Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-Demm li Tassew Isalva l-Ħajjiet

Id-Demm li Tassew Isalva l-Ħajjiet

Id-​Demm li Tassew Isalva l-​Ħajjiet

Ċerti punti huma ċari mill-​informazzjoni li rajna qabel. Għalkemm ħafna nies iħarsu lejhom bħala li jsalvaw il-​ħajja, it-​trasfużjonijiet tad-​demm huma mimlijin riskji. Kull sena eluf imutu bħala riżultat taʼ trasfużjonijiet; kotriet oħra jimirdu ħafna u jiffaċċjaw konsegwenzi għal żmien twil. Mela, saħansitra minn aspett fiżiku, hemm il-​għerf eżatt issa f’li wieħed jagħti kas il-​kmand tal-​Bibbja biex ‘jastjeni mid-​demm.’​—Atti 15:​28, 29.

Il-pazjenti jiġu mħarsa minn ħafna perikli jekk jitolbu kirurġija medika mingħajr demm. Tobba tas-​sengħa li aċċettaw l-​isfida taʼ li japplikaw dan fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah żviluppaw livell taʼ prattika li hu bla periklu u effettiv, bħalma huwa ppruvat f’għadd taʼ rapporti mediċi. Tobba li jipprovdu kura taʼ kwalità mingħajr demm m’humiex qed jikkompromettu prinċipji mediċi taʼ valur. Minflok, huma juru rispett lejn id-​dritt taʼ pazjent li jkun jaf ir-​riskji u l-​benefiċċji sabiex ikun jistaʼ jagħmel għażla informata rigward x’se jsir mill-​ġisem u mill-​ħajja tiegħu.

M’aħniex qed inkunu inġenwi f’din il-​kwistjoni, għax aħna nirrealizzaw li mhux kulħadd se jaqbel maʼ din l-​opinjoni. In-​nies huma differenti fejn jidħlu l-​kuxjenza, l-​etika, u l-​ħarsa medika. Għalhekk, oħrajn, inklużi xi tobba, jistgħu jsibuha iebsa biex jaċċettaw id-​deċiżjoni taʼ pazjent biex jastjeni mid-​demm. Wieħed professur fi New York kiteb: “Qatt ma se ninsa 15-il sena ilu meta bħala tabib żagħżugħ kont ħdejn is-​sodda tal-​mewt taʼ Xhud taʼ Jehovah li żvina minħabba ulċera fl-​imsaren. Ix-​xewqat tal-​pazjent kienu rrispettati u ma ġewx mogħtija trasfużjonijiet, imma għadni niftakar il-​frustrazzjoni tremenda li ħassejt bħala tabib.”

Hu bla dubju kien jemmen li d-​demm kieku kien isalva l-​ħajja. Is-​sena taʼ wara hu kiteb li, madankollu, The British Journal of Surgery (Ottubru 1986) irrapporta li qabel il-​miġja tat-​trasfużjonijiet, emoraġija fl-​imsaren kellha “rata taʼ mwiet taʼ 2.5 fil-​mija biss.” Minn mindu t-​trasfużjonijiet saru drawwa, ‘il-​biċċa l-​kbira tal-​istudji l-​kbar jirrapportaw imwiet taʼ 10 fil-​mija.’ Għala rata tal-​imwiet erbaʼ darbiet iktar? Ir-​riċerkaturi ssuġġerew: “Trasfużjoni tad-​demm bikrija tidher li treġġaʼ lura r-​rispons tat-​tagħqid tad-​demm għall-​emoraġija u b’hekk tinkuraġġixxi t-​telf taʼ demm mill-​ġdid.” Meta x-​Xhud li kellu l-​ulċera rrifjuta d-​demm, il-​għażla tiegħu setgħet fil-​fatt kabbret il-​prospetti tiegħu biex jibqaʼ ħaj.

Dan l-​istess kirurgu żied: “Iż-​żmien li jgħaddi u l-​kura li tingħata lil ħafna pazjenti għandhom it-​tendenza li jbiddlu l-​ħsieb taʼ dak li jkun, u llum insib li l-​fiduċja bejn pazjent u t-​tabib tiegħu, u d-​dmir li nirrispetta x-​xewqat taʼ pazjent huma ferm iktar importanti mit-​teknoloġija medika ġdida li hawn madwarna. . . . Huwa interessanti li l-​frustrazzjoni issa nbidlet f’sens taʼ rispett u reverenza lejn il-​fidi soda taʼ dak il-​pazjent partikulari.” It-​tabib ikkonkluda: ‘Dan ifakkarni li għandi dejjem nirrispetta x-​xewqat persunali u reliġjużi taʼ pazjent huma x’inhuma s-​sentimenti tiegħi jew il-​konsegwenzi.’

Int tistaʼ diġà tirrealizza xi ħaġa li ħafna tobba jsiru japprezzaw biż-​“żmien li jgħaddi u l-​kura li tingħata lil ħafna pazjenti.” Saħansitra bl-​aħjar kura medika fl-​aqwa sptarijiet, f’xi żmien jew ieħor in-​nies imutu. Bi jew mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm, huma jmutu. Ilkoll kemm aħna qed nixjieħu, u t-​tmiem tal-​ħajja qed jersaq. Dik mhix xi ħaġa fatalistika. Hija rejalistika. Li wieħed imut huwa fatt tal-​ħajja.

L-evidenza turi li nies li ma jagħtux kas il-​liġi t’Alla dwar id-​demm spiss iġarrbu ħsara immedjata jew ittardjata; xi wħud saħansitra jmutu permezz tad-​demm. Dawk li jibqgħu ħajjin ma kisbux ħajja bla tmiem. Mela t-​trasfużjonijiet tad-​demm ma jsalvawx il-​ħajjiet b’mod permanenti.

Il-biċċa l-​kbira tan-​nies li, għal raġunijiet reliġjużi u/jew mediċi, jirrifjutaw id-​demm imma jaċċettaw terapija medika alternattiva jmorru tajjeb ħafna. Huma jistgħu b’hekk itawlu l-​ħajja tagħhom għal snin sħaħ. Imma mhux għal dejjem.

Li l-​bnedmin kollha huma imperfetti u qed imutu bil-​mod il-​mod iwassalna għall-​verità ċentrali taʼ dak li l-​Bibbja tgħid dwar id-​demm. Jekk nifhmu u napprezzaw din il-​verità, aħna se naraw kif id-​demm jistaʼ fil-​fatt isalva l-​ħajja​—il-​ħajja tagħna​—għal dejjem.

L-​UNIKU DEMM LI QED ISALVA L-​ĦAJJA

Kif innotajna qabel, Alla qal lill-​umanità kollha li huma ma jridux jieklu demm. Għala? Għaliex id-​demm jirrappreżenta l-​ħajja. (Ġenesi 9:​3-6) Hu dan spjegah iktar fil-​kodiċi tal-​Liġi mogħtija lil Iżrael. Fiż-​żmien meta l-​kodiċi tal-​Liġi kienet ratifikata, id-​demm taʼ annimali ssagrifikati kien jintuża fuq artal. (Eżodu 24:​3-8) Liġijiet f’dik il-​kodiċi enfasizzaw il-​fatt li l-​bnedmin kollha huma imperfetti; huma midinbin, kif tpoġġiha l-​Bibbja. Alla qal lill-​Iżraeliti li permezz tas-​sagrifiċċji tal-​annimali offruti lilu, huma setgħu jirrikonoxxu l-​bżonn li jkollhom id-​dnubiet tagħhom maħfurin. (Levitiku 4:​4-7, 13-18, 22-30) Veru, dak kien dak li Alla kien jitlob minnhom lura f’dak iż-​żmien, mhux dak li jitlob mill-​adoraturi veri llum. Iżda huwa taʼ importanza vitali għalina issa.

Alla nnifsu spjega l-​prinċipju bażiku taʼ dawk is-​sagrifiċċji: “Ir-​ruħ [jew, ħajja] tal-​laħam qiegħda fid-​demm, u jien innifsi poġġejtha fuq l-​artal għalikom biex tpatti għal erwieħkom, għaliex huwa d-​demm li jpatti bir-​ruħ fih. Dak hu għala jien għidt lil ulied Iżrael: ‘Ebda ruħ minnkom ma trid tiekol demm.’”​—Levitiku 17:​11, 12.

Fil-festa tal-​qedem imsejħa Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael kien idaħħal id-​demm taʼ annimali ssagrifikati ġewwa l-​parti l-​iktar sagra tat-​tempju, iċ-​ċentru tal-​qima t’Alla. Li jagħmel dak kien mod simboliku kif jitlob lil Alla biex igħatti d-​dnubiet tan-​nies. (Levitiku 16:​3-6, 11-16) Dawk is-​sagrifiċċji fil-​fatt ma kinux ineħħu d-​dnub kollu, u għalhekk kellhom jiġu ripetuti kull sena. Xorta waħda, dan l-​użu tad-​demm poġġa mudell taʼ tifsir kbir.

Tagħlima kbira fil-​Bibbja hija li Alla kellu eventwalment jipprovdi sagrifiċċju wieħed perfett li setaʼ jpatti bis-​sħiħ għad-​dnubiet taʼ dawk kollha li jemmnu. Dan huwa msejjaħ ir-​rahan, u jiffoka fuq is-​sagrifiċċju tal-​Messija mbassar, jew Kristu.

Il-Bibbja tqabbel ir-​rwol tal-​Messija maʼ dak li kien isir nhar Jum it-​Tpattija: “Meta Kristu ġie bħala qassis il-​kbir tal-​affarijiet tajbin li seħħew, permezz tat-​[tempju] iktar kbir u iktar perfett mhux magħmul bl-​idejn, . . . hu daħal, le, mhux bid-​demm taʼ mogħoż u taʼ barrin żgħar, imma b’demmu stess, darba għaż-​żmien kollu ġewwa l-​post qaddis [is-sema] u kiseb ħelsien taʼ dejjem għalina. Iva, kważi l-​affarijiet kollha huma mnaddfin bid-​demm skond il-​Liġi, u jekk id-​demm ma jiġix imferraʼ ebda maħfra ma sseħħ.”​—Ebrej 9:​11, 12, 22.

B’hekk isir ċar għala għandna bżonn li jkollna l-​ħarsa t’Alla dwar id-​demm. Fi qbil mad-​dritt tiegħu bħala Ħallieq, hu ddetermina s-​siwi esklussiv tiegħu. Iżraeliti tal-​qedem setgħu ħasdu benefiċċji taʼ saħħa billi ma ħadux ġo fihom demm taʼ annimali jew taʼ bnedmin, imma dak ma kienx il-​punt l-​iktar importanti. (Isaija 48:17) Huma kellhom jevitaw li jsostnu l-​ħajjiet tagħhom bid-​demm, mhux primarjament għaliex li jagħmlu mod ieħor kien iġib il-​mard, imma għaliex ma kinetx ħaġa qaddisa għal Alla. Huma kellhom jastjenu mid-​demm, mhux għaliex kien imniġġes, imma għaliex kien prezzjuż f’li jikseb maħfra.

L-appostlu Pawlu spjega dwar ir-​rahan: “Permezz tiegħu [taʼ Kristu] għandna l-​ħelsien b’rahan permezz tad-​demm taʼ dak il-​wieħed, iva, il-​maħfra tan-​nuqqasijiet tagħna, skond ir-​rikkezzi tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu.” (Efesin 1:7) Il-​kelma Griega oriġinali li nsibu hemm tiġi tradotta b’mod xieraq “demm,” imma għadd taʼ verżjonijiet tal-​Bibbja jiżżballjaw f’li jissostitwixxu l-​kelma “mewt.” Għalhekk, xi qarrejja jistgħu jitilfu l-​enfasi mpoġġija fuq il-​ħarsa tal-​Ħallieq dwar id-​demm u l-​valur taʼ sagrifiċċju li hu rabat miegħu.

It-tema tal-​Bibbja tiċċirkola madwar il-​fatt li Kristu miet bħala sagrifiċċju perfett taʼ rahan imma ma baqax mejjet. Wara l-​mudell li Alla poġġa nhar Jum it-​Tpattija, Ġesù kien imtellaʼ lejn is-​sema biex “jidher quddiem il-​persuna t’Alla għalina.” Hu ppreżenta hemmhekk il-​valur tad-​demm taʼ sagrifiċċju tiegħu. (Ebrej 9:24) Il-​Bibbja tenfasizza li aħna rridu nevitaw kwalunkwe korsa li tammonta għal li ‘ngħaffġu taħt saqajna lill-​Iben t’Alla u nistmaw lid-​demm tiegħu bħala taʼ valur ordinarju.’ Hekk biss nistgħu aħna nżommu relazzjoni tajba u paċi m’Alla.​—Ebrej 10:29; Kolossin 1:20.

GAWDI L-​ĦAJJA SALVATA BID-​DEMM

Meta nifhmu dak li Alla jgħid dwar id-​demm, aħna niġu li jkollna l-​akbar rispett lejn il-​valur tiegħu taʼ li jsalva l-​ħajja. L-​Iskrittura tiddeskrivi lil Kristu bħala dak li ‘jħobbna u li ħallna mid-​dnubiet tagħna permezz taʼ demmu stess.’ (Rivelazzjoni 1:5; Ġwann 3:16) Iva, permezz tad-​demm taʼ Ġesù, aħna nistgħu niksbu maħfra sħiħa u dejjiema taʼ dnubietna. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ladarba ġejna ddikjarati twajbin issa bid-​demm tiegħu, se niġu salvati permezz tiegħu mill-​għadab.” Hekk hu kif ħajja dejjiema tistaʼ tiġi salvata bid-​demm.​—Rumani 5:9; Ebrej 9:14.

Alla Jehovah żmien twil ilu assigura li permezz taʼ Kristu ‘l-​familji kollha tal-​art jistgħu jbierku lilhom infushom.’ (Ġenesi 22:18) Dik il-​barka tinkludi li l-​art tiġi rrestawrata f’ġenna tal-​art. Imbagħad il-​bnedmin li jemmnu m’humiex se jibqgħu jiġu mnikktin b’mard, bi xjuħija, jew saħansitra l-​mewt; huma se jgawdu barkiet li jisbqu bil-​kbir lill-​għajnuna medika li t-​tobba jistgħu joffrulna issa. Għandna din il-​wegħda meraviljuża: “Se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-​mewt ma tkunx iżjed, u la l-​għali u la l-​biki u lanqas l-​uġigħ ma jkunu iżjed. L-​affarijiet taʼ qabel għaddew.”​—Rivelazzjoni 21:4.

Kemm huwa għaqli, mela, għalina li ndaħħlu f’qalbna l-​ħtiġijiet kollha t’Alla! Dak jinkludi li nobdu l-​kmandi tiegħu dwar id-​demm, u ma nużawhx ħażin saħansitra f’sitwazzjonijiet mediċi. Aħna b’hekk m’aħniex se ngħixu biss għall-​mument. Minflok, se nuru r-​rispett kbir tagħna lejn il-​ħajja, inkluż il-​prospett futur tagħna taʼ ħajja taʼ dejjem f’perfezzjoni umana.

[Kaxxa f’paġna 25]

In-​nies t’Alla rrifjutaw li jsostnu l-​ħajjiet tagħhom bid-​demm, mhux għaliex li jagħmlu hekk kien iġib il-​mard, imma għaliex ma kinetx ħaġa qaddisa, mhux għaliex id-​demm kien imniġġes, imma għaliex kien prezzjuż.

[Stampa f’paġna 24]

“Permezz tiegħu [taʼ Ġesù] għandna l-​ħelsien b’rahan permezz tad-​demm taʼ dak il-​wieħed, iva, il-​maħfra tan-​nuqqasijiet tagħna.” ​—Efesin 1:7

[Stampa f’paġna 26]

Li ssalva l-​ħajja bid-​demm taʼ Ġesù jiftaħ it-​triq għal ħajja bla tmiem, ħajja taʼ saħħa f’ġenna tal-​art