Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Int Għandek id-Dritt li Tagħżel

Int Għandek id-Dritt li Tagħżel

Int Għandek id-​Dritt li Tagħżel

Atteġġjament mediku kurrenti (imsejjaħ analiżi tar-​riskji u tal-​benefiċċji) qed jagħmilha iktar faċli għal tobba u għal pazjenti biex jikkooperaw f’li jevitaw it-​terapija tad-​demm. It-​tobba jiżnu l-​fatturi bħalma huma r-​riskji taʼ ċerta droga jew kirurġija u l-​benefiċċji probabbli. Il-​pazjenti wkoll jistgħu jieħdu sehem f’analiżi bħal din.

Ejjew nużaw eżempju wieħed li n-​nies f’ħafna postijiet jistgħu jalludu għalih​—tonsillite kronika. Kieku int kellek din il-​problema, x’aktarx li kont tmur għand tabib. Fil-​fatt, tistaʼ tikkonsulta tnejn, ladarba l-​esperti tas-​saħħa spiss jirrakkomandaw li jkollok it-​tieni opinjoni. Wieħed jistaʼ jirrakkomanda operazzjoni. Hu jispjegalek din xi tfisser: xi żmien fl-​isptar, ammont taʼ wġiegħ, u spejjeż. Rigward ir-​riskji, hu jgħidlek li ma tantx hu komuni li titlef ħafna demm u huwa rari ħafna li tmut minn operazzjoni bħal din. Imma t-​tabib li jagħti t-​tieni opinjoni jħeġġek biex tipprova t-​terapija antibijotika. Hu jispjega t-​tip taʼ droga, is-​suċċess li probabbli jinkiseb, u l-​ispiża. Rigward ir-​riskju, hu jgħidlek li ftit ferm huma l-​pazjenti li jkollhom reazzjonijiet għad-​droga li jipperikolaw il-​ħajja.

Kull tabib kompetenti x’aktarx li kkunsidra r-​riskji u l-​benefiċċji, imma issa int trid tiżen ir-​riskji u l-​benefiċċji possibbli, kif ukoll fatturi oħra li int tafhom l-​aħjar. (Int qiegħed fl-​aħjar pożizzjoni biex tikkunsidra aspetti bħas-​saħħa emozzjonali jew spiritwali tiegħek, il-​finanzi tal-​familja, l-​effett fuq il-​familja, u l-​etika tiegħek innifsek.) Imbagħad int tagħmel għażla. X’aktarx li int tagħti kunsens informat għal terapija waħda u tirrifjuta l-​oħra.

Dan ikun ukoll hekk kieku kien ibnek li kellu t-​tonsillite kronika. Ir-​riskji, il-​benefiċċji, u t-​terapiji jiġu spjegati lilkom, il-​ġenituri taʼ mħabba, li intom l-​iktar effettwati b’mod dirett u li se tkunu responsabbli biex tħabbtu wiċċkom mar-​riżultati. Wara li tikkunsidraw l-​aspetti kollha, tistgħu tagħmlu għażla informata fuq din il-​kwistjoni li tinvolvi s-​saħħa taʼ binkom u saħansitra lil ħajtu. Forsi tagħtu l-​kunsens tagħkom għall-​operazzjoni, bir-​riskji tagħha. Ġenituri oħra forsi jagħżlu l-​antibijotiċi, bir-​riskji tagħhom. Bħalma t-​tobba huma differenti fil-​pariri tagħhom, hekk ukoll il-​pazjenti jew il-​ġenituri huma differenti inkwantu għal dak li jħossu huma li huwa l-​aħjar. Dan huwa fattur li wieħed jistaʼ jifhmu dwar li wieħed jagħmel għażliet informati (tar-riskji u l-​benefiċċji).

Xi ngħidu dwar l-​użu tad-​demm? Kulmin jeżamina l-​fatti b’mod oġġettiv ma jistax jiċħad li t-​trasfużjonijiet tad-​demm jinvolvu riskju kbir. Dr. Charles Huggins, li hu d-​direttur tas-​servizz tat-​trasfużjoni fl-​Isptar Ġenerali kbir taʼ Massachusetts, għamel dan ċar ferm: “Id-​demm qatt ma kien daqshekk mingħajr periklu. Imma jrid jiġi kkunsidrat bla dubju bħala li mhux mingħajr periklu. Huwa l-​iktar sustanza perikoluża li nużaw fil-​mediċina.”​—The Boston Globe Magazine, 4 taʼ Frar, 1990.

B’raġuni tajba, nies li jaħdmu fi sptarijiet ingħataw il-​parir: “Huwa neċessarju li wieħed jevaluta mill-​ġdid ukoll il-​parti tar-​riskju fir-​relazzjoni taʼ x’inhuma l-​benefiċċji u r-​riskji għal trasfużjoni tad-​demm u li wieħed ifittex alternattivi.” (Korsiv tagħna.)​—Perioperative Red Cell Transfusion, konferenza tal-​Istituti Nazzjonali tas-​Saħħa, 27 sad-​29 taʼ Ġunju, 1988.

It-tobba jistgħu ma jaqblux dwar dawk li huma benefiċċji jew riskji f’li jużaw id-​demm. Wieħed jistaʼ jagħti ħafna trasfużjonijiet u jkun konvint li jiswew ir-​riskju. Ieħor jistaʼ jħoss li r-​riskji m’humiex ġustifikati, għax hu jkollu riżultati tajbin meta ma jużax id-​demm. Fl-​aħħar mill-​aħħar, madankollu, int, il-​pazjent jew il-​ġenitur, trid tiddeċiedi. Għala int? Għaliex hemm fin-​nofs il-​ġisem, il-​ħajja, l-​etika, u r-​relazzjoni tant importanti tiegħek (jew taʼ ibnek) maʼ Alla.

ID-​DRITT TIEGĦEK HUWA RRIKONOXXUT

F’ħafna postijiet illum, il-​pazjent għandu d-​dritt sagrosant li jiddeċiedi liema kura se jaċċetta. “Il-​liġi tal-​kunsens informat ġiet ibbażata fuq żewġ premessi: l-​ewwel, li pazjent għandu d-​dritt li jirċievi informazzjoni suffiċjenti biex jagħmel għażla informata dwar il-​kura rrakkomandata; u t-​tieni, li l-​pazjent ikun jistaʼ jagħżel li jaċċetta jew li jirrifjuta r-​rakkomandazzjoni tat-​tabib. . . . Jekk il-​pazjenti ma jitqisux bħala li għandhom id-​dritt li jgħidu le, jew iva, u saħansitra iva bil-​kundizzjonijiet, ħafna mir-​raġunar għal kunsens informat itir mar-​riħ.”​—Informed Consent​—Legal Theory and Clinical Practice, 1987. *

Xi pazjenti ltaqgħu maʼ reżistenza meta ppruvaw jeżerċitaw id-​dritt tagħhom. Din forsi ġiet mingħand xi ħabib li jkollu sentimenti qawwijin dwar l-​operazzjoni tat-​tunsilli jew dwar l-​antibijotiċi. Jew xi tabib setaʼ kien konvint dwar kemm hu sewwa l-​parir tiegħu. Forsi saħansitra xi uffiċjal tal-​isptar setaʼ ma qabilx, fuq il-​bażi taʼ interessi legali jew finanzjarji.

“Ħafna ortopedisti jagħżlu li ma joperawx fuq pazjenti [Xhieda],” jgħid Dr. Carl L. Nelson. “Aħna nemmnu li l-​pazjent għandu d-​dritt li jirrifjuta kwalunkwe tip taʼ terapija medika. Jekk inhu teknikament possibbli li nipprovdu kirurġija bla periklu waqt li neskludu xi kura partikulari, bħalma hi t-​trasfużjoni, allura din għandha teżisti bħala għażla.”​—The Journal of Bone and Joint Surgery, Marzu 1986.

Pazjent bil-​għaqal mhux se jġiegħel lil tabib juża xi terapija li fiha t-​tabib ma jħossux kapaċi. Bħalma nnota Dr. Nelson, iżda, ħafna tobba ddedikati jistgħu jakkomodaw it-​twemmin tal-​pazjent. Uffiċjal Ġermaniż ta l-​parir: “It-​tabib ma jistax jirrifjuta li jagħti l-​għajnuna . . . billi jirraġuna li maʼ Xhud taʼ Jehovah mhux l-​alternattivi mediċi kollha huma għad-​dispożizzjoni tiegħu. Hu xorta għandu d-​dmir li jagħti l-​għajnuna saħansitra meta t-​toroq miftuħin għalih huma mnaqqsin.” (Der Frauenarzt, Mejju-Ġunju 1983) B’mod simili, l-​isptarijiet jeżistu mhux sempliċement biex jagħmlu l-​flus imma biex jaqdu lin-​nies kollha mingħajr diskriminazzjoni. It-​teologu Kattoliku Richard J. Devine jistqarr: “Għalkemm l-​isptar irid jagħmel kull sforz mediku ieħor biex jippreserva l-​ħajja u s-​saħħa tal-​pazjent, irid jassigura li l-​kura medika ma tkissirx il-​kuxjenza [tiegħu]. Iktar minn hekk, irid jevita kull forma taʼ pressjoni, minn li jisforza lill-​pazjent sa li jikseb ordni tal-​qorti biex jisforza trasfużjoni tad-​demm.”​—Health Progress, Ġunju 1989.

MINFLOK IL-​QRATI

Ħafna nies jaqblu li l-​qorti m’huwiex il-​post għal kwistjonijiet mediċi persunali. Kif kont tħossok kieku int jekk tagħżel terapija antibijotika imma xi ħadd idaħħlek il-​qorti biex jisforza fuqek operazzjoni tat-​tunsilli? Tabib forsi jrid jipprovdi dik li hu jaħseb li hija l-​aħjar kura, imma m’għandu ebda dmir li jfittex ġustifikazzjoni biex igħaffeġ taħt saqajh id-​drittijiet bażiċi tiegħek. U ladarba l-​Bibbja tpoġġi l-​astinenza mid-​demm fuq l-​istess livell morali tal-​evitar taż-​żina, li tisforza d-​demm fuq Kristjan ikun ekwivalenti għal li tisforza s-​sess​—stupru.​—Atti 15:​28, 29.

Madankollu, Informed Consent for Blood Transfusion (1989) jirrapporta li xi qrati tant jiddispjaċihom meta pazjent ikun lest li jaċċetta ċertu riskju minħabba fid-​drittijiet reliġjużi tiegħu “li joħolqu xi eċċezzjonijiet legali​—ħrejjef legali, jekk trid​—biex iħallu li ssir trasfużjoni.” Huma jippruvaw iġibu l-​iskuża billi jgħidu li hemm tqala fin-​nofs jew li hemm tfal li jridu jiġu mantnuti. “Dawk huma ħrejjef legali,” jgħid il-​ktieb. “Adulti kompetenti huma intitolati li jirrifjutaw xi kura.”

Xi wħud li jinsistu li ssir trasfużjoni tad-​demm jinjoraw il-​fatt li x-​Xhieda ma jirrifjutawx it-​terapiji kollha. Huma jirrifjutaw biss terapija waħda, li saħansitra l-​esperti jgħidu li hija mimlija perikli. Ġeneralment, problema medika tistaʼ tiġi solvuta b’diversi modi. Waħda għandha dan ir-​riskju, u oħra għandha dak ir-​riskju. Jistaʼ xi imħallef jew xi tabib b’mod paternalistiku jkun jaf liema riskju huwa “fl-​aħjar interessi tiegħek”? Huwa inti li trid tiġġudikaha din il-​ħaġa. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma sodi f’li ma jridux li xi ħadd ieħor jiddeċiedi għalihom; hija r-​responsabbiltà persunali tagħhom quddiem Alla.

Jekk imħallef jisforza fuqek kura li tistmerr, dan kif jistaʼ jeffettwa lill-​kuxjenza tiegħek u l-​element vitali tar-​rieda tiegħek li tgħix? Dr. Konrad Drebinger kiteb: “Tkun ċertament forma żbaljata taʼ ambizzjoni medika li twassal lil dak li jkun biex jisforza lil pazjent biex jaċċetta ċerta terapija, waqt li jinjora l-​kuxjenza tiegħu biex jikkurah fiżikament imma jagħti daqqa tal-​mewt lill-​moral tiegħu.”​—Der Praktische Arzt, Lulju 1978.

KURA TAʼ MĦABBA GĦAT-​TFAL

Kawżi fil-​qorti rigward id-​demm fil-​biċċa l-​kbira jinvolvu lit-​tfal. Xi kultant, meta ġenituri li jħobbu lil uliedhom ikunu talbu b’rispett biex ma jiġix intużat id-​demm, xi awtoritajiet mediċi fittxew l-​appoġġ tal-​qorti biex jagħtu d-​demm. M’għandniex xi ngħidu, il-​Kristjani jaqblu mal-​liġijiet jew l-​azzjoni fil-​qorti kontra li t-​tfal jiġu abbużati jew ittraskurati. Forsi int qrajt dwar xi każi li fihom xi ġenitur wera ħruxija kbira maʼ xi tifel jew ċaħdu minn kull kura medika. Kemm hu traġiku dan! Jidher ċar li l-​Istat jistaʼ u għandu jindaħal biex jipproteġi tifel li ġie ttraskurat. Xorta waħda, huwa faċli li tara kemm hu differenti ferm meta ġenitur li jieħu ħsieb jitlob terapija medika taʼ kwalità għolja u taʼ mingħajr demm.

Dawn il-​kawżi fil-​qorti ġeneralment jiffokaw fuq xi tifel fi sptar. It-​tfajjel kif ġie hemm, u għala? Kważi dejjem huma l-​ġenituri kkonċernati li ġabu lit-​tifel tagħhom biex jieħu kura taʼ kwalità. Saħansitra bħalma Ġesù kien interessat fit-​tfal, ġenituri Kristjani jieħdu ħsieb taʼ wliedhom. Il-​Bibbja titkellem dwar ‘omm li trabbi u li tgħożż lil uliedha.’ Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għandhom imħabba profonda bħal din għal uliedhom.​—1 Tessalonkin 2:7; Mattew 7:11; 19:​13-15.

Naturalment, il-​ġenituri kollha jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw is-​sigurtà u l-​ħajja taʼ wliedhom: Għandha l-​familja tuża l-​gass jew l-​elettriku biex issaħħan id-​dar? Se jieħdu lit-​tifel tagħhom fuq xi dawra twila bil-​karozza? Jistaʼ jmur igħum? Dawn l-​affarijiet jinvolvu riskji, saħansitra taʼ ħajja jew mewt. Imma s-​soċjetà tirrikonoxxi d-​diskrezzjoni tal-​ġenituri u għalhekk il-​ġenituri għandhom il-​kelma ewlenija fi kważi kull deċiżjoni li teffettwa lil uliedhom.

Fl-1979 il-​Qorti Suprema tal-​Amerka stqarret b’mod ċar: “Il-​kunċett tal-​liġi dwar il-​familja jistrieħ fuq preżunzjoni li l-​ġenituri għandhom dak li t-​tifel ma għandux f’dik li hi maturità, esperjenza, u kapaċità għal ġudizzju meħtieġa biex wieħed jieħu d-​deċiżjonijiet diffiċli tal-​ħajja. . . . Sempliċement li deċiżjoni taʼ ġenitur [fuq kwistjoni medika] tinvolvi xi riskji ma jittrasferix awtomatikament il-​poter biex issir dik id-​deċiżjoni mingħand il-​ġenituri għal għand xi aġenzija jew uffiċjal tal-​istat.”​—Parham v. J.R.

F’dik l-​istess sena l-​Qorti tal-​Appelli taʼ New York tat is-​sentenza: “Il-​fattur l-​iktar sinjifikanti f’li niddeterminaw jekk tifel hux qed jiġi mċaħħad minn kura medika xierqa . . . huwa jekk il-​ġenituri pprovdewx korsa aċċettabbli taʼ kura medika għat-​tifel tagħhom fid-​dawl taċ-​ċirkustanzi kollha involuti. Din l-​investigazzjoni ma tistax issir rigward jekk il-​ġenitur ħax deċiżjoni ‘tajba’ jew ‘ħażina,’ għax l-​istat preżenti tal-​prattika tal-​mediċina, minkejja l-​avvanzi immensi tagħha, rari ferm jippermetti konklużjonijiet definittivi bħal dawn. Lanqas ma tistaʼ xi qorti tassumi r-​rwol taʼ ġenitur sostitut.”​—In re Hofbauer.

Ftakar fl-​eżempju taʼ ġenituri li jagħżlu bejn operazzjoni u antibijotiċi. Kull terapija jkollha r-​riskji tagħha stess. Ġenituri taʼ mħabba huma responsabbli li jiżnu riskji, benefiċċji, u fatturi oħra u mbagħad li jagħmlu għażla. F’konnessjoni maʼ dan, Dr. Jon Samuels (Anesthesiology News, Ottubru 1989) issuġġerixxa reviżjoni taʼ Gwidi għall-​Imħallef f’Ordnijiet Mediċi li Jeffettwaw lil Tfal, li ħadet din il-​pożizzjoni:

“L-​għarfien mediku mhux avvanzat biżżejjed biex bih tabib ikun jistaʼ jbassar b’ċertezza raġonevoli li l-​pazjent tiegħu se jgħix jew imut . . . Jekk hemm għażla taʼ proċeduri​—jekk, per eżempju, it-​tabib jirrakkomanda proċedura li għandha 80 fil-​mija ċans li tirnexxi imma li l-​ġenituri ma japprovawx, u l-​ġenituri m’għandhom ebda oġġezzjoni għal proċedura li għandha biss 40 fil-​mija ċans li tirnexxi​—it-​tabib irid jieħu l-​korsa li hi iktar taʼ riskju b’mod mediku imma li ma joġġezzjonawx għaliha l-​ġenituri.”

Minħabba fil-​ħafna perikli qattiela li telgħu fil-​wiċċ fl-​użu mediku tad-​demm u peress li hemm modi effettivi u alternattivi taʼ kirurġija, li wieħed jevita d-​demm ma jistax saħansitra jġorr ir-​riskju ż-​żgħir?

Naturalment, il-​Kristjani jiżnu ħafna fatturi jekk it-​tifel tagħhom ikollu bżonn operazzjoni. Kull operazzjoni, bi jew mingħajr l-​użu tad-​demm, għandha r-​riskji. Liema kirurgu jagħti garanziji? Il-​ġenituri jistgħu jkunu jafu li tobba tas-​sengħa kellhom suċċess mill-​aħjar b’kirurġija bla demm fuq tfal li huma Xhieda. Mela saħansitra jekk xi tabib jew xi uffiċjal tal-​isptar għandu preferenza oħra, minflok ma jikkaġunaw battalja legali taʼ nkwiet u taʼ ħela taʼ ħin, m’huwiex raġonevoli għalihom li jaqblu mal-​ġenituri taʼ mħabba? Jew il-​ġenituri jistgħu jittrasferixxu lit-​tifel tagħhom għal sptar ieħor fejn l-​uffiċjali huma mħarrġin f’li jittrattaw każi bħal dawn u lesti li jagħmlu hekk. Fil-​fatt, kirurġija bla demm x’aktarx li se tkun kura taʼ kwalità, għax tistaʼ tgħin lill-​familja “biex twettaq għanijiet leġittimi mediċi u mhux mediċi,” kif innotajna qabel.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 10 Ara l-​artiklu mediku “Id-​Demm: Il-​Għażla Taʼ Min u l-​Kuxjenza Taʼ Min?” tradott u stampat fl-​Appendiċi, f’paġni 30-1.

[Kaxxa f’paġna 18]

NISSODISFAW ĦTIĠIJIET LEGALI

Int tistaʼ tistaqsi, ‘Xi tobba u sptarijiet għala huma ħfief biex jiksbu ordni tal-​qorti biex jagħtu d-​demm?’ F’xi postijiet raġuni komuni hi l-​biżaʼ mir-​responsabbiltà.

M’hemmx bażi għal tħassib bħal dan meta x-​Xhieda taʼ Jehovah jagħżlu kirurġija bla demm. Tabib f’Albert Einstein College of Medicine (U.S.A.) jikteb: “Il-​biċċa l-​kbira [tax-Xhieda] huma lesti li jiffirmaw il-​formola tal-​American Medical Association u b’hekk ineħħu r-​responsabbiltà minn fuq it-​tobba u l-​isptarijiet, u ħafna jġorru [biljett] tal-​Medical Alert. Formola tal-​‘Irrifjutar taʼ Prodotti tad-​Demm’ iffirmata u datata b’mod xieraq hija ftehim kuntrattwali u hija legalment taʼ rabta.”​—Anesthesiology News, Ottubru 1989.

Iva, ix-​Xhieda taʼ Jehovah b’kooperazzjoni joffru assigurazzjoni legali li tabib jew sptar mhux se jġorr responsabbiltà f’li jipprovdi terapija mitluba bla demm. Bħalma huwa rrakkomandat minn esperti tal-​mediċina, kull Xhud iġorr biljett taʼ Dokument Mediku. Dan jiġi mġedded kull sena u huwa ffirmat mill-​persuna u minn xhieda, spiss minn qrabatu.

F’Marzu 1990, il-​Qorti Suprema taʼ Ontario, il-​Kanada, appoġġjat deċiżjoni li kkummentat b’approvazzjoni dwar dokument bħal dan: “Il-​biljett huwa dikjarazzjoni miktuba taʼ pożizzjoni valida li dak li jġorr il-​biljett jistaʼ jieħu b’mod leġittimu f’li jimponi restrizzjoni miktuba fuq [il-]kuntratt mat-​tabib.” F’Medicinsk Etik (1985), il-​Professur Daniel Andersen kiteb: “Jekk hemm stqarrija miktuba mhix ambigwa mingħand il-​pazjent li tgħid li huwa wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah u li ma jridx demm taħt kwalunkwe ċirkustanza, rispett lejn l-​awtonomija tal-​pazjent jitlob li din ix-​xewqa tiġi rispettata, daqs li kieku ntqalet oralment.”

Ix-​Xhieda jiffirmaw ukoll formoli taʼ kunsens tal-​isptar. Waħda wżata fi sptar fi Freiburg, il-​Ġermanja, għandha spazju fejn it-​tabib jistaʼ jiddeskrivi l-​informazzjoni li hu ta lill-​pazjent dwar il-​kura. Imbagħad, fuq il-​firem tat-​tabib u tal-​pazjent, din il-​formola żżid: “Bħala membru tal-​ġemgħa reliġjuża tax-​Xhieda taʼ Jehovah, jien nirrifjuta kategorikament l-​użu taʼ demm barrani jew komponenti tad-​demm matul il-​kirurġija tiegħi. Jien konxju li l-​proċedura ppjanata u meħtieġa b’hekk għandha riskju akbar minħabba komplikazzjonijiet taʼ telf taʼ demm. Wara li rċevejt spjegazzjoni dettaljata b’mod partikulari dwar dan, nitlob li l-​kirurġija meħtieġa tiġi mwettqa mingħajr l-​użu taʼ demm barrani jew komponenti tad-​demm.”​—Herz Kreislauf, Awissu 1987.

Fil-​fatt, operazzjoni mingħajr demm jistaʼ jkollha inqas riskju. Imma l-​punt hawn hu li pazjenti Xhieda bil-​ferħ jissodisfaw it-​tħassib kollu bla bżonn sabiex it-​tobba jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem f’li jagħmlu dak li għandhom l-​inkarigu li jagħmlu, igħinu lin-​nies biex ifiqu. Din il-​kooperazzjoni hija taʼ ġid għal kulħadd, bħalma wera Dr. Angelos A. Kambouris f’“Operazzjonijiet Maġġuri fiż-​Żaqq fuq Xhieda taʼ Jehovah”:

“Ftehim qabel l-​operazzjoni għandu jitqies bħala obbligatorju mill-​kirurgu u għandu jiġi attwat huma x’inhuma l-​ġrajjiet li jiżżviluppaw matul u wara l-​operazzjoni. [Dan] jorjenta lill-​pazjenti b’mod pożittiv lejn il-​kura kirurġika tagħhom, u jdawwar l-​attenzjoni tal-​kirurgu mill-​konsiderazzjonijiet legali u filosofiċi għal dawk kirurġiċi u tekniċi, u b’hekk iħallih jopera bl-​aqwa mod u jaqdi l-​aħjar interessi tal-​pazjent tiegħu.”​—The American Surgeon, Ġunju 1987.

[Kaxxa f’paġna 19]

L-​użu żejjed tat-​teknoloġija medika huwa fattur kbir ħafna fiż-​żjieda taʼ dawk li huma spejjeż fil-​kura kurrenti tas-​saħħa. . . . It-​trasfużjoni tad-​demm hija taʼ importanza partikulari minħabba f’kemm tiswa u fil-​potenzjal taʼ riskju kbir tagħha. Fi qbil maʼ dan, it-​trasfużjoni tad-​demm kienet ikklassifikata mill-​American Joint Commission on Accreditation of Hospitals bħala ‘taʼ volum qawwi, taʼ riskju kbir u miftuħa għall-​iżballji.’”​—“Transfusion,” Lulju-Awissu 1989.

[Kaxxa f’paġna 20]

Stati Uniti: “Il-​kunċett etiku taʼ awtonomija individwali jenfasizza l-​bżonn taʼ kunsens tal-​pazjent, billi jgħid li deċiżjonijiet dwar id-​destin taʼ dak li jkun għandhom jittieħdu mill-​persuna involuta. Il-​bażi legali għat-​talba tal-​kunsens hi li att mediku mwettaq mingħajr il-​kunsens tal-​pazjent jikkostitwixxi swat mhux legali.”​—“Informed Consent for Blood Transfusion,” 1989.

Ġermanja: “Id-​dritt tal-​pazjent li jiddetermina dak li jrid hu jisboq il-​prinċipju taʼ li wieħed jagħti l-​għajnuna u taʼ li wieħed jippreserva l-​ħajja. Bħala riżultat: ebda trasfużjoni tad-​demm kontra r-​rieda tal-​pazjent.”​—“Herz Kreislauf,” Awissu 1987.

Ġappun: “Ma hemm ebda ‘assolut’ fid-​dinja medika. Tobba jemmnu li l-​korsa tal-​mediċina moderna hija l-​aħjar u jsegwu l-​korsa tagħha, imma m’għandhomx jisfurzaw kull dettal minnha bħala ‘assolut’ fuq il-​pazjenti. Il-​pazjenti wkoll iridu jkollhom il-​libertà tal-​għażla.”​—“Minami Nihon Shimbun,” 28 taʼ Ġunju, 1985.

[Kaxxa f’paġna 21]

Sibt li l-​familji [tax-Xhieda taʼ Jehovah] huma magħqudin u jħobbu,” jirrapporta Dr. Lawrence S. Frankel. “L-​ulied huma edukati, jieħdu ħsieb, u jirrispettaw. . . . Jidher saħansitra li hemm possibilment qbil iktar qawwi maʼ prinċipji mediċi, li jistaʼ jirrappreżenta sforz biex jaċċettaw intervent mediku safejn jippermetti t-​twemmin tagħhom.”​—Department of Pediatrics, M. D. Anderson Hospital and Tumor Institute, Houston, U.S.A., 1985.

[Kaxxa f’paġna 22]

Nibżaʼ li mhix ħaġa rari,” jikkummenta Dr. James L. Fletcher, Jr., “li l-​arroganza professjonali tieħu l-​post taʼ ġudizzju mediku bil-​għaqal. Kuri li huma meqjusin li huma ‘l-​aħjar illum’ jiġu modifikati jew imwarrba għada. Liema hu iktar perikoluż, ‘ġenitur reliġjuż’ jew tabib arroganti li huwa konvint li l-​kura tiegħu hija assolutament vitali?”​—“Pediatrics,” Ottubru 1988.