jgħaddi ż-​żmien u ssir “rabta perfetta li tgħaqqad.”​—Kolossin 3:14.

Kun ċert li int tistaʼ ssib din it-​tip taʼ mħabba—jekk titgħallem tħares lil hinn mill-​attrazzjoni (dak li tara) u l-​infatwazzjoni (dak li tħoss). It-​tliet paġni li ġejjin se jgħinuk tagħmel proprju dan.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLI 1 U 3 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Ejja ngħidu li sibt l-​imħabba vera. Kif tkun taf jekk intix lest għaż-​żwieġ?

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Ħafna ilmijiet m’humiex kapaċi jitfu l-​imħabba, u lanqas ix-​xmajjar ma jistgħu jġorruha magħhom.”​—L-​Għanja taʼ Salamun 8:7.

SUĠĠERIMENT

Sabiex tiskopri kemm tassew taf lill-​individwu li int miġbuda lejh, wieġeb is-​sett taʼ mistoqsijiet f’paġna 39 (għat-​tfajliet) u f’paġna 40 (għall-​ġuvintur) taʼ Volume 2.

KONT TAF . . . ?

Iż-​żgħażagħ li jibdew u jtemmu relazzjonijiet romantiċi b’nuqqas taʼ serjetà, ikunu f’ċertu sens qed “jipprattikaw” għad-​divorzju wara ż-​żwieġ.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Sabiex niġi megħjun(a) nara jekk is-​sentimenti tiegħi għal xi ħadd humiex sinjal taʼ infatwazzjoni jew taʼ mħabba, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Alla għala ħalaq lill-​bnedmin b’sentimenti daqshekk qawwijin taʼ attrazzjoni lejn dawk tas-​sess oppost?

● Għala ħafna relazzjonijiet “taʼ mħabba” fost l-​adoloxxenti jfallu?

[Kumment f’paġna 207]

“L-​imħabba kapaċi tegħleb l-​ostakli, filwaqt li hemm it-​tendenza li l-​infatwazzjoni tintemm malli jinbidlu ċ-​ċirkustanzi jew jinqalgħu xi problemi. Jeħtieġ ħafna żmien biex tikkultiva l-​imħabba vera.”​—Daniella

[Kaxxa f’paġna 209]

Eżerċizzju

Kieku Int X’Tagħmel?

Michael u Judy ilhom tliet xhur joħorġu flimkien, u Judy tgħid li tħossha mitlufa warajh. Michael iffissat fuqha, tant li jgħidilha kif għandha tilbes u maʼ min tistaʼ jew ma tistax tassoċja. Hu dejjem ittrattaha taʼ prinċipessa​—sal-​ġimgħa li għaddiet. Lil Judy, Michael taha daqqa taʼ ħarta wara li “qabadha” titkellem maʼ ġuvni ieħor.

Hu jgħid: “Judy suppost taf li nibżaʼ ħafna li nitlifha. Fil-​fatt, il-​ħsieb li ġuvni ieħor jisraqli t-​tfajla tiegħi jġegħelni nirrabja bl-​ikrah. Jiddispjaċini li tajt daqqa taʼ ħarta lil Judy imma tajthielha għax lanqas biss niflaħ naraha tħares lejn xi ħadd ieħor. Barra minn hekk, tlabtha skuża!”

Hi tgħid: “Il-​ġenituri tiegħi jgħidu li Mike jipprova jikkontrollali ħajti, imma hu sempliċement għandu livelli għoljin. Irrid ngħid, hu qatt ma pprova jisforzani biex nagħmel xi ħaġa immorali. U meta tani daqqa taʼ ħarta​—u dwar din m’għedtilhom xejn lill-​ġenituri tiegħi​—ħeqq, kont qed nitkellem maʼ ġuvni ieħor. Mike jgħir, u din kultant togħġobni fih. Insomma, hu qalli li jiddispjaċih u wegħedni li qatt mhu se jerġaʼ jagħmilha.”

Fil-​fehma tiegħek: Tara xi sinjali xejn sbieħ f’din ir-​relazzjoni? Jekk iva, liema huma? ․․․․․

Judy x’għandha tagħmel? ․․․․․

Kieku int x’tagħmel? ․․․․․

[Kaxxa f’paġna 210]

Eżerċizzju

Kieku Int X’Tagħmel?

Ethan ilu xahrejn joħroġ maʼ Alyssa, u diġà induna kemm Alyssa taf tkun pezza kwistjoni, speċjalment mal-​ġenituri tagħha. Fil-​fatt, Alyssa l-​ħin kollu targumenta magħhom, u ħafna drabi tagħha tgħaddi. Saret “esperta” f’li tinsisti fuq dak li tkun trid sakemm ommha u missierha jegħjew jargumentaw u jċedulha. Alyssa tiftaħar maʼ Ethan li hi tagħmel li trid bil-​ġenituri tagħha.

Hu jgħid: “Alyssa hi tfajla taʼ żaqqha f’fommha. Għandha rasha iebsa u ma tismaʼ minn ħadd—lanqas mill-​ġenituri tagħha. Missierha jaf ikun irritanti u mhux taʼ b’xejn li titlef it-​tempra miegħu. Minbarra li twerżaq, Alyssa ġieli tinfexx tibki, iddendel il-​geddum, jew toqgħod titfissed—tagħmel minn kollox, imbasta tieħu dak li trid mingħand ommha u missierha.”

Hi tgħid: “Ma jinteressanix min int jew liema titlu jew awtorità għandek. Dak li għandi ngħidlek se ngħidulek u mhux se noqgħod nomgħodha. L-​għarus tiegħi, Ethan, jaf li nagħmel hekk. Hu rani kif naġixxi mal-​ġenituri tiegħi.”

Fil-​fehma tiegħek: Tara xi sinjali xejn sbieħ f’din ir-​relazzjoni? Jekk iva, liema huma? ․․․․․

Ethan x’għandu jagħmel? ․․․․․

Kieku int x’tagħmel? ․․․․․

[Kaxxa f’paġna 211]

Eżerċizzju

Imħabba jew Infatwazzjoni?

Ipprova aqtaʼ x’inhi l-​kelma li hemm nieqsa fl-​istqarrijiet kwotati hawn taħt. Imla l-​vojt bil-​kelma mħabba jew bil-​kelma infatwazzjoni.

1. “L-​․․․․․ hija għamja u hekk tkun trid tibqaʼ. Ma tħobbx tiffaċċja r-​realtà.”​—Calvin.

2. “Jekk ikolli nbiddel il-​personalità tiegħi meta nkun fil-​kumpanija taʼ tfajla li togħġobni, mela dik tkun ․․․․․.”​—Thomas.

3. “Jistaʼ jkun li ddejqek xi ħaġa dwar il-​persuna. Imma jekk tkun ․․․․․, xorta tkun trid tibqaʼ mal-​persuna u tipprova ssolvi l-​problema.”​—Ryan.

4. “Meta tkun ․․․․․, l-​uniċi affarijiet li tħalli lilek innifsek tikkunsidra huma l-​affarijiet li jkollkom inkomuni.”​—Claudia.

5. “Meta tkun ․․․․․, ma tipprovax taħbi min int.”​—Eve.

6. “L-​․․․․․ hija mod egoistiku kif tikseb dak li trid—forsi sempliċement biex tgħid li qed toħroġ maʼ ġuvni.”​—Allison.

7. “Meta tkun ․․․․․ wieħed jagħraf x’inhuma d-​difetti u l-​karatteristiki strambi tal-​persuna l-​oħra, imma xorta waħda jkun lest li jgħix bihom.”​—April.

8. “Meta tkun ․․․․․, ma tkunx tistaʼ tgħid għala tħossok miġbud lejn il-​persuna l-​oħra—sempliċement tħoss ċertu ġibda.”​—David.

9. “Meta tkun ․․․․․, kulma tagħmel il-​persuna l-​oħra jkun tajjeb.”​—Chelsea.

10. “Meta tkun ․․․․․, ma tħarisx lejn dawk tas-​sess oppost bl-​istess mod kif kont tħares lejhom qabel, għax tħoss sens taʼ lealtà.”​—Daniel.

Tweġibiet: Infatwazzjoni: 1, 2, 4, 6, 8, 9. Imħabba: 3, 5, 7, 10.

[Stampa f’paġni 206, 207]

L-​infatwazzjoni hi instabbli daqskemm hu instabbli kastell mibni bir-​ramel—fi żmien qasir, tispiċċa fix-​xejn