Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda taʼ Jehovah l-Isfida Kirurġika/Etika

Ix-Xhieda taʼ Jehovah l-Isfida Kirurġika/Etika

Appendix

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah l-​Isfida Kirurġika/Etika

Stampat mill-​ġdid bil-​permess tal-​American Medical Association minn The Journal of the American Medical Association (JAMA), 27 taʼ Novembru, 1981, Volum 246, Nru. 21, paġni 2471, 2472. Copyright 1981, American Medical Association.

It-​tobba jiffaċċjaw sfida speċjali f’li jikkuraw lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Membri taʼ din il-​fidi għandhom konvinzjonijiet reliġjużi profondi kontra li jaċċettaw demm sħiħ omologu u awtologu, ċelloli ħomor tad-​demm [RBC], ċelloli bojod tad-​demm [WBC], jew ‘platelets.’ Ħafna jippermettu l-​użu taʼ magna tal-​qalb u l-​pulmun (mhux ikkargata bid-​demm), dijalisi, jew tagħmir simili jekk iċ-​ċirkolazzjoni barra mill-​ġisem ma tkunx interrotta. Il-​korp mediku m’għandux għalfejn ikun imħasseb dwar ir-​responsabbiltà, għax ix-​Xhieda jieħdu passi legali adegwati biex jeħilsuhom mir-​responsabbiltà inkwantu għar-​rifjut informat tagħhom dwar id-​demm. Huma jaċċettaw fluwidi li ma fihomx demm. Billi jużaw dawn u mezzi tekniċi metikolużi oħra, xi tobba qed iwettqu operazzjonijiet maġġuri taʼ kull tip fuq pazjenti Xhieda adulti u minuri. Livell taʼ prattika għal pazjenti bħal dawn b’hekk żviluppa li jaqbel mat-​twemmin taʼ li tiġi kkurata l-​“persuna sħiħa.” (JAMA 1981; 246:2471-2472)

IT-​TOBBA jiffaċċjaw sfida li dejjem tikber u li hi kwistjoni kbira tas-​saħħa. Hemm iktar minn nofs miljun Xhieda taʼ Jehovah fl-​Istati Uniti li ma jaċċettawx trasfużjonijiet tad-​demm. In-​numru taʼ Xhieda u taʼ dawk imseħbin magħhom qed jiżdied. Għalkemm qabel, ħafna tobba u uffiċjali tal-​isptar kienu jħarsu lejn li wieħed jirrifjuta trasfużjoni bħala problema legali u kienu jfittxu l-​awtorizzazzjoni tal-​qorti biex jagħmlu dak li kienu jemmnu li hu sewwa b’mod mediku, letteratura medika taʼ dan l-​aħħar tirrivela li qed isseħħ bidla notevoli f’dik li hi attitudni. Dan jistaʼ jkun riżultat taʼ iktar esperjenza kirurġika maʼ pazjenti li għandhom livelli baxxi ferm taʼ hemoglobin u jistaʼ wkoll jirrifletti l-​fatt li ħafna qegħdin isiru konxji tal-​prinċipji legali taʼ kunsens informat.

Issa, numru kbir taʼ każi elettivi, kirurġiċi u trawmatiċi li jinvolvu kemm Xhieda adulti u kemm minuri qed jiġu mwettqin mingħajr trasfużjonijiet tad-​demm. Dan l-​aħħar, xi rappreżentanti tax-​Xhieda taʼ Jehovah iltaqgħu maʼ impjegati amministrattivi u kirurġiċi f’xi ftit mill-​akbar ċentri mediċi fil-​pajjiż. Dawn il-​laqgħat tejbu l-​fehma u għenu f’li jiġu solvuti xi mistoqsijiet dwar is-​salvataġġ tad-​demm, it-​trapjanti, u l-​evitar taʼ konfrontazzjonijiet mediċi/legali.

IL-​POŻIZZJONI TAX-​XHIEDA DWAR IT-​TERAPIJA

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jaċċettaw kura medika u kirurġika. Fil-​fatt, għadd minnhom huma tobba, saħansitra kirurgi. Imma x-​Xhieda huma nies reliġjużi ferm li jemmnu li t-​trasfużjoni tad-​demm hija pprojbita għalihom bi skritturi Bibliċi bħal: “Il-​laħam biss bir-​ruħ tiegħu​—id-​demm tiegħu​—ma tridux tieklu” (Ġenesi 9:​3-4); “[Tridu] tferrgħu d-​demm tiegħu ’l barra u tgħattuh bit-​trab” (Levitiku 17:​13-14); u “Astjenu minn . . . żina u minn dak li hu fgat u mid-​demm” (Atti 15:​19-21).1

Waqt li dawn il-​versi m’humiex mistqarra b’termini mediċi, ix-​Xhieda jqisuhom bħala li jipprojbixxu t-​trasfużjoni taʼ demm sħiħ, ċelloli ħomor ippakkjati tad-​demm, u plasma, kif ukoll amministrazzjoni taʼ ċelloli bojod tad-​demm u taʼ platelets. Madankollu, il-​fehma reliġjuża tax-​Xhieda ma tipprojbixxix b’mod assolut l-​użu taʼ komponenti bħalma huma l-​albumin, globulini protetti, u preparazzjonijiet hemofiljaċi; kull Xhud irid jiddeċiedi individwalment jekk jistax jaċċetta dawn.2

Ix-Xhieda jemmnu li demm imneħħi mill-​ġisem għandhom jeħilsu minnu, u għalhekk huma ma jaċċettawx awto-trasfużjoni taʼ demm iddepożitat minn qabel. Modi tekniċi għal ġbir taʼ demm waqt l-​operazzjoni jew taħlit taʼ demm li jinvolvu ħażna tad-​demm huma oġġezzjonabbli għalihom. Madankollu, ħafna Xhieda jippermettu l-​użu taʼ dijalisi u tagħmir tal-​qalb u l-​pulmun (mhux ikkargat bid-​demm) kif ukoll salvataġġ waqt l-​operazzjoni fejn iċ-​ċirkolazzjoni barra l-​ġisem ma tiġix interrotta; it-​tabib għandu jikkonsulta mal-​pazjent individwali inkwantu għal x’tgħid il-​kuxjenza tiegħu.2

Ix-Xhieda ma jħossux li l-​Bibbja tikkummenta direttament dwar trapjanti tal-​organi; għalhekk, deċiżjonijiet rigward il-​kornea, il-​kilwa, jew trapjanti oħra tat-​tessuti jridu jittieħdu mix-​Xhud individwali.

OPERAZZJONIJIET MAĠĠURI POSSIBBLI

Għalkemm xi kirurgi spiss irrifjutaw li jikkuraw lix-​Xhieda minħabba li l-​waqfa tagħhom dwar l-​użu taʼ prodotti tad-​demm kienet tidher li “torbot idejn it-​tabib,” ħafna tobba issa għażlu li jħarsu lejn is-​sitwazzjoni bħala komplikazzjoni waħda oħra biss li qed tisfida lis-​sengħa tagħhom. Ladarba x-​Xhieda ma joġġezzjonawx għal fluwidi taʼ glutina jew taʼ kristallojdi li jissostitwixxu, lanqas għal elektrokawterju, l-​oppju ipotensiv,3 jew ipotermja, dawn ġew użati b’suċċess. L-​applikar kurrenti u futur tal-​hetastarch,4 taʼ injezzjonijiet taʼ dextran tal-​ħadid fil-​vini b’doża kbira,5,6 u tas-​“sonic scalpel”7 għandu prospetti tajbin u mhux oġġezzjonabbli mill-​aspett reliġjuż. Ukoll, jekk is-​sostitut li ġie żviluppat m’ilux taʼ demm florinat (Fluosol-DA) juri li hu bla periklu u effettiv,8 l-​użu tiegħu ma jmurx kontra t-​twemmin tax-​Xhieda.

Fl-1977, Ott u Cooley9 rrapportaw dwar 542 operazzjonijiet kardjovaskulari mwettqin fuq Xhieda mingħajr demm trasfuż u kkonkludew li din il-​proċedura tistaʼ ssir “b’riskju baxx li hu aċċettabbli.” Bi tweġiba għat-​talba tagħna, Cooley dan l-​aħħar ġabar statistika dwar 1,026 operazzjonijiet, 22% fuq minuri, u ddetermina “li r-​riskju taʼ kirurġija f’pazjenti mill-​grupp tax-​Xhieda taʼ Jehovah ma kienx sostanzjalment iktar għoli milli f’oħrajn.” B’mod simili, Michael E. DeBakey, MD, ikkomunika “li fil-​maġġoranza l-​kbira tas-​sitwazzjonijiet [li jinvolvu lix-​Xhieda] ir-​riskju taʼ operazzjoni mingħajr l-​użu taʼ trasfużjonijiet taʼ demm mhux akbar milli f’dawk il-​pazjenti li fuqhom nużaw trasfużjonijiet taʼ demm” (komunikazzjoni persunali, Marzu 1981). Il-​letteratura tirrekordja wkoll kirurġija maġġura uroloġika10 u ortopedika11 li rnexxiet. G. Dean MacEwen, MD, u J. Richard Bowen, MD, jiktbu li fużjoni posterjuri tal-​ispina “ġiet imwettqa b’suċċess fuq 20 [Xhieda] minuri” (kitba mhix ippubblikata, Awissu 1981). Huma jżidu: “Il-​kirurgu għandu bżonn jistabbilixxi l-​filosofija tar-​rispett lejn id-​dritt taʼ pazjent li jirrifjuta trasfużjoni tad-​demm imma xorta jwettaq il-​proċeduri kirurġiċi b’manjiera li tippermetti siġurtà għall-​pazjent.”

Herbsman12 jirrapporta suċċess f’każi, inklużi xi wħud li jinvolvu żgħażagħ, “b’telf taʼ demm trawmatiku u massiv.” Hu jammetti li “x-​Xhieda huma kemmxejn fi żvantaġġ meta niġu għal ħtiġijiet taʼ demm. Madankollu huwa ċar ukoll mhux ħażin li aħna għandna alternattivi minflok id-​demm.” Billi osserva li ħafna kirurgi ma ridux jaċċettaw lix-​Xhieda bħala pazjenti minħabba fil-​“biżaʼ taʼ konsegwenzi legali,” hu juri li dan mhux tħassib validu.

TĦASSIB LEGALI U L-​MINURI

Ix-​Xhieda huma lesti li jiffirmaw il-​formola tal-​American Medical Association li teħles lit-​tobba u lill-​isptarijiet mir-​responsabbiltà,13 u l-​biċċa l-​kbira tax-​Xhieda jġorru biljett tal-​Medical Alert datat u bix-​xhieda mħejji b’konsultazzjoni maʼ awtoritajiet mediċi u legali. Dawn id-​dokumenti jorbtu lill-​pazjent (jew l-​eredi tiegħu) u joffru protezzjoni għat-​tobba, għax l-​Imħallef Warren Burger qatagħha li proċedura għad-​danni minħabba xogħol ħażin “tkun tidher mhix appoġġjata” fejn biljett bħal dan ikun ġie ffirmat. Ukoll, waqt li kkummenta dwar dan f’analiżi taʼ “kura medika taʼ bil-​fors u libertà reliġjuża,” Paris14 kiteb: “Kummentatur wieħed li eżamina l-​letteratura rrapporta, ‘Ma kellix il-​ħila nsib kwalunkwe awtorità għall-​istqarrija li t-​tabib iġib fuqu responsabbiltà . . . kriminali . . . jekk jonqos li jisforza trasfużjoni fuq pazjent li ma jridhiex.’ Ir-​riskju jidher li hu iktar il-​prodott taʼ ħsieb legali fertili milli taʼ possibiltà realistika.”

Il-kura tal-​minuri tippreżenta l-​akbar tħassib, u spiss tirriżulta f’azzjoni legali kontra l-​ġenituri taħt l-​istatuti tat-​traskurar tat-​tfal. Imma azzjonijiet bħal dawn huma ddubitati minn ħafna tobba u avukati li huma familjari maʼ każi tax-​Xhieda u li jemmnu li ġenituri Xhieda jfittxu kura medika tajba għat-​tfal tagħhom. Billi ma jixtiqux li jwarrbu r-​responsabbiltà tagħhom bħala ġenituri jew li jitfgħuha fuq xi mħallef jew xi ħadd ieħor, ix-​Xhieda jħeġġu li tingħata konsiderazzjoni lit-​twemmin reliġjuż tal-​familja. Dr. A. D. Kelly, li qabel kien Segretarju tal-​Canadian Medical Association, kiteb15 li “ġenituri taʼ minuri u l-​qraba taʼ pazjenti mitlufin minn sensihom għandhom id-​dritt li jinterpretaw ir-​rieda tal-​pazjent. . . . Jien ma nammirax il-​proċeduri taʼ xi qorti dibattibbli miġbura fis-​2.00 AM biex tneħħi tifel mill-​kustodja tal-​ġenituri tiegħu.”

Huwa evidenti fih innifsu li l-​ġenituri għandhom vuċi fil-​kura tat-​tfal tagħhom, bħal meta jiġu ffaċċjati r-​riskji u l-​benefiċċji potenzjali taʼ kirurġija, radjazzjoni, jew kemoterapija. Għal raġunijiet morali li jmorru iktar ’il bogħod mill-​kwistjoni tar-​riskju tat-​trasfużjoni,16 ġenituri Xhieda jitolbu li jiġu wżati terapiji li m’humiex ipprojbiti b’mod reliġjuż. Dan jaqbel mal-​prinċipju mediku taʼ li tikkura lill-​“persuna kollha,” bla ma wieħed jinjora l-​ħsara psikosoċjali dejjiema li hija possibbli minn proċedura sforzata li tkisser it-​twemmin fundamentali taʼ familja. Taʼ spiss, ċentri kbar madwar il-​pajjiż li għandhom esperjenza max-​Xhieda qegħdin issa jaċċettaw li pazjent jiġi trasferit minn istituzzjonijiet li ma jridux jikkuraw lix-​Xhieda, saħansitra f’każi pedjatriċi.

L-​ISFIDA TAT-​TABIB

Wieħed jistaʼ jifhem li, għal tabib li hu ddedikat biex isalva l-​ħajja u s-​saħħa billi juża kull teknika għad-​dispożizzjoni tiegħu, li jikkura lix-​Xhieda taʼ Jehovah jistaʼ jidher bħala dilemma. Billi kiteb editorjalment bħala prefiss għal serje taʼ artikli dwar kirurġija maġġura fuq Xhieda, Harvey17 ammetta, “Idejjaqni dak it-​twemmin li jistaʼ jindaħalli f’xogħli.” Imma, hu żied: “Forsi aħna wkoll ninsew faċilment li l-​kirurġija hija sengħa li tiddependi fuq it-​teknika persunali tal-​individwi. It-​teknika tistaʼ tiġi mtejba.”

Il-Professur Bolooki18 innota rapport disturbanti li wieħed mill-​isptarjiet tat-​trawma l-​iktar użati f’Dade County, Florida, kellu “regola fissa li jirrifjuta li jikkura” lil Xhieda. Hu indika li “l-​biċċa l-​kbira tal-​proċeduri kirurġiċi f’dan il-​grupp taʼ pazjenti huma mseħbin maʼ inqas riskju mis-​soltu.” Hu żied: “Għalkemm il-​kirurgi jistgħu jħossu li huma mċaħħdin minn strument taʼ mediċina moderna . . . jien konvint li billi nopera fuq dawn il-​pazjenti huma se jitgħallmu ħafna.”

Minflok ma jqisu lil pazjent li huwa Xhud bħala problema, iktar u iktar tobba qed jaċċettaw is-​sitwazzjoni bħala sfida medika. F’li jilqgħu l-​isfida huma żviluppaw livell taʼ prattika għal dan il-​grupp taʼ pazjenti li huwa aċċettat f’għadd taʼ ċentri mediċi madwar il-​pajjiż. Dawn it-​tobba qed jipprovdu fl-​istess waqt kura li hija l-​aħjar għall-​ġid totali tal-​pazjent. Bħalma josservaw Gardner et al19: “Min se jibbenefika jekk il-​marda tal-​ġisem tal-​pazjent tiġi mfejqa imma jsir kompromess mill-​ħajja spiritwali m’Alla, kif jaraha hu, li jwassal għal ħajja li ma tfisser xejn u forsi hi agħar mill-​mewt infisha.”

Ix-Xhieda jagħrfu li, mill-​aspett mediku, il-​konvinzjoni soda tagħhom tidher li żżid grad taʼ riskju u tistaʼ tikkomplika l-​kura tagħhom. Għaldaqstant, huma ġeneralment juru apprezzament mhux tas-​soltu għall-​kura li jirċievu. Barra li għandhom l-​elementi vitali taʼ fidi profonda u rieda qawwija biex igħixu, huma bil-​ferħ jikkooperaw mat-​tobba u mal-​istaff mediku. B’hekk, kemm il-​pazjent u kemm it-​tabib huma magħqudin f’li jiffaċċjaw din l-​isfida unika.

REFERENZI

1. Jehovah’s Witnesses and the Question of Blood. Brooklyn, NY, Watchtower Bible and Tract Society, 1977, pp. 1-64.

2. The Watchtower 1978;99 (15 taʼ Ġunju):​29-31.

3. L-​oppju ipotensiv jiffaċilita l-​kirurġija fil-​qadd, MEDICAL NEWS. JAMA 1978;239:181.

4. Hetastarch (Hespan)​—fluwidu ġdid li jespandi l-​plasma. Med Lett Drugs Ther 1981;23:16.

5. Hamstra RD, Block MH, Schocket AL:Dextran tal-​ħadid fil-​vini f’mediċina klinikali. JAMA 1980;243:1726-1731.

6. Lapin R: Kirurġija maġġura fuq Xhieda taʼ Jehovah. Contemp Orthop 1980;2:​647-654.

7. Fuerst ML: ‘Sonic scalpel’ jiskansa l-​qtugħ żejjed. Med Trib 1981;22:​1,30.

8. Gonzáles ER: Is-​saga taʼ ‘demm artifiċjali’: Il-​Fluosol spinta speċjali għax-​Xhieda taʼ Jehovah. JAMA 1980;243:​719-724.

9. Ott DA, Cooley DA: Kirurġija kardjovaskulari fuq Xhieda taʼ Jehovah. JAMA 1977;238:1256-1258.

10. Roen PR, Velcek F: Kirurġija uroloġika estensiva mingħajr trasfużjoni tad-​demm. NY State J Med 1972;72:2524-2527.

11. Nelson CL, Martin K, Lawson N, et al: Bdil totali tal-​qadd mingħajr trasfużjoni. Contemp Orthop 1980;2:​655-658.

12. Herbsman H: Nikkuraw lix-​Xhud taʼ Jehovah. Emerg Med 1980;12:​73-76.

13. Medicolegal Forms With Legal Analysis. Chicago, American Medical Association, 1976, p. 83.

14. Paris JJ: Kura medika taʼ bil-​fors u libertà reliġjuża: Il-​liġi taʼ min għandha tirbaħ? Univ San Francisco Law Rev 1975;10:​1-35.

15. Kelly AD: Aequanimitas Can Med Assoc J 1967;96:432.

16. Kolins J: Imwiet minn trasfużjoni tad-​demm. JAMA 1981;245:1120.

17. Harvey JP: Kwistjoni taʼ sengħa. Contemp Orthop 1980;​2:629.

18. Bolooki H: Kura tax-​Xhieda taʼ Jehovah: Eżempju taʼ kura tajba. Miami Med 1981;51:​25-26.

19. Gardner B, Bivona J, Alfonso A, et al: Kirurġija maġġura fuq Xhieda taʼ Jehovah. NY State J Med 1976;76:​765-766.