Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Trasfużjonijiet tad-Demm-Kemm Huma bla Periklu?

Trasfużjonijiet tad-Demm-Kemm Huma bla Periklu?

Trasfużjonijiet tad-​Demm-Kemm Huma bla Periklu?

Qabel ma jissottometti ruħu għal xi proċedura medika serja, bniedem intelliġenti se jara x’jistgħu jkunu l-​benefiċċji possibbli u r-​riskji. Xi ngħidu dwar trasfużjonijiet tad-​demm? Huma issa għodda ewlenija fil-​mediċina. Ħafna tobba li huma ġenwinament interessati fil-​pazjenti tagħhom jistgħu ma jaħsbuhiex darbtejn dwar li jagħtu d-​demm. Id-​demm ġie msejjaħ ir-​rigal tal-​ħajja.

Miljuni taw id-​demm jew ħaduh. Għall-​1986-87 il-​Kanada kellha 1.3 miljuni li taw id-​demm f’popolazzjoni taʼ 25 miljun. “[Fi]s-sena l-​iktar riċenti li għaliha għandna l-​figuri, bejn 12-il miljun u 14-il miljun flixkun demm ġew użati fi trasfużjonijiet fl-​Istati Uniti biss.”​—The New York Times, 18 taʼ Frar, 1990.

“Id-​demm dejjem gawda kwalità ‘maġika’,” tinnota Dr. Louise J. Keating. “Għall-​ewwel 46 sena tagħha, il-​provista tad-​demm kienet meqjusa bħala li kienet iktar bla periklu milli attwalment kienet kemm minn tobba u kemm mill-​pubbliku.” (Cleveland Clinic Journal of Medicine, Mejju 1989) X’kienet is-​sitwazzjoni dak in-​nhar, u x’inhi issa?

Saħanistra 30 sena ilu, patoloġisti u impjegati f’banek tad-​demm ingħataw il-​parir: “Id-​demm hu dynamite! Jistaʼ jagħmel ħafna ġid u jistaʼ jagħmel ħafna ħsara. L-​imwiet minn trasfużjoni tad-​demm huma daqs dawk mill-​anestesija tal-​etere jew mill-​appendiċite. Jingħad li hemm bejn wieħed u ieħor mewt waħda f’kull 1,000 sa 3,000 jew forsi 5,000 trasfużjonijiet. Fl-​inħawi taʼ Londra ġiet irrapportata mewt waħda għal kull 13,000 flixkun taʼ demm trasfuż.”​—New York State Journal of Medicine, 15 taʼ Jannar, 1960.

Ġew eliminati l-​perikli minn dak in-​nhar ’il hawn biex it-​trasfużjonijiet issa huma bla periklu? Ngħiduha kif inhi, kull sena mijiet taʼ eluf ikollhom reazzjonijiet ħżiena mid-​demm, u ħafna jmutu. Minħabba l-​kummenti taʼ qabel, dak li jistaʼ jiġi f’moħħok huwa mard li jittieħed mid-​demm. Qabel ma neżaminaw dan l-​aspett, ikkunsidra xi riskji li huma inqas magħrufa.

ID-​DEMM U L-​IMMUNITÀ TIEGĦEK

Kmieni fis-​seklu 20, ix-​xjenzati kisbu iktar għarfien profond għall-​bniedem dwar il-​komplessità meraviljuża tad-​demm. Huma sar jafu li hemm tipi differenti taʼ demm. Li tqabbel id-​demm taʼ dak li jagħtih mad-​demm tal-​pazjent huwa kritiku fit-​trasfużjonijiet. Jekk xi ħadd bit-​tip taʼ demm A jirċievi t-​tip B, jistaʼ jkollu reazzjoni qawwija fid-​demm. Din tistaʼ teqred lil ħafna miċ-​ċelloli ħomor tiegħu u toqtlu malajr. Waqt li t-​tqabbil tat-​tipi tad-​demm huwa issa rutina, żbalji jiġru. Kull sena hemm nies li jmutu minħabba reazzjonijiet fid-​demm.

Il-fatti juru li l-​kwistjoni taʼ inkompatibilità tmur ferm iktar ’il bogħod mir-​relattivament ftit tipi taʼ demm li l-​isptarijiet jippruvaw iqabblu. Għala? Sewwa, fl-​artiklu tiegħu “Trasfużjoni tad-​Demm: Użi, Abbużi, u Perikli,” Dr. Douglas H. Posey, Jr., jikteb: “Kważi 30 sena ilu Sampson iddeskriva t-​trasfużjoni tad-​demm bħala proċedura relattivament perikoluża . . . [Minn dak iż-​żmien ’il hawn] tal-​inqas 400 antiġeni oħra taʼ ċelloli ħomor ġew identifikati u kkaratterizzati. M’hemm ebda dubju li l-​għadd se jkompli jiżdied għaliex il-​membrana taċ-​ċelloli ħomor hija komplessa b’mod enormi.”​—Journal of the National Medical Association, Lulju 1989.

Ix-xjenzati qegħdin issa jistudjaw l-​effett taʼ demm trasfuż fuq is-​sistema taʼ difiża, jew taʼ immunità, tal-​ġisem. Dan x’jistaʼ jfisser għalik jew għal xi ħadd li jiġi minnek li għandu bżonn operazzjoni?

Meta t-​tobba jittrapjantaw xi qalb, xi fwied, jew xi organu ieħor, is-​sistema taʼ immunità tal-​pazjent tistaʼ tħoss il-​ħaġa barranija u ma taċċettahiex. Iżda, trasfużjoni hija trapjant taʼ ħaġa barranija. Anki d-​demm li jkun ġie mqabbel “b’mod xieraq” jistaʼ joħnoq lis-​sistema taʼ immunità. F’konferenza taʼ patoloġisti, intgħamel il-​punt li mijiet taʼ dokumenti mediċi “rabtu t-​trasfużjonijiet tad-​demm maʼ reazzjonijiet immunoloġiċi.”​—“Jikber il-​Każ Kontra t-​Trasfużjonijiet,” Medical World News, 11 taʼ Diċembru, 1989.

Ix-xogħol prinċipali tas-​sistema taʼ immunità tiegħek hija li tinduna bi u teqred lil ċelloli ħżiena (tal-kanċer). Tistaʼ l-​immunità maħnuqa twassal għal kanċer u għall-​mewt? Innota żewġ rapporti.

Ir-rivista Cancer (15 taʼ Frar, 1987) tat ir-​riżultat taʼ studju li sar fl-​Olanda: “Fil-​pazjenti b’kanċer tal-​musrana, deher effett avvers sinjifikanti taʼ trasfużjoni fuq ħajja fit-​tul. F’dan il-​grupp kien hemm tul taʼ ħajja taʼ ħames snin kumulattivi taʼ 48% għal pazjenti trasfużi u taʼ 74% għal dawk mhux trasfużi.” Tobba fl-​Università taʼ Southern California baqgħu jsegwu lil mitt pazjent li għamlu operazzjoni minħabba l-​kanċer. “Ir-​rata taʼ repetizzjoni tal-​marda għal dawk kollha li kellhom kanċer tal-​gerżuma kienet taʼ 14% għal dawk li ma ħadux demm u taʼ 65% għal dawk li ħadu. Għall-​kanċer tal-​kavità orali, tal-​farinġa, u tal-​imnieħer jew l-​imnifsejn, ir-​rata taʼ repetizzjoni tal-​marda kienet taʼ 31% mingħajr trasfużjonijiet u taʼ 71% bi trasfużjonijiet.”​—Annals of Otology, Rhinology & Laryngology, Marzu 1989.

Studji bħal dawn x’jissuġġerixxu dwar it-​trasfużjonijiet? Fl-​artiklu tiegħu “It-​Trasfużjonijiet tad-​Demm u l-​Kirurġija tal-​Kanċer,” Dr. John S. Spratt ikkonkluda: “Il-​kirurgu tal-​kanċer forsi jinħtieġ li jsir kirurgu taʼ mingħajr demm.”​—The American Journal of Surgery, Settembru 1986.

Biċċa xogħol ewlenija oħra tas-​sistema taʼ immunità tiegħek hi li tiddefendi kontra xi infezzjoni. Mela wieħed jistaʼ jifhem kif xi studji juru li pazjenti li jieħdu d-​demm huma iktar suxxettibbli għal xi infezzjoni. Dr. P. I. Tartter għamel studju dwar il-​kirurġija kolorettali. Fost il-​pazjenti li ngħataw trasfużjonijiet, 25 fil-​mija żviluppaw infezzjonijiet, meta tqabbilhom maʼ 4 fil-​mija taʼ dawk li ma ħadu ebda trasfużjoni. Hu jirrapporta: “It-​trasfużjonijiet tad-​demm kienu assoċjati mal-​komplikazzjonijiet minn xi infezzjoni meta ngħataw qabel, waqt, jew wara l-​operazzjoni . . . Ir-​riskju taʼ infezzjoni wara l-​operazzjoni jikber progressivament skond il-​għadd taʼ fliexken taʼ demm li jkunu ngħataw.” (The British Journal of Surgery, Awissu 1988) Dawk li attendew laqgħa tal-​American Association of Blood Banks fl-​1989 saru jafu dan: Fil-​waqt li 23 fil-​mija taʼ dawk li ngħataw id-​demm waqt kirurġija taʼ ġenbejhom żviluppaw infezzjonijiet, dawk li ma ngħataw ebda demm ma kellhom ebda infezzjoni.

Dr. John A. Collins kiteb rigward dan l-​effett taʼ trasfużjonijiet tad-​demm: “Ikun ironiku tassew jekk ‘kura’ li ma tantx tidher li twettaq wisq kellha wara tinstab li tintensifika waħda mill-​problemi ewlenin li jiffaċċjaw dawn il-​pazjenti.”​—World Journal of Surgery, Frar 1987.

MARD ĦIELES JEW MIMLI PERIKLI?

Il-​mard li jiġi mid-​demm jinkwetahom lil tobba kuxjenzjużi u lil ħafna pazjenti. Liema mard? Ingħiduha kif inhi, m’hemmx biss xi marda waħda; hemm tassew ħafna.

Wara li jiddiskuti l-​mardiet l-​iktar magħrufa, Techniques of Blood Transfusion (1982) jindirizza “mardiet infettużi oħra assoċjati maʼ trasfużjoni,” bħalma huma s-​sifilis, l-​infezzjoni ċitomegaloviruża, u l-​malarja. Dan imbagħad igħid: “Diversi mardiet oħra wkoll ġew irrapportati li jiġu trażmessi permezz taʼ trasfużjoni tad-​demm, inklużi infezzjonijiet mill-​mikrobu herpes, mononukleożi infettuż (il-mikrobu Epstein-Barr), toxoplasmosis, trypanosomiasis [il-marda Afrikana tal-​irqad u l-​marda Chagas], leishmaniasis, bruċellożi, tifu, filariasis, ħożba, salmonellosis, u deni oħxon taʼ Colorado.”

Attwalment, il-​lista taʼ mardiet bħal dawn qed tikber. Forsi int qrajt titli f’ġurnali bħal “Il-​Marda taʼ Lyme Minn Trasfużjoni? X’Aktarx Li Le, imma l-​Esperti Qegħdin Attenti.” Kemm hu bla periklu d-​demm mingħand xi ħadd li ġie ttestjat pożittiv għall-​marda taʼ Lyme? Grupp taʼ uffiċjali tas-​sanità ġew mistoqsijin jekk kinux jaċċettaw demm bħal dan. “Ilkoll kemm huma wieġbu le, għalkemm ħadd minnhom ma rrakkomanda li demm minn donaturi bħal dawn għandu jiġi mwarrab.” Il-​pubbliku kif għandu jħossu dwar demm maħżun fil-​banek li l-​esperti nfushom ma jaċċettawhx?​—The New York Times, 18 taʼ Lulju, 1989.

Raġuni oħra għal tħassib hi li demm miġbur f’art waħda fejn ċertu mard huwa kotran jistaʼ jintuża ferm ’il bogħod, fejn la l-​pubbliku u lanqas it-​tobba ma qegħdin attenti għall-​periklu. Biż-​żjieda tal-​lum fl-​ivvjaġġar, inklużi refuġjati u immigranti, ir-​riskju qed jikber li xi marda stramba tistaʼ tkun f’xi prodott tad-​demm.

Iktar minn hekk, speċjalista tal-​mard infettuż iwissi: “Il-​provista tad-​demm forsi trid tiġi eżaminata bir-​reqqa biex tiġi evitata trażmissjoni taʼ diversi diżordnijiet li qabel ma kinux jitqiesu bħala li huma infettużi, inklużi l-​lewkemja, il-​limfoma, u d-​demenzja [jew il-​marda taʼ Alzheimer].”​—Transfusion Medicine Reviews, Jannar 1989.

Huma kemm huma tal-​biżaʼ dawn ir-​riskji, oħrajn ħolqu biżaʼ ħafna akbar.

L-​EPIDEMIJA TAL-​AIDS

“L-​AIDS biddlet darba għal dejjem il-​mod kif it-​tobba u l-​pazjenti jaħsbuha dwar id-​demm. U dik mhix ideja ħażina, qalu t-​tobba miġburin fl-​Istituti Nazzjonali tas-​Saħħa għal konferenza dwar it-​trasfużjoni tad-​demm.”​—Washington Post, 5 taʼ Lulju, 1988.

L-epidemija tal-​AIDS (acquired immunodeficiency syndrome) qajmet, b’vendetta, lin-​nies għall-​periklu taʼ li jiksbu mard infettuż mid-​demm. Miljuni huma issa infettati. Qed tinxtered bla kontroll. U r-​rata tal-​imwiet minnha tistaʼ tgħid li hi 100 fil-​mija.

L-AIDS hija kkawżata mill-​mikrobu immunodefiċjenti uman (HIV), li jistaʼ jinxtered permezz tad-​demm. L-​imxija moderna tal-​AIDS saret magħrufa fl-​1981. Is-​sena taʼ wara stess, esperti tas-​saħħa saru jafu li l-​mikrobu setaʼ probabbilment jiġi mgħoddi permezz taʼ prodotti tad-​demm. Issa jammettu li l-​industrija tad-​demm aġixxiet bil-​mod wisq, saħansitra wara li kienu saru ħafna testijiet biex jidentifikaw demm li fih il-​mikbrobi tal-​HIV. L-​ittestjar tad-​demm minn donaturi sa fl-​aħħar beda fl-​1985, * imma saħansitra dak in-​nhar ma ġiex applikat għall-​prodotti tad-​demm li diġà kienu fuq l-​ixkaffa.

Wara dan, il-​pubbliku ġie assigurat, ‘Il-​provista tad-​demm issa hi bla periklu.’ Iktar tard, madankollu, ġie rrivelat li hemm “perijodu taʼ inkubazzjoni” perikoluż għall-​AIDS. Wara li wieħed jiġi infettat, jistgħu jgħaddu x-​xhur qabel ma jipproduċi mikrobi li tistaʼ tinduna bihom. Bla ma jaf li għandu l-​mikrobu, hu jistaʼ jagħti demm li jiġi ttestjat negattiv. Dan ġara. Xi nies żviluppaw l-​AIDS wara li ħadu demm bħal dan!

L-istampa saret saħansitra iktar kerha. The New England Journal of Medicine (1 taʼ Ġunju, 1989) irrapporta dwar “Infezzjonijiet Siekta tal-​HIV.” Ġie stabbilit li n-​nies jistgħu jġorru l-​mikrobu tal-​AIDS għal snin sħaħ mingħajr ma jindunaw bih b’testijiet indiretti kurrenti. Xi wħud jixtiequ li jċekknu lil dawn bħala li huma każi rari, imma dawn jagħtu prova “li r-​riskju tat-​trażmissjoni tal-​AIDS permezz tad-​demm u l-​komponenti tiegħu ma jistax jiġi eliminat għalkollox.” (Patient Care, 30 taʼ Novembru, 1989) Il-​konklużjoni taʼ inkwiet hi: Test negattiv ma jistax jinqara bħala ċertifikat nadif taʼ saħħa. Kemm nies għad iridu jieħdu l-​AIDS mid-​demm?

IŻ-​ŻARBUN LI JMISS? JEW ŻRABEN?

Ħafna li joqogħdu fi flat kemm-il darba semgħu t-​taħbita taʼ xi żarbun iħabbat mas-​saqaf taʼ fuqhom; imbagħad jistgħu jsiru anzjużi dwar jekk hux se jkun hemm it-​tieni waħda. Fid-​dilemma tad-​demm, ħadd ma jaf kemm-il żarbuna tal-​mewt għad trid tħabbat.

Il-mikrobu tal-​AIDS ingħata l-​isem taʼ HIV, imma xi esperti issa jsejħulu HIV-1. Għala? Għaliex sabu mikrobu ieħor tat-​tip tal-​AIDS (HIV-2). Dan jistaʼ jikkaġuna sintomi tal-​AIDS u huwa mifrux sew f’xi nħawi. Barra minn hekk, “mhux dejjem jindunaw bih permezz tat-​testijiet tal-​AIDS li issa qed jintużaw hawn,” tirrapporta The New York Times. (27 taʼ Ġunju, 1989) “Is-​sejbiet ġodda . . . jagħmluha iktar diffiċli għall-​banek tad-​demm biex ikunu żguri li donazzjoni ma fihiex periklu.”

Jew xi ngħidu dwar qraba fil-​bogħod tal-​mikrobu tal-​AIDS? Kummissjoni presidenzjali (fil-U.S.A.) qalet li mikrobu wieħed bħal dan “jemmnu li hu l-​kawża tal-​lewkemja/​limfoma taċ-​ċellola T adulta u taʼ marda newroloġika serja.” Dan il-​mikrobu diġà qiegħed fost in-​nies li jagħtu d-​demm u jistaʼ jinfirex fid-​demm. In-​nies għandhom id-​dritt li jistaqsu, ‘Kemm huwa effettiv l-​eżami bir-​reqqa li jagħmlu l-​banek tad-​demm għal mikrobi bħal dawn?’

Verament, iż-​żmien biss se jgħid kemm mikrobi li jiġu mid-​demm jinsabu għal-​lest fil-​provista tad-​demm. “Dak li ma nafux jistaʼ jkun taʼ iktar tħassib minn dak li nafu,” jikteb Dr. Harold T. Meryman. “Mikrobi li jistgħu jiġu trażmessi u li għandhom żminijiet taʼ inkubazzjoni taʼ ħafna snin se jkunu diffiċli li tassoċjahom maʼ trasfużjonijiet u saħansitra iktar diffiċli biex tinduna bihom. Il-​grupp HTLV żgur li huwa l-​ewwel wieħed minn dawn li jitfaċċa.” (Transfusion Medicine Reviews, Lulju 1989) “Bħal li kieku l-​epidemija tal-​AIDS ma kinetx taʼ għawġ biżżejjed, . . . għadd taʼ riskji proposti jew deskritti ġodda minn trasfużjoni ġibdu l-​attenzjoni matul is-​snin Tmenin. Ma jridx ikollok immaġinazzjoni kbira biex tbassar li mard serju ieħor minn mikrobi jeżisti u jiġi trażmess minn trasfużjonijiet tad-​demm.”​—Limiting Homologous Exposure: Alternative Strategies, 1989.

Tant diġà ħabbtu “żraben” li ċ-​Ċentri għall-​Kontroll tal-​Mard jirrikmandaw “prekawzjonijiet universali.” Jiġifieri, ‘ħaddiema tas-​sanità għandhom jassumu li l-​pazjenti kollha huma infettati bl-​HIV u b’mard ieħor li jinġarr mid-​demm.’ Mhux taʼ b’xejn li ħaddiema tas-​sanità u membri tal-​pubbliku qed jeżaminaw mill-​ġdid il-​ħarsa tagħhom dwar id-​demm.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 27 Ma nistgħux nassumu li d-​demm kollu għadu qed jiġi ttestjat. Per eżempju, huwa rrapportat li sal-​bidu tal-​1989, madwar 80 fil-​mija tal-​banek tad-​demm tal-​Brażil ma kinux taħt il-​kontroll mill-​gvern, u lanqas ma kienu qed jittestjaw għall-​AIDS.

[Kaxxa f’paġna 8]

“Kważi 1 f’kull 100 taʼ trasfużjonijiet huma akkumpanjati minn deni, bard, jew urtikarja [ġidri r-​riħ]. . . . Kważi 1 f’kull 6,000 trasfużjoni taċ-​ċellola ħamra tirriżulta f’reazzjoni fid-​demm minħabba t-​trasfużjoni. Din hi reazzjoni immunoloġika qawwija li tistaʼ tiġri b’mod akut jew b’manjiera ritardjata xi jiem wara t-​trasfużjoni; tistaʼ tirriżulta f’mard akut [tal-kliewi], f’xokk, f’li d-​demm jagħqad fil-​vini, u saħansitra fil-​mewt.”​—Konferenza tal-​Istituti Nazzjonali tas-​Saħħa (NIH), 1988.

[Kaxxa f’paġna 9]

Ix-​xjenzat Daniż Niels Jerne kellu sehem mill-​Premju Nobel għall-​Mediċina tal-​1984. Meta ġie mistoqsi għala rrifjuta trasfużjoni tad-​demm, hu qal: “Id-​demm taʼ persuna huwa bħall-​marki tas-​swaba tagħha​—ma hemmx żewġ tipi taʼ demm li huma bħal xulxin eżatt.”

[Kaxxa f’paġna 10]

DEMM, FWIED IRROVINAT, U . . .

“Ironikament, l-​AIDS li jiġi mid-​demm . . . qatt ma kien thedhida kbira daqs mard ieħor​—per eżempju, l-​hepatitis,” spjega l-​Washington Post.

Iva, numru bla għadd taʼ nies mardu ħafna u mietu minn din il-​hepatitis, li m’għandha ebda kura speċifika. Skond il-​U.S.News & World Report (1 taʼ Mejju, 1989), madwar 5 fil-​mija taʼ dawk li ngħataw id-​demm fl-​Istati Uniti ħadu l-​hepatitis​—175,000 persuna kull sena. Madwar nofshom isiru morda b’mod kroniku, u tal-​inqas 1 f’kull 5 jiżżviluppa cirrhosis jew kanċer tal-​fwied. Huwa stmat li 4,000 imutu. Immaġina t-​titli fil-​gazzetti li kieku kellek taqra li kkraxxja xi jumbo jet, u qatel lil dawk kollha li kienu fuqu. Imma 4,000 imwiet jammontaw għal jumbo jet sħiħ li jikkraxxja kull xahar!

It-​tobba ilhom jafu li hepatitis inqas ħarxa (tip A) kienet tinxtered permezz taʼ ikel jew ilma mhux nadif. Imbagħad raw li forma iktar serja kienet qed tinxtered permezz tad-​demm, u ma kellhom ebda mod kif jeżaminaw id-​demm bir-​reqqa għaliha. Eventwalment, xjenzati brillanti saru jafu kif jindunaw bil-​“marki tas-​saqajn” taʼ dan il-​mikrobu (tip B). Sa kmieni fis-​snin 70, id-​demm kien qed jiġi eżaminat bir-​reqqa f’xi artijiet. Il-​provista tad-​demm kienet tidher li hi bla periklu u l-​futur għad-​demm kien jidher sabiħ! Imma hekk kien?

Fi żmien qasir deher ċar li eluf li ngħataw demm eżaminat bir-​reqqa xorta żviluppaw il-​hepatitis. Ħafna, wara mard li jherri, saru jafu li l-​fwied tagħhom kien irrovinat. Imma jekk id-​demm kien ġie ttestjat, dan għala kien qed jiġri? Id-​demm kien fih forma oħra, imsejħa hepatitis non-A u non-B (NANB). Għal perijodu taʼ għaxar snin għakkset it-​trasfużjonijiet​—bejn 8 u 17 fil-​mija taʼ dawk trasfużi f’Iżrael, fl-​Italja, fil-​Ġappun, fi Spanja, fl-​Isvezja, u fl-​Istati Uniti ħaduha.

Imbagħad ġew it-​titli fil-​gazzetti bħal “Il-​Mikrobu Misterjuż tal-​Hepatitis Non-A u non-B Sa fl-​Aħħar Iżolat”; “Titfarrak Marda fid-​Demm.” Jerga’, il-​messaġġ kien, ‘Instab l-​aġent li ma setax jinqabad!’ F’April tal-​1989, il-​pubbliku ntqallu li kien hemm test li jistaʼ jsir għall-​NANB, li issa beda jissejjaħ hepatitis Ċ.

Int forsi titħasseb dwar jekk dan is-​serħan huwiex prematur. Fil-​fatt, riċerkaturi Taljani rrapportaw mikrobu ieħor tal-​hepatitis, alterazzjoni oħra, li jistaʼ jkun responsabbli għal terz mill-​każi. “Xi awtoritajiet,” osservat il-​Harvard Medical School Health Letter (Novembru 1989), “jinkwetaw li A, B, Ċ, u D m’humiex l-​alfabett kollu tal-​mikrobi tal-​hepatitis; jerġaʼ oħrajn jistgħu jfiġġu.” The New York Times (13 taʼ Frar, 1990) stqarret: “L-​esperti jissuspettaw serjament li mikrobi oħra jistgħu jikkaġunaw hepatitis; jekk jinstabu, dawn jingħataw l-​isem taʼ hepatitis E u nibqgħu sejrin.”

Se jkollhom il-​banek tad-​demm ikomplu jfittxu iktar għal testijiet biex lid-​demm jagħmluh bla periklu? Waqt li semmaʼ l-​problema tal-​ispejjeż, direttur tar-​Red Cross Amerikana għamel dan il-​kumment li jiddisturba: “Ma nistgħux nibqgħu nżidu test wara test għal kull aġent infettuż li jistaʼ jinxtered.”​—Medical World News, 8 taʼ Mejju, 1989.

Saħansitra t-​test għal hepatitis B huwa fallibbli; ħafna għadhom jiħduha mid-​demm. Barra minn hekk, se jkunu n-​nies issodisfati bit-​test imħabbar għal hepatitis Ċ? The Journal of the American Medical Association (5 taʼ Jannar, 1990) wera li tistaʼ tgħaddi sena qabel ma l-​mikrobi tal-​marda tkun tistaʼ tinduna bihom permezz tat-​test. Sadanittant, in-​nies trasfużi bid-​demm jistgħu jispiċċaw bi fwiedhom irrovinati​—u jmutu.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 11]

Il-​marda Chagas turi kif id-​demm iġorr il-​mard għand nies fil-​bogħod. “The Medical Post” (16 taʼ Jannar, 1990) jirrapporta li ‘minn 10 sa 12-il miljun persuna fl-​Amerka Latina huma infettati b’mod kroniku.’ Din issejħet “wieħed mill-​perikli l-​iktar importanti tat-​trasfużjoni fl-​Amerka t’Isfel.” “Baqqa assassina” tigdem lill-​vittma f’wiċċu waqt li jkun rieqed, tixroblu d-​demm, u tagħmel xogħolha fil-​ferita. Il-​vittma jistaʼ jġorr il-​marda Chagas għal snin sħaħ (forsi sadanittant jagħti d-​demm) qabel ma jiżżviluppa komplikazzjonijiet fatali tal-​qalb.

Dan għala għandu jkun taʼ tħassib għal nies f’kontinenti ’l bogħod? F’“The New York Times” (23 taʼ Mejju, 1989), Dr. L. K. Altman irrapporta dwar pazjenti bil-​marda Chagas wara trasfużjoni, li wieħed minnhom miet. Altman kiteb: “Każi oħra setgħu baqgħu ma ndunawx bihom peress li [t-tobba hawn] m’humiex familjari mal-​marda Chagas, u lanqas ma jirrealizzaw li din tistaʼ tiġi mxerrda permezz taʼ trasfużjonijiet.” Iva, id-​demm jistaʼ jkun mezz li bih il-​mard jivvjaġġa maʼ kullimkien.

[Kaxxa f’paġna 12]

Dr. Knud Lund-Olesen kiteb: “Ladarba . . . xi persuni fi gruppi taʼ riskju kbir ikunu voluntieri bħala donaturi għax hekk jiġu awtomatikament ittestjati għall-​AIDS, inħoss li hemm raġuni għalxiex ma nkunux irridu trasfużjoni tad-​demm. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah din irrifjutawha għal ħafna snin. Kienu huma qegħdin jaraw fil-​futur?”​—“Ugeskrift for Læger” (Ġurnal taʼ kull ġimgħa għat-​Tobba), 26 taʼ Settembru, 1988.

[Stampa f’paġna 9]

Il-​papa baqaʼ ħaj wara li sparaw fuqu. Wara li ħareġ mill-​isptar, hu ttieħed lura għal xahrejn, “isofri ħafna.” Għala? Minħabba infezzjoni ċitomegaloviruża permezz tad-​demm li ħa u li setgħet kienet fatali

[Sors]

UPI/Bettmann Newsphotos

[Stampa f’paġna 12]

Il-​mikrobu tal-​AIDS

[Sors]

CDC, Atlanta, Ga.