Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Żomm Ruħek fl-​Imħabba t’Alla

Żomm Ruħek fl-​Imħabba t’Alla

Kapitlu Dsatax

Żomm Ruħek fl-​Imħabba t’Alla

Xi jfisser li tħobb ’l Alla?

Kif nistgħu nżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla?

Ġeħova kif se jippremja lil dawk li jżommu ruħhom fl-​imħabba tiegħu?

1, 2. Fejn illum nistgħu nsibu post taʼ kenn fis-​sigurtà?

IMMAĠINAK miexi fit-​triq f’ġurnata maltemp. Is-​sema jimtela bi sħab iswed u jiddallam. Jibda jberraq, iriegħed, u mbagħad tibda nieżla xita bil-​qliel. Int tgħaġġel kemm tiflaħ biex tfittex tistkenn. Fil-​ġenb tat-​triq tara post fejn tistaʼ tistkenn. Jidher sod, kenni, u jħajrek. Kemm tapprezzah dan il-​post taʼ sigurtà!

2 Aħna qed ngħixu fi żminijiet taʼ taqlib kbir. Il-​kundizzjonijiet tad-​dinja sejrin mill-​ħażin għall-​agħar. Imma hemm post taʼ kenn fis-​sigurtà, kenn li jistaʼ jħarisna minn ħsara permanenti. Dan x’post hu? Innota dak li tgħallem il-​Bibbja: “Għid lill-​Mulej: ‘Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.’”​—Salm 91:2.

3. Kif nistgħu nagħmlu lil Ġeħova l-​kenn tagħna?

3 Immaġina ftit! Ġeħova, il-​Ħallieq u Sovran taʼ l-​univers, jistaʼ jkun il-​kenn protettiv tagħna. Hu jistaʼ jżommna fis-​sigurtà, għax hu bil-​wisq iktar qawwi minn kwalunkwe persuna jew ħaġa li tistaʼ tkun kontrina. Anki jekk tiġrilna l-​ħsara, Ġeħova jistaʼ jirranġa l-​effetti koroh kollha. Kif nistgħu nagħmlu lil Ġeħova l-​kenn tagħna? Għandna bżonn nafdaw fih. Barra minn hekk, il-​Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Żommu ruħkom fl-​imħabba t’Alla.” (Ġuda 21) Iva, jeħtieġ li nżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla, billi nżommu rabta taʼ mħabba maʼ Missierna tas-​sema. Imbagħad nistgħu nserrħu moħħna li hu jkun il-​kenn tagħna. Imma kif nistgħu nifformaw rabta bħal din?

AGĦRAF U WIEĠEB GĦALL-​IMĦABBA T’ALLA

4, 5. X’inhuma xi modi kif Ġeħova esprima mħabbtu għalina?

4 Biex inżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla, jeħtieġ li napprezzaw kif Ġeħova wera mħabbtu lejna. Aħseb dwar ftit mit-​tagħlim tal-​Bibbja li sirt taf bl-​għajnuna taʼ dan il-​ktieb. Bħala l-​Ħallieq, Ġeħova tana l-​art biex tkun id-​dar pjaċevoli tagħna. Hu pprovdielna abbundanza taʼ ikel u ilma, riżorsi naturali, annimali affaxxinanti, u xeni mill-​isbaħ. Bħala l-​Awtur tal-​Bibbja, Alla rrivelalna ismu u l-​kwalitajiet tiegħu. Iktar minn hekk, il-​Kelma tiegħu tirrivela li hu bagħat lill-​istess Iben maħbub tiegħu, Ġesù, fuq l-​art, u ħallieh ibati u jmut għalina. (Ġwanni 3:​16) U dan ir-​rigal xi jfisser għalina? Dan jagħtina tama għal futur meraviljuż.

5 It-​tama tagħna għall-​futur tiddependi wkoll minn xi ħaġa oħra li għamel Alla. Ġeħova stabbilixxa gvern tas-​sema, is-​Saltna Messjanika. Din dalwaqt se ttemm it-​tbatija kollha u se tagħmel l-​art ġenna. Aħseb ftit! Aħna nistgħu ngħixu fuqha fil-​paċi u l-​hena għal dejjem. (Salm 37:29) Sadanittant, Alla tana gwida dwar kif nistgħu ngħixu bl-​aħjar mod possibbli issa stess. Hu tana wkoll ir-​rigal tat-​talb, li permezz tiegħu nistgħu nikkomunikaw miegħu liberament. Dawn huma biss ftit modi li bihom Ġeħova wera l-​imħabba lejn il-​bnedmin in ġenerali u għalik bħala individwu.

6. Kif għandek mnejn twieġeb għall-​imħabba li Ġeħova wera miegħek?

6 Il-​mistoqsija vitali li għandek tikkunsidra hija din: Jien kif se nwieġeb għall-​imħabba t’Alla? Ħafna se jgħidu: “Jeħtieġ li jien ukoll inħobb lil Ġeħova.” Hekk tħossok int? Ġesù qal li dan il-​kmand hu l-​akbar wieħed: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Int ċertament li għandek ħafna raġunijiet għala għandek tħobb lil Alla Ġeħova. Imma hu biżżejjed li sempliċement tħoss li għandek imħabba bħal din sabiex tħobb lil Ġeħova b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu?

7. Hu biżżejjed li sempliċement tħoss sentiment taʼ mħabba biex tgħid li tħobb lil Alla? Spjega.

7 Bħalma hu deskritt fil-​Bibbja, l-​imħabba għal Alla hija ferm iktar minn sempliċi sentiment. Fil-​fatt, għalkemm hu essenzjali li tħoss imħabba għal Ġeħova, dan is-​sentiment hu biss il-​bidu taʼ l-​imħabba vera għalih. Żerriegħa tat-​tuffieħ hija essenzjali biex siġra tat-​tuffieħ tkun tistaʼ tikber u tagħmel il-​frott. Madankollu, jekk ikollok aptit tuffieħa, tkun kuntent int kieku xi ħadd jagħtik żerriegħa tat-​tuffieħ? Ma naħsibx! Bl-​istess mod, sentiment taʼ mħabba lejn Alla Ġeħova hu biss il-​bidu. Il-​Bibbja tgħallem: “L-​imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-​kmandamenti tiegħu; u madankollu l-​kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Biex tkun ġenwina, l-​imħabba għal Alla trid tagħmel frott tajjeb. Wieħed irid jesprimiha bl-​għemejjel.​—Mattew 7:​16-20.

8, 9. Kif nistgħu nesprimu l-​imħabba u l-​apprezzament tagħna lejn Alla?

8 Aħna nuru mħabbitna lejn Alla meta nobdu l-​kmandamenti tiegħu u napplikaw il-​prinċipji tiegħu. M’huwiex diffiċli li nagħmlu dan. Il-​liġijiet t’Alla mhux talli m’humiex tqal imma talli huma mfasslin biex jgħinuna ngħixu ħajja pjaċevoli, hienja, u sodisfaċenti. (Isaija 48:​17, 18) Meta ngħixu ħajjitna fi qbil mal-​gwida taʼ Ġeħova, aħna nkunu qed nuru lil Missierna tas-​sema li verament napprezzaw kulma għamel għalina. B’dispjaċir ngħidu li ftit huma dawk fid-​dinja taʼ llum li juru dan l-​apprezzament. Ma rridux nuru nuqqas t’apprezzament, bħalma għamlu xi nies li għexu fuq l-​art fi żmien Ġesù. Ġesù fejjaq għaxar imġiddmin, imma wieħed biss mar lura biex jirringrazzjah. (Luqa 17:​12-17) Żgur li rridu nkunu bħal dak il-​wieħed li kien grat, u mhux bħad-​disgħa li kienu ingrati!

9 Mela, x’inhuma l-​kmandamenti taʼ Ġeħova li jeħtieġ li nobdu? Iddiskutejna ftit minnhom f’dan il-​ktieb, imma ejja nirrivedu xi wħud. L-​ubbidjenza lejn il-​kmandamenti t’Alla se tgħinna nżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla.

ERSAQ DEJJEM EQREB LEJN ĠEĦOVA

10. Spjega għala hu importanti li nkomplu nieħdu t-​tagħrif dwar Alla Ġeħova.

10 Pass importanti biex nersqu eqreb lejn Ġeħova hu li nitgħallmu dwaru. Hu proċess li qatt m’għandu jieqaf. Kieku kont barra f’lejla kiesħa ħafna u qed tipprova tisħon ħdejn ħuġġieġa nar, kont int tħalli l-​fjammi jiddgħajfu u jintfew? Le. Kont tibqaʼ titfaʼ l-​injam sabiex in-​nar jibqaʼ mkebbes u jaħraq. Ħajtek tistaʼ tiddependi minn dan! Bħalma l-​injam ikebbes in-​nar, hekk ukoll l-​istess “tagħrif taʼ Alla” se jkompli jkebbes imħabbitna lejn Ġeħova.​—Proverbji 2:​1-5.

11. It-​tagħlim taʼ Ġesù liema effett ħalla fuq is-​segwaċi tiegħu?

11 Ġesù ried li s-​segwaċi tiegħu jżommu mħabbithom lejn Ġeħova u lejn il-​Kelma taʼ verità prezzjuża Tiegħu ħajja u mkebbsa sew. Wara l-​irxoxt tiegħu, Ġesù wera lil tnejn mid-​dixxipli tiegħu xi profeziji fl-​Iskrittura Ebrajka li twettqu fih. X’kien l-​effett? Huma qalu iktar tard: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-​triq, hu u jispjegalna ċar l-​Iskrittura?”​—Luqa 24:32.

12, 13. (a) Xi ġralha l-​imħabba għal Alla u għall-​Bibbja fost il-​maġġuranza tan-​nies illum? (b) Kif nistgħu noqogħdu attenti biex ma nħallux l-​imħabba tagħna tibred ?

12 Meta sirt taf għall-​ewwel darba dak li tassew tgħallem il-​Bibbja, kont int tħoss qalbek tfur bil-​ferħ, ħeġġa, u mħabba lejn Alla? M’hemm l-​ebda dubju. Ħafna ħassew l-​istess ħaġa. L-​isfida issa hi li żżomm din l-​imħabba profonda tkebbes fik u tgħinha biex tkompli tikber. Ma rridux nimxu wara x-​xejra tad-​dinja taʼ llum. Ġesù bassar: “Tibred l-​imħabba tal-​biċċa l-​kbira min-​nies.” (Mattew 24:12) Kif tistaʼ tevita li tħalli mħabbtek tibred għal Ġeħova u għall-​veritajiet tal-​Bibbja?

13 Ibqaʼ ikseb l-​għarfien dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. (Ġwanni 17:3) Immedita, jew aħseb fil-​fond, fuq dak li titgħallem mill-​Kelma t’Alla billi tistaqsi lilek innifsek: ‘Dan x’jgħallimni dwar Alla Ġeħova? X’raġuni oħra jagħtini dan l-​għarfien biex inħobbu b’qalbi, b’moħħi, u b’ruħi kollha?’ (1 Timotju 4:​15) Meditazzjoni bħal din se tkompli tkebbes imħabbtek lejn Ġeħova.

14. It-​talb kif jistaʼ jgħinna nżommu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova mkebbsa?

14 Mod ieħor biex iżżomm imħabbtek lejn Ġeħova mkebbsa sew hi li titlob regolarment. (1 Tessalonikin 5:​17) F’Kapitlu 17 taʼ dan il-​ktieb tgħallimna li t-​talb hu rigal prezzjuż mingħand Alla. Bħalma r-​relazzjonijiet bejn il-​bnedmin jiffjorixxu jekk dawn jikkomunikaw regolarment u liberament maʼ xulxin, hekk ukoll ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova se tfur bl-​imħabba u tissaħħaħ meta aħna nitolbuh regolarment. Hu vitali li qatt ma nħallu t-​talb tagħna jsir kantaliena​—sempliċi kliem taʼ rutina ripetut darba wara l-​oħra bla ma nkunu nafu x’qed ngħidu jew inħossu verament. Jeħtieġ li nitkellmu maʼ Ġeħova bħalma tifel ċkejken jitkellem maʼ missieru li jħobbu. M’għandniex xi ngħidu, irridu nitkellmu bir-​rispett, imma fl-​istess ħin liberament, onestament, u minn qalbna. (Salm 62:9 [62:​8, NW]) Iva, studju persunali tal-​Bibbja flimkien maʼ talb mill-​qalb huma aspetti vitali tal-​qima tagħna, u jgħinuna biex inżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla.

SIB IL-​FERĦ META TQIM LIL ALLA

15, 16. Għala nistgħu bix-​xieraq inqisu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna bħala privileġġ u teżor?

15 L-​istudju persunali tal-​Bibbja u t-​talb huma affarijiet li nagħmlu privatament bħala parti mill-​qima tagħna. Madankollu, issa ejja nikkunsidraw aspett tal-​qima li rridu nwettqu pubblikament: li nitkellmu m’oħrajn dwar it-​twemmin tagħna. Għedt lil xi ħadd dwar xi ftit mill-​veritajiet tal-​Bibbja li tgħallimt? Jekk inhu hekk, int ħadt sehem fi privileġġ taʼ l-​għaġeb. (Luqa 1:​74) Meta nitkellmu man-​nies dwar il-​veritajiet li tgħallimna dwar Alla Ġeħova, aħna nkunu qed inwettqu inkarigu importanti ħafna li ngħata lill-​Kristjani veri kollha​—dak li nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.​—Mattew 24:14; 28:​19, 20.

16 L-​appostlu Pawlu kien iqis il-​ministeru tiegħu bħala xi ħaġa prezzjuża, u sejjaħlu teżor. (2 Korintin 4:7) M’hemmx xogħol aħjar li tistaʼ tagħmel milli titkellem man-​nies dwar Alla Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu. Qed tagħti servizz lill-​aqwa Sid, u dan se jġib l-​aqwa benefiċċji possibbli. Meta tagħmel dan ix-​xogħol, int tkun qed tgħin lin-​nies taʼ qalb onesta jersqu qrib lejn Missierna tas-​sema u jimxu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem! Liema xogħol jistaʼ jkun iktar sodisfaċenti? Barra minn hekk, meta tagħti xiehda dwar Ġeħova u l-​Kelma tiegħu tkun qed tkabbar il-​fidi tiegħek stess u ssaħħaħ imħabbtek lejh. U Ġeħova japprezzahom ħafna l-​isforzi tiegħek. (Ebrej 6:​10) Il-​fatt li jkollok ħafna x’tagħmel f’dan ix-​xogħol se jgħinek biex iżżomm ruħek fl-​imħabba t’Alla.​—1 Korintin 15:58.

17. Il-​ministeru Kristjan għala hu urġenti llum?

17 Huwa importanti li tiftakar li x-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna hu urġenti. Il-​Bibbja tgħid: “Ippriedka l-​kelma u agħmel dan b’urġenza.” (2 Timotju 4:2) Għala hu urġenti li tagħmel dan illum? Il-​Kelma t’Alla tgħidilna: “Il-​Jum il-​kbir tal-​Mulej fil-​qrib! Fil-​qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” (Sofonija 1:​14) Iva, iż-​żmien meta Ġeħova se jtemm din is-​sistema kollha kemm hi ġej b’ħeffa li ma bħalha. In-​nies hemm bżonn li jiġu mwissijin! Jeħtieġ li jkunu jafu li issa hu l-​waqt li jagħżlu lil Ġeħova bħala s-​Sovran tagħhom. It-​tmiem ‘ma jiddawwarx ma jasal.’—Ħabakkuk 2:3.

18. Għala għandna nqimu pubblikament lil Ġeħova flimkien maʼ sħabna l-​Kristjani veri?

18 Ġeħova jridna nqimuh pubblikament maʼ sħabna l-​Kristjani veri. Hu għalhekk li l-​Kelma tiegħu tgħid: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-​imħabba u l-​għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-​laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-​jum.” (Ebrej 10:​24, 25) Meta nkunu miġburin maʼ l-​aduraturi sħabna fil-​laqgħat Kristjani, aħna jkollna opportunità taʼ l-​għaġeb li nfaħħru u nqimu lill-​maħbub Alla tagħna. Aħna wkoll nibnu u ninkuraġġixxu lil xulxin.

19. Kif nistgħu naħdmu biex insaħħu r-​rabtiet taʼ mħabba fil-​kongregazzjoni Kristjana?

19 Hekk kif nassoċjaw m’aduraturi oħra taʼ Ġeħova, aħna nsaħħu r-​rabtiet taʼ mħabba u ħbiberija fil-​kongregazzjoni. Huwa importanti li nfittxu t-​tajjeb f’xulxin, bħalma Ġeħova jfittex it-​tajjeb fina. Tistenniex il-​perfezzjoni minn aduraturi sħabek. Ftakar li mhux kulħadd jagħmel progress spiritwali bl-​istess mod, u li lkoll nagħmlu l-​iżbalji. (Kolossin 3:​13) Fittex li tibni ħbiberiji maʼ dawk li għandhom imħabba profonda għal Ġeħova, u tara kif tikber spiritwalment. Iva, li tqim lil Ġeħova maʼ ħutek spiritwali se jgħinek biex iżżomm ruħek fl-​imħabba t’Alla. Ġeħova kif jippremja lil dawk li jqimuh fedelment, u b’hekk iżommu ruħhom fl-​imħabba tiegħu?

IRSISTI GĦALL-​“ĦAJJA VERA”

20, 21. X’inhi “l-​ħajja vera,” u għala hija tama taʼ l-​għaġeb?

20 Ġeħova jippremja lill-​qaddejja leali tiegħu billi jagħtihom il-​ħajja, imma x’tip taʼ ħajja? Sewwa, int tassew qiegħed tgħix issa? Il-​biċċa l-​kbira minna se jgħidu li t-​tweġiba hija ovvja. Wara kollox, qed nieħdu n-​nifs, nieklu, u nixorbu. Żgur li aħna ħajjin. U meta nkunu ferħanin iktar mis-​soltu, nistgħu saħansitra ngħidu, “Issa naf li qiegħed ngħix tassew!” Madankollu, il-​Bibbja turi li f’sens importanti, ebda bniedem illum m’hu jgħix tassew.

21 Il-​Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘naqbdu qabda soda mal-​ħajja vera.’ (1 Timotju 6:​19) Dan il-​kliem jindika li “l-​ħajja vera” hi xi ħaġa li nittamaw li niksbu fil-​futur. Iva, meta nkunu perfetti se nkunu ħajjin fil-​veru sens tal-​kelma għax se nkunu qed ngħixu bil-​mod li Alla oriġinalment riedna ngħixu. Meta nkunu qed ngħixu fuq art magħmula ġenna f’saħħa, paċi, u hena kompleti, aħna sa fl-​aħħar se ngawdu “l-​ħajja vera”​—il-​ħajja taʼ dejjem. (1 Timotju 6:​12) X’tama taʼ l-​għaġeb hi din!

22. Kif tistaʼ ‘taqbad qabda soda mal-​ħajja vera’?

22 Kif nistgħu ‘naqbdu qabda soda mal-​ħajja vera’? Fl-​istess kuntest, Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani “biex jagħmlu l-​ġid” u “jkunu għonja f’għemejjel tajbin.” (1 Timotju 6:​18) Mela, jidher ċar li jiddependi ħafna minn kif aħna napplikaw il-​veritajiet li nkunu tgħallimna mill-​Bibbja. Imma ried Pawlu jfisser li aħna nkunu ħadna “l-​ħajja vera” bħala ħlas għall-​għemejjel tajbin li nkunu għamilna? Le, għax dawn il-​prospetti meraviljużi jiddependu verament milli nirċievu “qalb tajba mhix mistħoqqa” mingħand Alla. (Rumani 5:​15) Madankollu, Ġeħova jitgħaxxaq jippremja lil dawk li jaqduh fedelment. Hu jrid jarak tgħix “il-​ħajja vera.” Din il-​ħajja taʼ dejjem mimlija hena u paċi hemm lesta għal dawk li jżommu ruħhom fl-​imħabba t’Alla.

23. Għala huwa essenzjali li żżomm ruħek fl-​imħabba t’Alla?

23 Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Qiegħed jien inqim lil Alla bil-​mod kif hu kkmandana fil-​Bibbja?’ Jekk minn jum għal jum naraw li qed nagħmlu dan, mela nistgħu ngħidu li qegħdin fit-​triq it-​tajba. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova hu l-​kenn tagħna. Hu se jħares lin-​nies leali tiegħu f’dawn l-​aħħar jiem mimlijin inkwiet taʼ din id-​dinja qadima. Ġeħova se jħarisna wkoll biex idaħħalna fid-​dinja ġdida u glorjuża li issa qiegħda qrib. X’eċċitament se jkollna li naraw dan iż-​żmien b’għajnejna! U kemm se nħossuna kuntenti li għamilna l-​għażliet tajbin matul dawn l-​aħħar jiem! Jekk tagħmel dawn l-​għażliet issa, int se tgawdi “l-​ħajja vera,” ħajja kif Alla Ġeħova riedha li tkun, għall-​eternità kollha!

DAK LI TGĦALLEM IL-​BIBBJA

▪ Nuru mħabba ġenwina lejn Alla billi nobdu l-​kmandamenti tiegħu u napplikaw il-​prinċipji tiegħu.​—1 Ġwanni 5:3.

▪ Billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla, nitolbu mill-​qalb lil Ġeħova, ngħallmu lil oħrajn dwaru, u nqimuh fil-​laqgħat Kristjani, aħna se niġu megħjunin biex inżommu ruħna fl-​imħabba t’Alla.​—Mattew 24:14; 28:​19, 20; Ġwanni 17:3; 1 Tessalonikin 5:​17; Ebrej 10:​24, 25.

▪ Dawk li jżommu ruħhom fl-​imħabba t’Alla għandhom it-​tama li jgawdu “l-​ħajja vera.”​—1 Timotju 6:​12, 19; Ġuda 21.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 184]

Se tagħmel int lil Ġeħova l-​kenn tiegħek matul dawn iż-​żminijiet taʼ taqlib kbir?

[Stampa f’paġna 187]

Bħalma n-​nar għandu bżonn l-​injam biex jitkebbes, hekk ukoll imħabbtek lejn Ġeħova trid tibqaʼ mkebbsa

[Stampa f’paġna 190]

Ġeħova jridek tgawdi “l-​ħajja vera.” Se tgawdiha int?