Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Jistaʼ Jkolli Iktar Fiduċja Fija Nnifsi?

Kif Jistaʼ Jkolli Iktar Fiduċja Fija Nnifsi?

KAPTILU 12

Kif Jistaʼ Jkolli Iktar Fiduċja Fija Nnifsi?

Iva Le

Meta tħares fil-​mera, jogħġbok dak li tara? □ □

Tħoss li għandek abbiltajiet taʼ min ifaħħarhom? □ □

Kapaċi int tirreżisti l-​pressjoni minn dawk tamparek? □ □

Lest int taċċetta kritika valida? □ □

Tħossok maħbub? □ □

Tifraħ int għal oħrajn meta jirnexxu f’xi ħaġa? □ □

Tieħu ħsieb saħħtek? □ □

Lest int taċċetta rimarki inġusti li jgħaddilek ħaddieħor? □ □

Ġeneralment, tħares lejk innifsek bħala persuna li tirnexxi? □ □

Jekk wiġibt le għal diversi minn dawn il-​mistoqsijiet t’hawn fuq, jistaʼ jkun li l-​ftit fiduċja li għandek fik innifsek ma tħallikx tara l-​kwalitajiet sbieħ tiegħek. Dan il-​kapitlu hu maħsub biex jgħinek tiskoprihom!

ĦAFNA miż-​żgħażagħ jissieltu mal-​inċertezzi dwar id-​dehra u l-​abbiltajiet tagħhom, kif ukoll mal-​mod kif iqabblu lilhom infushom maʼ dawk tamparhom. Dan jiddeskrivi lilek? Jekk iva, m’intix waħdek!

“L-​imperfezzjonijiet tiegħi jġegħluni nħossni dipressa. Normalment, inkun jiena stess l-​iktar persuna li nikkritika lili nnifsi.”—Leticia.

“Tkun kemm tkun attraenti jew gustuża, dejjem se tiltaqaʼ maʼ wħud li jkunu isbaħ minnek.”—Haley.

“Meta nkun man-​nies nibda nħossni konxja ħafna tiegħi nnifsi. Nibżaʼ li ħaddieħor jaħseb li jien ma niswa għal xejn.”—Rachel.

Jekk tħossok bħal dawn iż-​żgħażagħ li ssemmew hawn fuq, taqtax qalbek. Int tistaʼ tikseb l-​għajnuna. Ikkunsidra tliet affarijiet li se jagħtuk iktar fiduċja fik innifsek u li se jgħinuk tħares lejk innifsek b’mod iktar pożittiv.

Agħmel Xi Ħaġa Għal Ħaddieħor

Skrittura importanti. “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

Xi tfisser? Meta tgħin lil oħrajn, tkun qed tgħin lilek innifsek. Kif? Proverbju Bibliku jgħid: “Ir-​ruħ ġeneruża titqawwa, u min isaqqi bix-​xaba’ lil oħrajn jissaqqa bix-​xaba’ hu wkoll.” (Proverbji 11:25) Huwa fatt li meta tgħin lil oħrajn tħossok aħjar dwarek innifsek! *

“Jien noqgħod naħseb dwar kif nistaʼ nkun t’għajnuna għal ħaddieħor u nipprova nagħmel xi ħaġa għal xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħi. Meta nuri mħabba u nagħti attenzjoni lil oħrajn inħossni aħjar.”—Breanna.

“Il-​ministeru Kristjan huwa premjanti għax iġiegħlek ma tibqax taħseb fik innifsek iżda tibda taħseb f’ħaddieħor.”—Javon.

Attenzjoni: Tgħinx lil oħrajn bl-​iskop li tiggwadanja xi ħaġa. (Mattew 6:2-​4) Meta tagħti b’motiv ħażin mhuwiex se jiswielek taʼ ġid. Normalment, in-​nies jindunaw li ma jkollokx motiv tajjeb!—1 Tessalonikin 2:5, 6.

Dak li jistaʼ jgħinek. Aħseb f’xi ħadd li għent fil-​passat. Min kien dan l-​individwu, u x’għamilt għalih?

․․․․․

Wara kif ħassejtek?

․․․․․

Aħseb f’xi ħadd ieħor li tistaʼ tgħin u ikteb kif tistaʼ tgħinu.

․․․․․

Sib Ħbieb Tajbin

Skrittura importanti. “Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu; huwa ħu mwieled għal meta jkun hemm in-​niket.”—Proverbji 17:17.

Xi tfisser? Ħabib veru jistaʼ jkun t’appoġġ kbir matul żminijiet diffiċli. (1 Samwel 18:1; 19:2) Anki sempliċement il-​ħsieb li xi ħadd jimpurtah minnek jistaʼ jgħinek tħossok aħjar. (1 Korintin 16:17, 18) Mela ersaq qrib lejn dawk li jinfluwenzawk b’mod pożittiv.

“Il-​ħbieb veri jagħtuk l-​inkuraġġiment li għandek bżonn biex ma tibqax tħossok imdejjaq.”—Donnell.

“Xi kultant, l-​iktar ħaġa importanti hi li tkun taf li hemm xi ħadd li sinċerament jimpurtah minnek. Dan jistaʼ jġiegħlek tħossok li int taʼ valur.”—Heather.

Attenzjoni: Kun żgur li ma turix wiċċ b’ieħor sempliċement biex tkun aċċettat minn ħbiebek. (Proverbji 13:20; 18:24; 1 Korintin 15:33) Jekk tagħmel affarijiet mhux għaqlin, sempliċement biex timpressjona lil oħrajn, tispiċċa tħossok degradat u użat.—Rumani 6:21.

Dak li jistaʼ jgħinek. Hawn taħt, ikteb l-​isem tal-​ħabib jew ħabiba li għandha mnejn tgħinek b’mod pożittiv biex int ikollok iktar fiduċja fik innifsek.

․․․․․

Għaliex ma tagħmilx arranġamenti biex tqattaʼ ftit ħin mal-​persuna li semmejt hawn fuq?—Ftakar: Din il-​persuna m’għandhiex għalfejn tkun bilfors tamparek.

Taqtax Qalbek Meta Tiżbalja

Skrittura importanti. “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-​glorja t’Alla.”—Rumani 3:23.

Xi tfisser? Ejja ngħiduha kif inhi—int imperfett. Dan ifisser li se jkun hemm xi drabi meta se tgħid jew saħansitra tagħmel xi ħaġa ħażina. (Rumani 7:21-​23; Ġakbu 3:2) Għalkemm ma tistax tevita li tagħmel l-​iżbalji, int tistaʼ tikkontrolla l-​mod kif tirreaġixxi għalihom. Il-​Bibbja tgħid: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ seba’ darbiet, u żgur iqum.”—Proverbji 24:16.

“Xi kultant, in-​nuqqas taʼ fiduċja fina nfusna jiġi meta nqabblu xi dgħufija li jkollna maʼ kwalità sabiħa li jkollu ħaddieħor.”—Kevin.

“Kulħadd għandu kwalitajiet tajbin u kwalitajiet ħżiena. Għandna nkunu kburin bit-​tajbin u naħdmu fuq il-​ħżiena.”—Lauren.

Attenzjoni: Tużax l-​imperfezzjoni tiegħek bħala skuża biex tipprattika d-​dnub. (Galatin 5:13) Jekk minn jeddek tagħmel dak li hu ħażin se titlef l-​iktar approvazzjoni importanti li jistaʼ jkollok—dik t’Alla Ġeħova!—Ebrej 10:26, 27.

Dak li jistaʼ jgħinek. Hawn taħt ikteb kwalità li tixtieq titjieb fiha.

․․․․․

Ikteb id-​data tal-​lum maġenb il-​kwalità li ktibt. Agħmel riċerka permezz tal-​pubblikazzjonijiet tal-​organizzazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova dwar kif tistaʼ titjieb, u ara xi progress tkun għamilt f’xahar.

Il-​Valur Veru Tiegħek

Il-​Bibbja tgħid li “Alla hu akbar minn qlubna.” (1 Ġwanni 3:20) Dan ifisser, fost affarijiet oħrajn, li hu jistaʼ jara l-​valur li għandek u li int forsi ma tarax fik innifsek. Iżda l-​imperfezzjonijiet tiegħek ibiddlu l-​mod kif Alla jħares lejk? Ejja ngħidu li għandek karta taʼ €100 kemm kemm imqattgħa. Kieku int tarmiha? Tqisha li hi bla valur minħabba li tkun imqattgħa? Dażgur li le! Din xorta tiswa €100—imqattgħa u mhix.

Huwa simili fil-​każ tal-​ħarsa t’Alla lejn il-​valur li għandek. Id-​difetti tiegħek ma jagħmuhx għall-​valur li għandek. Hu jinnota u japprezza l-​isforzi li tagħmel biex togħġbu, jidhru kemm jidhru insinifikanti għalik! Tabilħaqq, il-​Bibbja tassigurak li ‘Alla mhux inġust biex jinsa għemilek u l-​imħabba li wrejt għal ismu.’—Ebrej 6:10.

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Tħossok kultant maħkum minn niket kbir? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel?

[Nota ta’ taħt]

^ par. 21 Jekk int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ikkunsidra l-​ferħ kbir li tistaʼ tikseb meta taqsam il-​messaġġ tas-​Saltna m’oħrajn.—Isaija 52:7.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu, u mbagħad ikollu għalxiex jifraħ b’dak li jagħmel hu stess, u ma jqabbilx ruħu maʼ ħaddieħor.”—Galatin 6:4.

SUĠĠERIMENT

Toqgħodx tgħid lilek innifsek affarijiet bħal ‘Jien qatt ma nirnexxi’ u ‘Jien qatt ma nagħmel waħda tajba.’ Dawn l-​istqarrijiet esaġerati jservu biss biex ikomplu jiskuraġġuk. Minflok, agħraf x’inhuma n-​nuqqasijiet tiegħek iżda agħraf ukoll x’inhuma l-​kwalitajiet sbieħ tiegħek.

KONT TAF . . . ?

Il-​mod kif tħares lejk innifsek jistaʼ jeffettwa l-​mod kif ħaddieħor iħares lejk . . . u saħansitra kif jittrattak.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Meta dawk tampari jikkritikawni, jien se ․․․․․

Meta nara li qed ninnota biss id-​dgħufijiet tiegħi, jien se ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Għala hemm iktar probabbiltà li ż-​żgħażagħ, b’mod speċjali, ikollhom nuqqas taʼ fiduċja fihom infushom?

● Għala hu importanti li jkollok ammont xieraq taʼ rispett lejk innifsek?

[Kumment f’paġna 88]

“Persuna tistaʼ tkun tassew attraenti u xorta tħossha kerha. Mill-​banda l-​oħra, persuna tistaʼ tkun inqas attraenti u taħseb li hi l-​isbaħ persuna fid-​dinja. Hija kwistjoni taʼ attitudni.”​—Alyssa

[Stampa f’paġna 90]

Il-​valur taʼ karta tal-​flus ma jonqosx għax tkun imqattgħa —u lanqas ma jonqos il-​valur tiegħek f’għajnejn Alla minħabba l-​imperfezzjoni