Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nispjega l-Ħarsa tal-Bibbja Lejn l-Omosesswalità?

Kif Nistaʼ Nispjega l-Ħarsa tal-Bibbja Lejn l-Omosesswalità?

KAPITLU 23

Kif Nistaʼ Nispjega l-Ħarsa tal-Bibbja Lejn l-Omosesswalità?

Waqt iċ-​ċerimonja tal-​għoti tal-​awards tqum għagħa kbira meta żewġ nisa, artisti popolari taċ-​ċinema, jilqgħu lil xulxin b’bewsa passjonali! Għall-​ewwel, dawk fl-​udjenza jixxokkjaw ruħhom, imma mbagħad iċapċpu biex jesprimu l-​approvazzjoni tagħhom. Għall-​gays dan hu trijonf. Ix-​xettiċi jgħidu li għamlu hekk biex jiġbdu l-​attenzjoni. Għal darba wara l-​oħra, fuq it-​televixin jintwerew filmati taʼ din il-​bewsa, u għal bosta ġranet tikseb popolarità fost miljuni taʼ wħud—anki fuq l-​Internet.

BĦALMA hu deskritt hawn fuq, ftit huma l-​avvenimenti li fil-​mezzi tax-​xandir joħolqu iktar għagħa minn avvenimenti li fihom xi ċelebrità tagħti x’tifhem jew tistqarr bil-​miftuħ li hi gay, lesbjana, jew bisesswali. Xi wħud ifaħħru lil nies bħal dawn għall-​kuraġġ tagħhom; oħrajn jikkundannawhom għall-​ħajja laxka li jgħixu. Jerġaʼ bosta oħrajn iqisu l-​omosesswalità bħala xejn iktar ħlief stil taʼ ħajja alternattiv. Daniel, li għandu 21 sena, jgħid: “Meta kont l-​iskola, anki żgħażagħ li kienu straight kienu jħossu li jekk ma taqbilx mal-​omosesswalità tkun qed tiġġudika lill-​omosesswali u turi preġudizzju lejhom.”

L-​opinjonijiet dwar l-​omosesswalità għandhom mnejn ivarjaw minn ġenerazzjoni għal oħra jew minn pajjiż għal ieħor. Imma l-​Kristjani mhumiex “imtajrin minn kull riħ taʼ tagħlim.” (Efesin 4:14) Minflok, huma jaqblu mal-​ħarsa tal-​Bibbja.

X’inhi l-​ħarsa tal-​Bibbja lejn l-​omosesswalità? U jekk tgħix fi qbil mal-​liġijiet morali tal-​Bibbja, kif tistaʼ twieġeb lil dawk li jittimbrawk bħala individwu li juri preġudizzju lejn l-​omosesswali, li jiġġudikahom, jew saħansitra li jobgħodhom? Ikkunsidra l-​mistoqsijiet jew l-​istqarrijiet li ġejjin u xi tweġibiet li tistaʼ tagħti.

“Il-​Bibbja x’tgħid dwar l-​omosesswalità?”

“Il-​Bibbja tagħmilha ċara li Alla ħalaq is-​sess bl-​iskop li jitgawda biss minn raġel u mara u fl-​arranġament taż-​żwieġ biss. (Ġenesi 1:27, 28; Levitiku 18:22; Proverbji 5:18, 19) Meta l-​Bibbja tikkundanna ż-​żína, tkun qed tirreferi kemm għal kondotta omosesswali u kif ukoll għal kondotta illeċita bejn raġel u mara eterosesswali.” *​—Galatin 5:19-​21.

“X’inhi l-​ħarsa tiegħek lejn l-​omosesswalità?”

“Lill-​omosesswali ma nobgħodhomx, imma ma nistax napprova l-​kondotta tagħhom.”

Ftakar: Jekk tħalli l-​liġijiet morali tal-​Bibbja jiggwidawk, mela dan ikun l-​istil taʼ ħajja li għażilt—u għandek kull dritt tagħmel dan. (Ġożwè 24:15) Tistħix minħabba l-​ħarsa tiegħek.​—Salm 119:46.

“M’għandhomx il-​Kristjani jittrattaw lin-​nies kollha b’rispett, hi x’inhi l-​orjentazzjoni sesswali tagħhom?”

“Dażgur. Il-​Bibbja tgħid: ‘Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin’ jew, skont il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, ‘Agħtu ġieħ lil kulħadd.’ (1 Pietru 2:17) Għalhekk, il-​Kristjani ma jobogħdux lill-​omosesswali. Huma juru qalb tajba mal-​bnedmin kollha, inkluż dawk gay.”​Mattew 7:12.

“Ma taħsibx li l-​ħarsa tiegħek lejn l-​omosesswalità tqanqal preġudizzju kontra l-​gays?”

“Lanqas xejn. Jien niċħad il-​kondotta omosesswali u mhux lin-​nies omosesswali.”

Forsi tistaʼ żżid tgħid: “Biex nagħtik eżempju, jien nagħżel ukoll li ma npejjipx. Fil-​fatt, anki l-​ħsieb biss li npejjep jimbottani. Imma ejja ngħidu li int tpejjep u taħsibha mod ieħor. Jien ma nkunx preġudikat kontrik minħabba l-​ħarsa tiegħek, sewwasew bħalma jien ċert li int ma tkunx preġudikat kontrija minħabba l-​ħarsa tiegħi—sewwa qed ngħid? L-​istess prinċipju japplika fejn tidħol il-​ħarsa differenti li għandna lejn l-​omosesswalità.”

“Ġesù pprietka li għandna nittolleraw lil oħrajn. Mela allura, m’għandhomx il-​Kristjani jkunu tolleranti fejn tidħol l-​omosesswalità?”

“Ġesù ma inkuraġġiex lis-​segwaċi tiegħu biex jaċċettaw kull stil taʼ ħajja, tkun xi tkun. Minflok, hu għallem li t-​triq għas-​salvazzjoni hi miftuħa għal ‘kulmin jeżerċita l-​fidi fih.’ (Ġwanni 3:16) Li wieħed jeżerċita l-​fidi f’Ġesù jinkludi li jgħix fi qbil mal-​liġijiet morali t’Alla li jipprojbixxu ċerti tipi taʼ kondotta—inkluż l-​omosesswalità.”​—Rumani 1:26, 27.

“L-​omosesswali ma jistgħux ibiddlu l-​orjentazzjoni sesswali tagħhom; huma jitwieldu hekk.”

“Għalkemm il-​Bibbja ma tikkummentax dwar il-​bijoloġija tal-​omosesswali, din tirrikonoxxi li xi tendenzi huma stabbiliti fis-​sod. (2 Korintin 10:4, 5) Anki jekk xi wħud ikollhom ġibda lejn dawk tal-​istess sess, il-​Bibbja tgħid lill-​Kristjani biex jitbiegħdu minn atti omosesswali.”

Suġġeriment: Minflok ma tidħol f’xi dibattitu dwar x’jikkaġuna x-​xewqat omosesswali, enfasizza l-​fatt li l-​Bibbja tipprojbixxi l-​kondotta omosesswali. Biex tagħmel paragun tistaʼ tgħid: “Bħalma taf, ħafna nies jistqarru li l-​imġiba vjolenti jistaʼ jkollha l-​għeruq fil-​ġenetika u, minħabba f’hekk, xi nies ikollhom tendenza li jġibu ruħhom b’dan il-​mod. (Proverbji 29:22) Xi ngħidu kieku dan kien minnu? Bħalma forsi taf, il-​Bibbja tikkundanna r-​rabja eċċessiva. (Salm 37:8; Efesin 4:31) Huwa dan il-​livell inġust, sempliċement għax xi wħud ikollhom tendenza li jkunu vjolenti?”

“Alla kif jistaʼ jgħid lil xi ħadd li jkun miġbud lejn nies tal-​istess sess biex iżomm ’il bogħod mill-​omosesswalità? Din krudeltà.”

“Irraġunar bħal dan hu bbażat fuq l-​idea żbaljata li l-​bnedmin għandhom jaġixxu fuq ix-​xewqat sesswali tagħhom. Il-​Bibbja tagħti lill-​bnedmin id-​dinjità billi tassigurahom li, jekk verament iridu, jistgħu jagħżlu li ma jaġixxux fuq it-​tqanqil sesswali mhux xieraq tagħhom.”​—Kolossin 3:5.

“Anki jekk m’intix gay, għandek tbiddel il-​ħarsa tiegħek lejn l-​omosesswalità.”

“Ejja ngħidu li jien ma napprovax il-​logħob tal-​ażżard, iżda int tapprovah. Ikun raġunevoli li int tinsisti li għandi nbiddel il-​ħarsa tiegħi, sempliċement għax miljuni taʼ nies jagħżlu li jilagħbu l-​logħob tal-​ażżard?”

Ftakar: Il-​biċċa l-​kbira min-​nies, inkluż l-​omosesswali, għandhom prinċipji etiċi li jġegħluhom jistkerrhu ċerti affarijiet—forsi l-​frodi, l-​inġustizzja, jew il-​gwerra. Il-​Bibbja tipprojbixxi dawn l-​affarijiet u tikkundanna wkoll ċerti tipi taʼ kondotta sesswali, inkluż l-​omosesswalità.​—1 Korintin 6:9, 10.

Il-​Bibbja hija raġunevoli u ma tinkuraġġix il-​preġudizzju. Sempliċement tiggwida lil dawk li jinġibdu lejn nies tal-​istess sess biex jagħmlu l-​istess ħaġa li hi meħtieġa minn dawk li jinġibdu lejn nies tas-​sess oppost, jiġifieri biex ‘jaħarbu miż-​żína.’—1 Korintin 6:18.

Il-​fatt hu li miljuni taʼ eterosesswali li jixtiequ jgħixu fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja jrażżnu lilhom infushom minkejja kwalunkwe tentazzjoni li għandhom mnejn jiffaċċjaw. Dawn jinkludu lil ħafna wħud mhux miżżewġin u li ma tantx ikollhom possibbiltà li jiżżewġu. Jinkludu wkoll lil ħafna wħud li huma miżżewġin lil individwu b’diżabilità u li ma jkunx jistaʼ jiffunzjona sesswalment. Huma jirnexxilhom jgħixu ferħanin mingħajr ma jissodisfaw it-​tqanqil sesswali tagħhom. Dawk li għandhom tendenzi omosesswali jistgħu jagħmlu l-​istess jekk verament jixtiequ jogħġbu lil Alla.​—Dewteronomju 30:19.

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 28 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Xi tfajliet jemmnu li l-​att sesswali se jsaħħaħ ir-​relazzjoni mal-​għarus tagħhom. Ma tantx! Sir af għala.

[Nota ta’ taħt]

^ par. 8 Il-​kelma “żína” fil-​Bibbja ma tirreferix biss għall-​att sesswali imma wkoll għall-​atti bħalma huma l-​masturbazzjoni lil persuna oħra, is-​sess orali, jew is-​sess anali.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Għalhekk, mewtu l-​membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-​art fejn tidħol iż-​żína, in-​nuqqas taʼ ndafa, l-​aptit sesswali, ix-​xewqa li twassal għall-​ħsara, u x-​xenqa b’għira, li hi idolatrija.”​—Kolossin 3:5.

SUĠĠERIMENT

Filwaqt li l-​kondotta t’oħrajn għandha mnejn tkiddek, evita li bi kliemek turi li int qed tagħmel it-​tajjeb u ħaddieħor qed jagħmel il-​ħażin. Fl-​aħħar mill-​aħħar, huma għandhom il-​libertà li jagħżlu dak li jridu jemmnu—bħalma għandek int.

KONT TAF . . . ?

Xi Kristjani tal-​ewwel seklu li fil-​passat kienu jagħmlu atti omosesswali, kienu kapaċi jbiddlu l-​kondotta mhux nadifa tagħhom u jkunu “maħsulin” fil-​ħarsa t’Alla.​—1 Korintin 6:9-​11.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Jekk xi ħadd jgħid li l-​ħarsa tal-​Bibbja lejn l-​omosesswalità hi antikwata, jien se ngħid ․․․․․

Sabiex nagħmilha ċara li hija proprju l-​kondotta omosesswali li ma napprovax, u mhux in-​nies omosesswali nfushom, jien se ngħid ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Alla għala għandu d-​dritt li jimponi liġijiet morali fuq il-​bnedmin?

● Int kif tibbenefika meta żżomm mal-​liġijiet morali tal-​Bibbja?

[Kumment f’paġna 170]

“Kien hemm ġuvni fl-​iskola li kien iqisni bħala bla qalb minħabba li ma kontx naqbel mal-​istil taʼ ħajja tiegħu. Iżda meta spjegajtlu li kont naċċettah bħala persuna—u meta hu rrealizza li ma kontx naqbel maʼ kwalunkwe tip taʼ immoralità, mhux biss mal-​omosesswalità—hu beda jirrispettani u saħansitra jiddefendini meta ħaddieħor kien iqajjem xi oġġezzjoni.”​—Aubrey

[Kaxxa f’paġna 168]

Xi Ngħidu għall-​Bisesswalità?

Għalkemm tinstab fost iż-​żewġ sessi, jidher li l-​bisesswalità qed issir iktar u iktar komuni fost it-​tfajliet. Għal xi wħud hija kwistjoni taʼ kurżità. Lisa, li għandha 26 sena, tgħid: “Meta fil-​films, fuq it-​televixin, u fil-​mużika jinkludu xi ħaġa li tippromwovi l-​idea li t-​tfajliet ibusu lit-​tfajliet, l-​adoloxxenti jitħajru jipprovawha—speċjalment meta ma jqisuhiex bħala xi ħaġa ħażina.”

Għal xi wħud oħrajn, ikun jidher li hemm attrazzjoni ġenwina. Vicky, li għandha 13-​il sena, tgħid: “Iltqajt maʼ żewġ tfajliet bisesswali f’party, u iktar tard sirt naf mingħand ħabibti li huma ħadu grazzja miegħi. Eventwalment, bdejt nibgħat messaġġi lil waħda minnhom u bdejt niżviluppa sentimenti lejha.”

Qatt ħassejtek bħal Vicky? Ħafna nies għandhom mnejn iħeġġuk biex sempliċement taċċetta s-​sesswalità tiegħek u tistqarr fil-​beraħ li int bisesswali. Madankollu, għandek tkun taf li l-​ġibda lejn dawk tal-​istess sess spiss ma tkun xejn ħlief fażi temporanja. Hekk ġara fil-​każ taʼ Vicky u anke fil-​każ taʼ Lisette, li għandha 16-​il sena. Hi tgħid: “Ħassejtni aħjar xħin tkellimt mal-​ġenituri tiegħi dwar kif kont qed inħossni. Ukoll, permezz tal-​lezzjonijiet tal-​bijoloġija fl-​iskola sirt naf li matul is-​snin tal-​adoloxxenza, il-​livelli tal-​ormoni jistgħu jinbidlu ħafna. Tassew nemmen li jekk iż-​żgħażagħ ikunu jafu iżjed dwar ġisimhom stess, jirrealizzaw li l-​ġibda lejn dawk tal-​istess sess tistaʼ tkun temporanja, u b’hekk ma jħossux il-​pressjoni biex ikunu gay.”

Anki jekk is-​sentimenti tiegħek ikunu iktar minn fażi temporanja li tgħaddi minnha fl-​adoloxxenza, hemm bżonn tirrealizza li l-​Bibbja tagħtik mira li tistaʼ tilħaqha: Int tistaʼ tagħżel li ma taġixxix fuq ix-​xewqat ħżiena, ikunu xi jkunu.

[Stampa f’paġna 169]

Fejn tidħol l-​opinjoni ġenerali tan-​nies, il-​Kristjani għandhom il-​kuraġġ imorru kontra l-​kurrent