Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nkampa Meta Tintemm Relazzjoni?

Kif Nistaʼ Nkampa Meta Tintemm Relazzjoni?

KAPITLU 31

Kif Nistaʼ Nkampa Meta Tintemm Relazzjoni?

“Domna sitt xhur noħorġu flimkien u konna ilna ħames snin ħbieb. Meta hu ried itemm ir-​relazzjoni, lanqas biss kellu l-​gazz jgħidli f’wiċċi. Qabad u ma kellimnix iktar. Ħassejtni mkissra u ġejt diżappuntata bl-​ikrah. Kemm-​il darba staqsejt lili nnifsi: ‘Jien x’għamilt ħażin?’”​—Rachel.

IT-​TMIEM taʼ relazzjoni jistaʼ jbiddillek il-​ferħ tiegħek f’biki taʼ disprament. Ikkunsidra lil Jeff u lil Susan, li kien ilhom sentejn joħorġu flimkien. Matul dak iż-​żmien, ir-​rabta emozzjonali tagħhom kibret. Matul il-​jum, Jeff kien jibgħat espressjonijiet taʼ mħabba lil Susan permezz taʼ messaġġi fuq il-​mowbajl. Minn żmien għal żmien, kien jagħtiha xi rigal biex juriha li qed jaħseb fiha. Susan tgħid: “Jeff kien jagħmel sforz biex jagħtini widen u jifhimni. Hu kien iġegħelni nħossni speċjali.”

Jeff u Susan ma damux ma bdew jitkellmu fuq iż-​żwieġ u dwar fejn kienu se jgħixu bħala koppja miżżewġa. Jeff saħansitra taha x’tifhem li kien se jipproponilha biex tiżżewġu. Imbagħad, bla mistenni, qabad u temm ir-​relazzjoni! Susan ħaditha wisq bi kbira. Hi kompliet bir-​rutina taʼ kuljum, imma kienet tħossha konfuża u vojta. Hi tgħid: “Bdejt inħossni eżawrita mentalment u fiżikament.” *

Għala Tħossok Imweġġgħa

Jekk int kont f’sitwazzjoni simili għal dik taʼ Susan, forsi ħsibt, ‘L-​affarijiet qatt se jerġgħu jiġu lura għan-​normal?’ Huwa normali li tħossok imnikkta. Is-​Sultan Salamun kiteb: “L-​imħabba hi b’saħħitha daqs il-​mewt.” (L-​Għanja taʼ Salamun 8:6) Jistaʼ jagħti l-​każ li waħda mill-​iktar esperjenzi trawmatiċi li qatt kellek tissaporti f’ħajtek hija t-​tmiem taʼ relazzjoni. Fil-​fatt, xi wħud qalu li t-​tmiem taʼ relazzjoni hu bħallikieku tmut parti minnek. Għandek mnejn saħansitra ssib ruħek għaddejja minn dawn il-​fażijiet u forsi minn fażijiet oħrajn taʼ niket li huma komuni:

Ċaħda. ‘Ma jistax ikun li r-​relazzjoni spiċċat. Sa jumejn oħra jkun biddel fehemtu.’

Rabja. ‘Kif setaʼ jasal biex jagħmilli hekk? Ma nifilħux quddiem wiċċi!’

Dipressjoni. ‘Jien ma jistħoqqlix inkun maħbuba. Ħadd qatt mhu se jħobbni.’

Aċċettazzjoni. ‘Issa jgħaddili. Il-​firda weġġgħetni, imma qed nirkupra.’

L-​aħbar tajba hi li int tistaʼ tasal sal-​fażi tal-​aċċettazzjoni. Kemm se ddum biex tasal għaliha jiddependi minn għadd taʼ fatturi, inkluż kemm damet ir-​relazzjoni tagħkom u sa fejn kienet waslet. Sadanittant, kif tistaʼ tkampa mal-​uġigħ taʼ qalb li qed tħoss?

Kompli b’Ħajtek

Forsi smajt bl-​espressjoni: Iż-​żmien iderri. Eżatt malli ntemmet ir-​relazzjoni, dan il-​kliem forsi ma tantx kien jikkonvinċik. Dan hu minħabba li ż-​żmien hu biss parti mis-​soluzzjoni. Biex nagħtu eżempju: Ferita fil-​ġilda se tfiq maż-​żmien, imma bħalissa tuġgħek. Jeħtieġ li twaqqaf id-​demm u ttaffi l-​uġigħ. Ukoll, hemm bżonn li ma tħallihiex tiġi infettata. L-​istess jistaʼ jingħad meta jkollok ferita emozzjonali. Bħalissa qed tħoss l-​uġigħ. Imma hemm passi li tistaʼ tieħu biex ittaffi l-​uġigħ u biex tevita li tiġi “infettata” bir-​rabja. Iż-​żmien iderri, imma int x’tistaʼ tagħmel biex tkampa? Ipprova dan li ġej.

Iżżommx lura milli tibki. M’hemm xejn ħażin billi tibki bikja tajba. Fuq kollox, il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li tibki” u saħansitra “żmien li tolfoq.” (Ekkleżjasti 3:1, 4) Il-​biki mhuwiex sinjal taʼ dgħufija. Saħansitra l-​gwerrier kuraġġuż David, meta ħassu mifni emozzjonalment, darba ammetta: “Kull lejl nibki fuq friexi, bid-​dmugħ inxarrab soddti.”—Salmi 6:7, Għaqda Biblika Maltija.

Ħu ħsieb saħħtek. L-​eżerċizzju fiżiku u n-​nutriment xieraq se jgħinuk tikseb lura l-​enerġija li tkun tlift minħabba l-​effett emozzjonali li jħalli fuqek it-​tmiem taʼ relazzjoni. Il-​Bibbja tgħid: “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju.”—1 Timotju 4:8.

Liema aspetti b’konnessjoni maʼ saħħtek forsi għandek bżonn tagħtihom attenzjoni?

․․․․․

Żomm ruħek okkupata. Tiqafx tagħmel l-​affarijiet li tħobb tagħmel. U issa, iktar minn qatt qabel, tinqatax għalik waħdek. (Proverbji 18:1) Meta tassoċja maʼ nies li jħobbuk se jkollok xi ħaġa pożittiva fuqiex tiffoka.

Liema miri tistaʼ tagħmel?

․․․․․

Esprimi s-​sentimenti tiegħek m’Alla fit-​talb. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Wara li tintemm relazzjoni, xi wħud saħansitra jħossu li Alla jkun ittradiehom. Huma jirraġunaw u jgħidu: ‘Jien kemm-​il darba tlabt biex insib lil xi ħadd, u issa ara x’ġara!’ (Salm 10:1) Imma taħseb li jkun xieraq li Alla jiġi meqjus sempliċement bħala wieħed li mis-​sema jlaqqaʼ l-​koppji? Żgur li le; lanqas ma jkun responsabbli meta xi ħadd mill-​koppja ma jkunx jixtieq ikompli r-​relazzjoni. Ħaġa waħda li nistgħu nkunu ċerti minnha dwar Ġeħova hi li ‘Hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Għalhekk, esprimi s-​sentimenti tiegħek miegħu fit-​talb. Il-​Bibbja tgħid: “Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-​qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.”—Filippin 4:6, 7.

Dwar liema affarijiet speċifiċi tistaʼ titlob lil Ġeħova waqt li tkun qed tistinka biex tkampa man-​niket li jġib miegħu t-​tmiem taʼ relazzjoni?

․․․․․

Ħares Lejn il-​Futur b’Ottimiżmu

Wara li jkun għadda biżżejjed żmien biex tfiq, forsi tagħmel tajjeb jekk teżamina sew x’kien ġara eżatt fir-​relazzjoni li kellek. Meta tkun lesta biex tagħmel dan, għandek mnejn issibha t’għajnuna li tikteb it-​tweġibiet tiegħek għall-​mistoqsijiet fil-​kaxxa bit-​titlu “ X’Nistaʼ Nitgħallem mit-​Tmiem taʼ Relazzjoni?” f’paġna 224.

Huwa minnu li r-​relazzjoni li kont fiha ma żvolġietx kif xtaqt int. Imma ftakar dan: F’nofs maltempata huwa faċli li tiffoka fuq is-​sema griż u fuq ix-​xita nieżla. Imma eventwalment ix-​xita tieqaf u s-​sema jiċċara. Iż-​żgħażagħ li ġew kwotati qabel f’dan il-​kapitlu sabu li maż-​żmien huma setgħu jkomplu b’ħajjithom. Ibqaʼ ċerta li anki int tistaʼ tagħmel l-​istess!

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Liema passi tistaʼ tieħu biex tipproteġi ruħek mill-​predaturi sesswali?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 5 Għalkemm l-​individwi kwotati f’dan il-​kapitlu huma tas-​sess femminil, il-​prinċipji diskussi japplikaw ukoll għal dawk tas-​sess maskil.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“[Ġeħova] qed ifejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma, u qed jinfaxxalhom il-​ġrieħi li juġgħuhom.”​—Salm 147:3.

SUĠĠERIMENT

Susan, li ssemmiet fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu, żammet lista taʼ skritturi li setgħet issibha faċilment sabiex taqrahom meta kienet tħossha maħkuma mill-​emozzjonijiet tagħha. Forsi int tistaʼ tagħmel l-​istess bi ftit mill-​iskritturi ċitati f’dan il-​kapitlu.

KONT TAF . . . ?

Il-​biċċa l-​kbira tar-​relazzjonijiet fost l-​adoloxxenti ma jwasslux għaż-​żwieġ, u fost dawk li jwasslu għaż-​żwieġ teżisti rata għolja taʼ divorzju.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Sabiex niġi megħjun inkompli b’ħajti wara t-​tmiem taʼ relazzjoni, jien se ․․․․․

Qabel ma nibda noħroġ maʼ xi ħadd ieħor tas-​sess oppost irrid nitjieb f’dan l-​aspett ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● X’tgħallimt dwarek innifsek mir-​relazzjoni li kellek?

● X’tgħallimt dwar dawk tas-​sess oppost?

[Kumment f’paġna 227]

“Maż-​żmien se tikseb stampa ħafna iktar ċara u l-​emozzjonijiet tiegħek ma jkunux daqshekk qawwijin. Għalhekk, tkun tistaʼ taħseb dwar is-​sitwazzjoni b’moħħok u mhux b’qalbek u tkun tistaʼ tibda dderri. Ukoll, tkun tistaʼ ssir taf iktar dwarek innifsek u dwar dak li għandek tfittex f’sieħeb fiż-​żwieġ, kif ukoll għal liema affarijiet għandek toqgħod attenta biex tevita sitwazzjoni simili fil-​futur.”​—Corrina

[Kaxxa f’paġna 224]

 Eżerċizzju

X’Nistaʼ Nitgħallem mit-​Tmiem taʼ Relazzjoni?

Ngħatajt raġuni għala ntemmet ir-​relazzjoni? Jekk iva, ikteb ir-​raġuni hawn taħt, anki jekk taħseb li mhijiex valida. ․․․․․

Liema taħseb li setgħu kienu xi raġunijiet oħrajn? ․․․․․

Meta terġaʼ taħseb dwar dak li ġara, kien hemm xi ħaġa li stajt tagħmel u li setgħet tbiddel l-​affarijiet? Jekk iva, x’inhi? ․․․․․

Uriet din l-​esperjenza xi aspetti li fihom tixtieq tikber spiritwalment jew emozzjonalment? ․․․․․

Liema affarijiet, jekk hemm, kieku tagħmel differenti fir-​relazzjoni li jmiss? ․․․․․

[Stampa f’paġna 223]

It-​tmiem taʼ relazzjoni hu bħal ferita li tuġgħek imma li maż-​żmien tfiq