Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-Demm–Vitali għall-Ħajja

Id-Demm–Vitali għall-Ħajja

Id-​Demm–Vitali għall-​Ħajja

Id-​demm kif jistaʼ jsalvalek ħajtek? Dan bla dubju huwa taʼ interess għalik għaliex id-​demm huwa marbut mal-​ħajja tiegħek. Id-​demm iġorr l-​ossiġenu fil-​ġisem tiegħek, ineħħi l-​carbon dioxide, igħinek taddatta ruħek għall-​bidliet fit-​temperatura, u jgħinek fil-​ġlieda tiegħek kontra l-​mard.

Ir-rabta li hemm bejn il-​ħajja u d-​demm saret ħafna qabel ma William Harvey għamel mappa tas-​sistema ċirkulatorja fl-​1628. L-​etika bażika tar-​reliġjonijiet il-​kbar tiffoka fuq Wieħed li Jagħti l-​Ħajja, u li esprima ruħu dwar il-​ħajja u dwar id-​demm. Avukat Kristjan-Ġudejan qal dwaru: “Hu nnifsu jagħti lill-​persuni kollha ħajja u nifs u l-​affarijiet kollha. Għax permezz tiegħu aħna għandna l-​ħajja u nitħarrku u neżistu.” *

Nies li jemmnu f’Wieħed li Jagħti l-​Ħajja bħal dan għandhom fiduċja li d-​direzzjonijiet tiegħu huma għall-​ġid dejjiemi tagħna. Profeta Ebrew iddeskrivieh bħala “Dak li qed igħallmek għall-​ġid tiegħek innifsek, Dak li qed iġagħlek tirfes fit-​triq li fiha għandek timxi.”

Dik l-​assigurazzjoni, f’Isaija 48:​17, hija parti mill-​Bibbja, ktieb irrispettat għal valuri tal-​etika li jistgħu jibbenefikaw lilna lkoll. Xi tgħid dwar l-​użu tad-​demm mill-​bniedem? Turi hi kif ħajjiet jistgħu jiġu salvati bid-​demm? Attwalment, il-​Bibbja turi b’mod ċar li d-​demm huwa iktar minn likwidu bioloġiku kkumplikat. Issemmi d-​demm iktar minn 400 darba, u xi ftit minn dawn ir-​referenzi jinvolvu s-​salvazzjoni taʼ ħajja.

F’referenza bikrija waħda, il-​Ħallieq iddikjara: “Kull ħaġa li tgħix u tiċċaqlaq se tkun ikel għalikom. . . . Imma ma tridux tieklu laħam li għad għandu d-​demm tal-​ħajja tiegħu fih.” Hu żied: “Għad-​demm tal-​ħajja tagħkom jien żgur li se nitlob kont,” u mbagħad ikkundanna l-​qtil. (Ġenesi 9:​3-6, New International Version) Hu qal dan lil Noè, antenat komuni stmat ferm minn Lhud, Misilmin, u Kristjani. L-​umanità kollha ġiet b’hekk imgħarrfa li fl-​opinjoni tal-​Ħallieq, id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. Din kienet iktar minn regola taʼ dieta. Biċ-​ċar, prinċipju morali kien involut. Id-​demm uman għandu sinjifikat kbir u m’għandux jintuża ħażin. Il-​Ħallieq iktar tard żied dettalji li minnhom aħna nistgħu faċilment naraw il-​kwistjonijiet morali li hu jorbot mad-​demm tal-​ħajja.

Hu reġaʼ rrefera għad-​demm meta ta l-​kodiċi tal-​Liġi lil Iżrael tal-​qedem. Waqt li ħafna nies jirrispettaw il-​għerf u l-​etika li hemm f’dik il-​kodiċi, ftit jafu bil-​liġijiet serji tagħha dwar id-​demm. Per eżempju: “Jekk xi ħadd mid-​dar taʼ Iżrael jew mill-​barranin li jgħammru fosthom jieħu minn kwalunkwe demm, jien se ndawwar Wiċċi kontra l-​persuna li tieħu minn xi demm, u jien se naqtgħu minn fost niesu. Għax il-​ħajja tal-​laħam qiegħda fid-​demm.” (Levitiku 17:​10, 11, Tanakh) Alla mbagħad spjega x’kellu jagħmel kaċċatur b’annimal mejjet: “Hu se jferraʼ d-​demm tiegħu u jgħattih bit-​trab. . . . M’għandekx tieħu mid-​demm taʼ kwalunkwe laħam, għax il-​ħajja tal-​laħam kollu hija d-​demm tiegħu. Kulmin jieħu minnu se jiġi maqtugħ.”​—Levitiku 17:​13, 14, Ta.

Ix-xjenzati issa jafu li l-​kodiċi tal-​Liġi Lhudija kienet iġġib ’il quddiem is-​saħħa. Kienet titlob, per eżempju, li l-​ħmieġ li joħroġ mill-​ġisem jiġi ddepożitat barra l-​kamp u mgħotti u li n-​nies ma jiklux laħam li kellu riskju kbir taʼ mard. (Levitiku 11:​4-8, 13; 17:15; Dewteronomju 23:​12, 13) Waqt li l-​liġi dwar id-​demm kellha aspetti sanitarji, ferm iktar kien involut. Id-​demm kellu tifsira simbolika. Kien jirrappreżenta l-​ħajja pprovduta mill-​Ħallieq. Billi jittrattaw id-​demm bħala xi ħaġa speċjali, in-​nies urew li kienu jiddependu mill-​Ħallieq għall-​ħajja. Iva, ir-​raġuni prinċipali għala ma kellhomx jieħdu demm kienet, mhux għax kien iġib il-​mard, imma għax kellu tifsir speċjali għal Alla.

Il-Liġi ripetutament stqarret il-​projbizzjoni tal-​Ħallieq dwar li wieħed jieħu d-​demm biex isostni l-​ħajja. “Ma tridux tieklu d-​demm; ferrgħuh fuq l-​art bħall-​ilma. Tikluhx, sabiex imur tajjeb magħkom u maʼ wliedkom warajkom, għaliex tkunu qed tagħmlu dak li hu sewwa.”​—Dewteronomju 12:​23-25, NIV; 15:23; Levitiku 7:​26, 27; Eżekjel 33:25. *

Kuntrarju għal kif jirraġunaw xi wħud illum, il-​liġi t’Alla dwar id-​demm ma kellhiex tiġi injorata sempliċement minħabba li tqum xi emerġenza. Matul kriżi taʼ żmien il-​gwerra, xi suldati Iżraeliti qatlu xi annimali u “qabdu jieklu flimkien mad-​demm.” Minħabba l-​emerġenza, kellhom huma l-​permess li jsostnu l-​ħajjiet tagħhom bid-​demm? Le. Il-​kmandant tagħhom wera li l-​korsa tagħhom xorta kienet żball gravi. (1 Samwel 14:​31-35) Għalhekk, hi kemm hi prezzjuża l-​ħajja, Dak li Tana l-​Ħajja qatt ma qal li l-​livelli tiegħu jistgħu jiġu injorati f’emerġenza.

ID-​DEMM U L-​KRISTJANI VERI

Il-​Kristjanità fejn qiegħda fil-​kwistjoni taʼ li ssalva l-​ħajja umana bid-​demm?

Ġesù kien bniedem taʼ integrità, u għalhekk huwa rrispettat ħafna. Hu kien jaf li l-​Ħallieq qal illi li wieħed jieħu d-​demm kienet ħaġa ħażina u li din il-​liġi kienet obbligatorja. Għalhekk, hemm raġuni tajba biex nemmnu li Ġesù kien se jżomm il-​liġi dwar id-​demm saħansitra kieku kien taħt pressjoni biex jagħmel mod ieħor. Ġesù “ma għamel xejn ħażin, [u] ebda qerq ma nstab fuq xofftejh.” (1 Pietru 2:​22, Knox) Hu b’hekk poġġa mudell għas-​segwaċi tiegħu, inkluż mudell taʼ rispett lejn il-​ħajja u d-​demm. (Iktar tard se nikkunsidraw kif id-​demm stess taʼ Ġesù hu involut f’din il-​kwistjoni vitali li teffettwa lil ħajtek.)

Innota x’ġara meta, snin wara l-​mewt taʼ Ġesù, qamet mistoqsija dwar jekk xi ħadd li jsir Kristjan kellux iżomm il-​liġijiet kollha taʼ Iżrael. Dan kien diskuss f’konċilju tal-​ġemgħa Kristjana li tiggverna, li kienet tinkludi lill-​appostli. Ġakbu, ħu Ġesù mill-​omm, irrefera għal kitbiet li kien fihom il-​kmandi dwar id-​demm mistqarra lil Noè u lill-​ġens taʼ Iżrael. Kellhom dawn ikunu obbligatorji għall-​Kristjani?​—Atti 15:​1-21.

Minn dak il-​konċilju ntbagħtet id-​deċiżjoni tagħhom lill-​kongregazzjonijiet kollha: Il-​Kristjani m’għandhomx għalfejn iżommu l-​kodiċi mogħtija lil Mosè, imma huwa ‘neċessarju’ għalihom li ‘jibqgħu jastjenu minn affarijiet issagrifikati lill-​idoli u mid-​demm u minn affarijiet fgati [laħam mhux skarnat] u minn żina.’ (Atti 15:​22-29) L-​appostli ma kinux qed jippreżentaw sempliċement xi ordinanza ritwali jew taʼ dieta. Id-​digriet kien fih regoli taʼ etika fundamentali, li Kristjani bikrin qablu magħhom. Xi għaxar snin wara, huma rrikonoxxew li huma xorta għandhom ‘iżommu ruħhom ’il bogħod minn dak li huwa ssagrifikat lill-​idoli kif ukoll mid-​demm . . . u miż-​zina.’​—Atti 21:25.

Int taf li miljuni taʼ nies imorru l-​knisja. Il-​biċċa l-​kbira minnhom x’aktarx li jaqblu li l-​etika Kristjana tinvolvi li wieħed ma jagħtix qima lill-​idoli u ma jiħux sehem f’immoralità kbira. Madankollu, jixraq li ninnotaw li l-​appostli poġġew l-​evitar tad-​demm fuq l-​istess livell morali għoli taʼ li wieħed jevita dawk l-​affarijiet ħżiena. Id-​digriet tagħhom ikkonkluda: “Jekk iżżommu ruħkom bl-​attenzjoni minn dawn l-​affarijiet, se timxu ’l quddiem. Saħħa tajba lilkom!”​—Atti 15:29.

Id-digriet appostoliku kien mifhum għal żmien twil bħala li hu obbligatorju. Ewsebju jirrakkonta dwar mara żagħżugħa qrib it-​tmiem tat-​tieni seklu li, qabel ma mietet taħt tortura, għamlet il-​punt taʼ li l-​Kristjani “m’għandhomx il-​permess li jieklu d-​demm saħansitra taʼ annimali li ma jirraġunawx.” Hi ma kinetx qed teżerċita d-​dritt li tmut. Riedet tgħix, imma ma ridetx tikkomprometti l-​prinċipji tagħha. Ma tirrispettax int lil dawk li jpoġġu l-​prinċipju qabel il-​gwadann persunali?

Ix-xjenzat Joseph Priestley ikkonkluda: “Il-​projbizzjoni taʼ li wieħed ma jikolx demm, mogħtija lil Noè, tidher li hi obbligatorja fuq in-​nisel kollu tiegħu . . . Jekk ninterpretaw [il-]projbizzjoni tal-​appostli minn dak li pprattikaw il-​Kristjani tal-​bidunett, li bil-​kemm jistaʼ wieħed jissoponi li ma fehmux sewwa n-​natura tagħha u safejn tasal, aħna ma nistgħux ma nikkonkludux li kienet maħsuba li tkun assoluta u perpetwa; għax id-​demm ma kienx mikul mill-​Kristjani kollha għal ħafna sekli.”

X’INGĦIDU DWAR LI WIEĦED JUŻA D-​DEMM BĦALA MEDIĊINA?

Kellha l-​projbizzjoni Biblika dwar id-​demm tkopri l-​użu mediku, bħalma huma t-​trasfużjonijiet, li ċertament ma kinux magħrufa fi żmien Noè, Mosè, jew l-​appostli?

Waqt li t-​terapija moderna tal-​użu tad-​demm ma kinetx teżisti lura f’dak iż-​żmien, l-​użu mediċinali tad-​demm ma hux modern. Għal xi 2,000 sena, fl-​Eġittu u f’postijiet oħra, “id-​demm [uman] kien meqjus bħala r-​rimedju sovran għall-​ġdiem.” Wieħed tabib jirrivela t-​terapija mogħtija lil bin is-​Sultan Esar–haddon meta l-​ġens tal-​Assirja kien fuq quddiem f’dik li hi teknoloġija: “[Il-prinċep] jinstab ħafna aħjar; is-​sultan, is-​sid tiegħi, jistaʼ jkun hieni. Billi nibda mit-​22 jum jien se nagħti(h) demm biex jixrob, hu se jixorb(u) għal 3 ijiem. Għal 3 ijiem oħra jien se nagħti(h id-​demm) biex japplikah internament.” Esar–haddon kien jittratta mal-​Iżraeliti. Madankollu, minħabba li l-​Iżraeliti kellhom il-​Liġi t’Alla, huma qatt ma kienu se jixorbu d-​demm bħala mediċina.

Kien id-​demm użat bħala mediċina fi żmien ir-​Rumani? In-​naturalista Plini (li kien igħix fi żmien l-​appostli) u t-​tabib tat-​tieni seklu Aretews jirrapportaw li d-​demm uman kien kura għall-​mard tal-​qamar. Tertulljanu iktar tard kiteb: “Ikkunsidraw lil dawk li b’għatx kollu rgħiba, f’wirja fl-​arena, jieħdu d-​demm frisk taʼ kriminali mill-​agħar . . . u jġorruh ’il hemm biex ifejqu l-​mard tagħhom tal-​qamar.” Hu għamel kuntrast bejnhom u bejn il-​Kristjani, li “lanqas biss ma jieħdu d-​demm taʼ annimali fl-​ikliet [tagħhom] . . . Fil-​provi tal-​Kristjani intom toffrulhom mazzit mimli demm. Intom konvinti, naturalment, li [huwa] kontra l-​liġi għalihom.” Mela, il-​Kristjani tal-​bidu kienu lesti li jirriskjaw il-​mewt minflok ma jieħdu d-​demm.

“Id-​demm fil-​forma tiegħu iktar taʼ kuljum . . . baqaʼ moda bħala ingredjent fil-​mediċina u fil-​maġija,” jirrapporta l-​ktieb Flesh and Blood. “Fl-​1483, per eżempju, Luwiġi XI taʼ Franza kien qed imut. ‘Kull ġurnata kien imur għall-​agħar, u l-​mediċini ma kinux qed jagħmlulu ġid, għalkemm taʼ karattru stramb; għax hu ttama b’mod qawwi ħafna li jfiq permezz tad-​demm uman li hu ħa u li belaʼ mingħand ċerti tfal.’”

Xi ngħidu dwar it-​trasfużjoni tad-​demm? Esperimenti f’dan bdew qrib il-​bidu tas-​seklu 16. Thomas Bartholin (1616–80), professur tal-​anatomija fl-​Università taʼ Copenhagen, oġġezzjona: ‘Dawk li jdaħħlu l-​użu tad-​demm uman għal rimedji interni tal-​mard jidhru li jużawh ħażin u li jidinbu b’mod gravi. Il-​kannibali huma kkundannati. Għala ma nistkerrhux lil dawk li jtebbgħu l-​gerżuma tagħhom bid-​demm uman? L-​istess huwa li wieħed jirċievi demm barrani minn vina maqtugħa, jew minn ġol-​ħalq jew minn strumenti tat-​trasfużjoni. L-​awturi taʼ din l-​operazzjoni huma miżmumin imwerwra bil-​liġi divina, li biha l-​ikel tad-​demm huwa pprojbit.’

Għalhekk, nies intelliġenti fis-​sekli li għaddew irrealizzaw li l-​liġi tal-​Bibbja kienet tapplika għal li wieħed jieħu d-​demm ġewwa l-​vini sewwa sew bħalma kienet tapplika għal li wieħed jieħdu ġewwa l-​ħalq. Bartholin ikkonkluda: “Iż-​żewġ manjieri taʼ li wieħed jieħu [d-demm] għandhom l-​uniku u l-​istess skop, li b’dan id-​demm ġisem marid jiġi mantnut jew imfejjaq.”

Din il-​ħarsa bir-​reqqa tistaʼ tgħinek biex tifhem il-​waqfa reliġjuża mhix negozjabbli li jieħdu x-​Xhieda taʼ Jehovah. Huma japprezzaw ferm il-​ħajja, u jfittxu kura medika tajba. Imma huma determinati li ma jiksrux il-​livell t’Alla, li kien u għadu konsistenti: Dawk li jirrispettaw il-​ħajja bħala rigal mingħand il-​Ħallieq ma jippruvawx isostnu l-​ħajja billi jieħdu d-​demm ġo fihom.

Xorta waħda, għal snin sħaħ ħafna sostnew li d-​demm isalva l-​ħajja. Xi tobba jistgħu jirrakkontaw każi li fihom xi ħadd tilef ħafna u ħafna demm imma saret trasfużjoni fuqu u mbagħad tjieb malajr malajr. Mela int tistaʼ tistaqsi, ‘Din il-​ħaġa kemm hi jew mhix għaqlija b’mod mediku?’ Evidenza medika hija offruta biex tappoġġja t-​terapija tad-​demm. B’hekk, jiddependi minnek biex tikseb il-​fatti sabiex tagħmel għażla informata dwar id-​demm.

[Noti taʼ taħt]

^ par. 3 Pawlu, f’Atti 17:​25, 28, New World Translation of the Holy Scriptures.

^ par. 9 Projbizzjonijiet simili kienu miktubin iktar tard fil-​Koran.

[Kaxxa f’paġna 4]

“Il-​preċetti hawn imniżżlin b’manjiera preċiża u metodika [f’Atti 15] huma kkwalifikati bħala indispensabbli, billi jagħtu prova l-​iktar qawwija li fl-​imħuħ tal-​appostli dan ma kienx xi arranġament temporanju, jew miżura proviżorja.”​—Il-​Professur Édouard Reuss, Università taʼ Strasbourg.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 5]

Martin Luther ġibed l-​attenzjoni lejn l-​implikazzjonijiet tad-​digriet appostoliku: “Issa jekk irridu jkollna knisja li taqbel maʼ dan il-​konċilju, . . . irridu ngħallmu u ninsistu li minn issa ’l quddiem ebda prinċep, sid, negozjant, jew raħli ma jiekol wiżż, ċerv, ċerva, jew majjal imsajjar fid-​demm . . . U n-​negozjanti u r-​raħħala jridu jastjenu b’mod speċjali miz-​zalzett aħmar u mill-​mazzit.”

[Sors]

Tnaqqix fl-​injam minn Lucas Cranach

[Kaxxa f’paġna 6]

‘Alla u l-​bnedmin iħarsu lejn l-​affarijiet f’dawl differenti ferm. Dak li jidher li huwa importanti f’għajnejna kemm-il darba ma jkun jiswa xejn fl-​istima tal-​għerf infinit; u dak li jidher taʼ ftit importanza għalina spiss ikun taʼ importanza kbira ferm għal Alla. Hekk kien mill-​bidu.”​—“An Enquiry Into the Lawfulness of Eating Blood,” Alexander Pirie, 1787.

[Stampa f’paġna 3]

Medicine and the Artist minn Carl Zigrosser/Dover Publications

[Stampa f’paġna 4]

F’konċilju storiku, il-​ġemgħa Kristjana li tiggverna kkonfermat li l-​liġi t’Alla dwar id-​demm għadha obbligatorja

[Stampa f’paġna 7]

Kienu x’kienu l-​konsegwenzi, il-​Kristjani bikrin irrifjutaw li jiksru l-​liġi t’Alla dwar id-​demm

[Sors]

Pittura minn Gérôme, 1883, bil-​kortesija taʼ Walters Art Gallery, Baltimore