Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Nistaʼ Nirreżisti t-​Tentazzjoni?

Kif Nistaʼ Nirreżisti t-​Tentazzjoni?

KAPITLU 9

Kif Nistaʼ Nirreżisti t-​Tentazzjoni?

Karen ma tkunx ilha iktar minn għaxar minuti l-​party meta tara żewġ subien ġejjin b’ħafna basktijiet kbar tal-​karti f’idejhom. Hi taf x’fihom dawn il-​basktijiet għax ftit qabel kienet semgħet lil dawn is-​subien jgħidu li f’dan il-​party se jkun hemm ħafna xorb alkoħoliku.

F’daqqa waħda, Karen tismaʼ leħen familjari minn warajha. “X’int tagħmel bilwieqfa hemm, ja stramba?” Karen iddur u tara lill-​ħabiba tagħha Jessica b’żewġ fliexken birra f’idejha. Jessica tpoġġilha flixkun eżatt quddiem wiċċha u tgħidilha: “Issa tiġix tgħidli li għadek żgħira wisq biex tieħu ftit pjaċir!”

Karen tixtieq tirrifjuta. Imma l-​pressjoni biex taċċetta hija iktar qawwija milli stenniet. Jessica hija l-​ħabiba tagħha, u Karen ma tixtieqx li tiġi meqjusa bħala . . . “stramba,” kif qaltilha Jessica. Barra minn hekk, Jessica tifla sew u anki hi qed tixrob. Mela x’fiha ħażin b’daqshekk? ‘Mhux daqsxejn taʼ birra?’ tgħid Karen bejnha u bejn ruħha. ‘Mhijiex l-​istess bħad-​drogi jew bħas-​sess.’

MATUL iż-​żgħożija, it-​tentazzjonijiet jiġu f’diversi modi. Spiss, dawn ikunu jinvolvu lil dawk tas-​sess oppost. “It-​tfajliet fl-​iskola huma persistenti,” jgħid Ramon, li għandu 17-​il sena. “Jieħdu pjaċir imissuk u jaraw sa fejn tħallihom jaslu. Huma ma jaċċettawx il-​fatt li int tirrifjutahom!” Deanna, li wkoll għandha 17-​il sena, kellha esperjenza simili. “Darba minnhom, resaq lejja ġuvni u poġġa driegħu madwari,” tgħid hi. “Tajtu daqqa taʼ ponn fi driegħu u għedtlu: ‘X’int tagħmel? Lanqas biss nafek!’”

Int ukoll għandek mnejn tiffaċċja tentazzjonijiet, u forsi tħoss li l-​pressjonijiet se jibqgħu ġejjin. Tentazzjoni waħda wara l-​oħra tistaʼ titqabbel maʼ taħbita kontinwa fuq il-​bieb tiegħek, avolja jkollok tabella mdendla mal-​bieb biex ħadd ma jħabbatlek. Tismagħha int din it-​taħbita iktar spiss milli tixtieq? Pereżempju, hemm xi affarijiet f’din il-​lista li jħajruk?

□ It-​tipjip

□ Il-​pornografija

□ L-​alkoħol

□ Is-​sess

□ Id-​drogi

□ Xi ħaġa oħra ․․․․․

Jekk għamilt ✔ maġenb xi waħda jew iktar minn dawn t’hawn fuq, taqbadx u tikkonkludi li m’intix tajjeb biex tkun Kristjan. Int tistaʼ titgħallem tikkontrolla x-​xewqat ħżiena u tirreżisti t-​tentazzjonijiet. Kif? Ikun t’għajnuna li tagħraf x’jikkaġuna t-​tentazzjoni. Ikkunsidra tliet fatturi.

1. L-​imperfezzjoni. L-​inklinazzjoni biex nagħmlu dak li hu ħażin hija komuni fost il-​bnedmin imperfetti kollha. Saħansitra l-​appostlu Pawlu, li kien Kristjan matur, b’onestà ammetta: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” (Rumani 7:21) B’mod ċar, saħansitra anki xi ħadd li jkun tassew rett kultant ikollu jiffaċċja x-​“xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn.” (1 Ġwanni 2:16) Imma jekk toqgħod il-​ħin kollu thewden dwar it-​tentazzjonijiet se tiggrava s-​sitwazzjoni, għax il-​Bibbja tgħid: “Meta x-​xewqa ssir fertili, tiled id-​dnub.”—Ġakbu 1:15.

2. L-​influwenzi mid-​dinja. It-​tentazzjonijiet issibhom kullimkien. “In-​nies il-​ħin kollu jitkellmu dwar is-​sess, kemm fl-​iskola u kemm fuq ix-​xogħol,” tgħid Trudy. “Fuq it-​televixin u fil-​films dejjem ipinġu s-​sess bħala sabiħ u eċċitanti. Rari tara l-​konsegwenzi koroh tiegħu!” Mill-​esperjenza, Trudy taf kemm jistgħu jkunu qawwijin influwenzi bħal dawn. “Taʼ 16-​il sena ħsibt li sirt inħobb lil xi ħadd,” tirrakkonta hi. “Ommi poġġiet bilqiegħda miegħi u qaltli li jekk kont se nibqaʼ sejra hekk se nispiċċa noħroġ tqila. Ixxokkjajt ruħi meta ommi qaltli hekk! Xahrejn wara ħriġt tqila.”

3. Ix-​“xewqat li jistaʼ jkollok fiż-​żgħożija.” (2 Timotju 2:22) Din il-​frażi tistaʼ tinkludi kwalunkwe xewqa li ż-​żgħażagħ spiss ikollhom, bħax-​xenqa qawwija li jiġu aċċettati minn oħrajn jew li jiġu meqjusin bħala adulti. Fihom infushom, dawn ix-​xewqat mhumiex ħżiena, imma jekk ma jiġux kontrollati jistgħu jagħmlu t-​tentazzjonijiet iktar diffiċli biex wieħed jirreżistihom. Pereżempju, ix-​xewqa kbira li tiġi meqjus bħala adult tistaʼ maż-​żmien iġġiegħlek tiċħad il-​valuri tajbin li ġejt mgħallem fid-​dar. Hekk ġralu Steve meta kellu 17-​il sena. Hu jgħid: “Jien irribellajt kontra l-​ġenituri tiegħi u għamilt kulma għallmuni huma stess biex ma nagħmilx—dan kollu għamiltu ftit wara li tgħammidt.”

Kif Tistaʼ Tirreżisti

M’għandniex xi ngħidu, l-​influwenzi li ssemmew qabel huma qawwijin. Minkejja dan, int tistaʼ tirreżisti t-​tentazzjoni. Kif?

● L-​ewwel, identifika l-​iktar tentazzjoni diffiċli għalik biex tirreżistiha. (Għandek mnejn diġà għamilt dan f’paġna 65.)

● Imbagħad, staqsi lilek innifsek: ‘Meta x’aktarx li tiġini din it-​tentazzjoni?’ Agħmel ✔ maġenb waħda minn dawn li ġejjin:

□ Meta nkun l-​iskola

□ Meta nkun waħdi

□ Meta nkun ix-​xogħol

□ Sitwazzjoni oħra ․․․․․

Il-​fatt li tkun taf meta huwa l-​iktar probabbli li tiġik it-​tentazzjoni jistaʼ saħansitra jgħinek tevitaha għalkollox. Pereżempju, ikkunsidra s-​sitwazzjoni li ssemmiet fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu. Karen liema twissija kellha li kien se jkun hemm il-​periklu fil-​party li attendiet?

․․․․․

Kif setgħet tevitaha għalkollox it-​tentazzjoni?

․․․․․

● Issa li identifikajt it-​tentazzjoni u sirt taf meta x’aktarx li tiffaċċjaha, tinsab lest biex tieħu azzjoni. L-​ewwel prijorità hi li tara kif se tnaqqas jew telimina kwalunkwe ħaġa li twasslek għat-​tentazzjoni. Hawn taħt ikteb x’tistaʼ tagħmel.

․․․․․

(Eżempji: Jekk wara l-​iskola spiss tiltaqaʼ maʼ sħabek tal-​iskola u dawn jipprovaw iħajruk biex tpejjep magħhom, forsi tistaʼ tgħaddi minn triq oħra biex tevitahom. Jekk, bla ma trid, spiss tirċievi materjal pornografiku permezz tal-​Internet, forsi tistaʼ tikkunsidra li tinstalla xi programmi li jimblokkaw is-​sors tal-​pornografija u l-​websajts kollha taʼ din ix-​xorta. Ukoll, tistaʼ tkun iktar speċifiku meta tittajpja l-​kliem li tkun trid tfittex fuq l-​Internet.)

M’għandniex xi ngħidu, ma tistax tevita t-​tentazzjonijiet kollha. Illum jew għada, int x’aktarx li se tiffaċċja ġibda partikolarment qawwija—forsi meta l-​inqas tkun qed tistennieha. X’tistaʼ tagħmel dwar dan?

Kun Preparat

Meta Ġesù “ġie ttantat minn Satana,” hu mill-​ewwel irrifjuta. (Marku 1:13) Għala? Għaliex hu kien diġà fehem il-​kwistjonijiet li qamu. Hu kien diġà determinat li dejjem jobdi lil Missieru. (Ġwanni 8:28, 29) Ġesù kien tassew sinċier meta qal: “Jien ma nżiltx mis-​sema biex nagħmel ir-​rieda tiegħi imma r-​rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġwanni 6:38.

Fil-​paġna li jmiss ikteb żewġ raġunijiet għala għandek tirreżisti t-​tentazzjoni li spiss tiffaċċja, u żewġ azzjonijiet li tistaʼ tieħu sabiex tiġi megħjun tirreżisti din it-​tentazzjoni.

Għala għandek tirreżisti:

1 ․․․․․

2 ․․․․․

Azzjonijiet li se jgħinuk tirreżisti:

1 ․․․․․

2 ․․․․․

Ftakar li meta ċċedi għat-​tentazzjonijiet, int issir ilsir tax-​xewqat tiegħek. (Titu 3:3) Għala għandek tħalli lilek innifsek tkun kontrollat mix-​xewqat qawwijin tiegħek? Kun matur biżżejjed biex tikkontrolla x-​xewqat tiegħek int minflok ma tħalli lilhom jikkontrollaw lilek. (Kolossin 3:5) Ukoll, għandek titlob biex tkompli tagħmel hekk.—Mattew 6:13. *

AQRA IKTAR DWAR DAN IS-​SUĠĠETT F’KAPITLU 15 TAʼ VOLUME 2

FIL-​KAPITLU LI JMISS

Qed tħossok fiżikament bla ħeġġa dan l-​aħħar? Tgħallem kif tistaʼ ttejjeb saħħtek u terġaʼ tikseb l-​enerġija!

[Nota ta’ taħt]

^ par. 43 Ara wkoll Kapitli 33 u 34 taʼ dan il-​ktieb.

SKRITTURA PRINĊIPALI

“Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-​tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-​triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” —1 Korintin 10:13.

SUĠĠERIMENT

Sabiex tippjana t-​tweġibiet li tistaʼ tagħti meta xi ħadd jipprova jħajrek biex tagħmel xi ħaġa ħażina, uża l-​“Peer-​Pressure Planner,” li jinsab f’paġni 132 u 133 tal-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2.

KONT TAF . . . ?

Alla bassar li Ġesù kellu jagħti prova li hu leali, iżda dan ma jfissirx li Ġesù kien bħal xi robot, programmat biex jobdi. Minflok, Ġesù kellu l-​libertà tal-​għażla. Il-​lealtà tiegħu kienet għażla, u mhux xi ħaġa li ġiet magħżula għalih minn qabel. Din hi raġuni waħda għala hu talab bil-​ħrara meta kien għaddej minn prova.—Ebrej 5:7.

L-​AZZJONI LI SE NIEĦU

Sabiex inkun iktar determinat(a) li nirreżisti t-​tentazzjonijiet, jien se ․․․․․

Xi nies, postijiet, u ċirkustanzi li għandi bżonn nevita jinkludu ․․․․․

Dak li nixtieq nistaqsi lill-​ġenitur(i) tiegħi dwar dan is-​suġġett hu ․․․․․

INT X’TAĦSEB?

● Jistgħu l-​ħlejjaq perfetti jiġu ttantati? —Ġenesi 6:1-​3; Ġwanni 8:44.

● Meta tirreżisti t-​tentazzjonijiet, x’effett ikollha l-​lealtà tiegħek fuq ħaddieħor? —Proverbji 27:11; 1 Timotju 4:12.

[Kumment f’paġna 68]

“Xi ħaġa t’għajnuna għalija hi li naf li għandi l-​iktar Esseri setgħan fl-​univers fuq in-​naħa tiegħi u li nistaʼ nitolbu l-​għajnuna f’kull ħin!”​—Christopher

[Kaxxa/​Stampa f’paġna 67]

Ipprova Dan!

Aqbad boxxla u agħmilha f’pożizzjoni li l-​labra tipponta lejn it-​Tramuntana. Imbagħad, poġġi kalamita maġenb il-​boxxla. X’jiġri? Il-​labra ma tibqax tagħti d-​direzzjoni eżatta. Minflok, din iddur lejn il-​kalamita.

Il-​kuxjenza tiegħek hi bħal din il-​boxxla. Jekk din tiġi mħarrġa kif suppost, se tipponta lejn id-​direzzjoni t-​tajba u se tgħinek tieħu deċiżjonijiet għaqlin. Imma s-​sħubija li tkun taʼ ħsara, bħal kalamita, tiġbdek b’tali mod li tfixkillek il-​ġudizzju morali. X’inhi t-​tagħlima? Ipprova evita nies u sitwazzjonijiet li jistgħu jfixklulek is-​sens morali!—Proverbji 13:20.

[Stampa f’paġna 69]

Meta ċċedi għat-​tentazzjonijiet, int issir ilsir tax-​xewqat tiegħek