L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej—Ċelebrazzjoni li Tonora lil Alla
APPENDIĊI
L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej—Ċelebrazzjoni li Tonora lil Alla
IL-KRISTJANI huma kmandati biex jiċċelebraw it-Tifkira tal-mewt taʼ Kristu. Din iċ-ċelebrazzjoni tissejjaħ ukoll l-“ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej.” (1 Korintin 11:20) Għala hija daqshekk importanti? Meta u kif għandha tiġi ċelebrata?
Ġesù Kristu waqqaf din iċ-ċelebrazzjoni fil-lejl tal-Qbiż Lhudi fis-sena 33 E.K. Il-Qbiż kien ċelebrazzjoni li tinżamm darba fis-sena, fl-14-il jum tax-xahar Lhudi Nisan. Sabiex jikkalkulaw id-data, il-Lhud milli jidher kienu jistennew l-ekwinozju tar-rebbiegħa. Din hija l-ġurnata meta bejn wieħed u ieħor ikun hemm 12-il siegħa dawl u 12-il siegħa dlam. L-ewwel qamar ġdid qrib l-ekwinozju tar-rebbiegħa li setaʼ jiġi osservat kien jimmarka l-bidu taʼ Nisan. Il-Qbiż kien jiġi 14-il jum wara, meta tkun niżlet ix-xemx.
Ġesù ċċelebra l-Qbiż maʼ l-appostli tiegħu, qal lil Ġuda l-Iskarjota biex joħroġ, u mbagħad waqqaf l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Din l-ikla ħadet post il-Qbiż Lhudi, u għalhekk għandha tiġi kommemorata darba waħda biss fis-sena.
L-Evanġelju taʼ Mattew jirrapporta: “Ġesù ħa ħobża u, wara li qal talba, qasamha, ta lid-dixxipli, u qal: ‘Ħudu, kulu. Dan il-ħobż jirrappreżenta ġismi.’ Ukoll, qabad kies u, wara li radd Mattew 26:26-28.
ħajr, tahulhom, u qal: ‘Ixorbu minnu, intom ilkoll; għax dan jirrappreżenta d-“demm tiegħi tal-patt,” li se jixxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet.’”—Xi wħud jemmnu li Ġesù bidel il-ħobż fil-laħam letterali tiegħu u l-inbid f’demmu. Madankollu, il-ġisem fiżiku taʼ Ġesù kien għadu intatt meta offra l-ħobż. Kienu l-appostli taʼ Ġesù tassew qed jieklu l-laħam letterali tiegħu u jixorbu demmu? Le, għax dak kien ikun kannibaliżmu u ksur tal-Liġi t’Alla. (Ġenesi 9:3, 4; Levitiku 17:10) Skond Luqa 22:20, Ġesù qal: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid konfermat b’demmi li se jixxerred għalikom.” Sar dak il-kies verament “il-patt il-ġdid”? Dan ma setax ikun, ladarba patt huwa ftehim, mhux oġġett materjali.
Għalhekk, kemm il-ħobż u kemm l-inbid huma biss simboli. Il-ħobż jissimbolizza l-ġisem perfett taʼ Kristu. Ġesù uża ħobża li kien fadal mill-ikla tal-Qbiż. Il-ħobża kienet magħmula mingħajr ebda ħmira. (Eżodu 12:8) Il-Bibbja spiss tuża l-ħmira bħala simbolu tad-dnub jew tal-ħażen. Il-ħobż għalhekk jirrappreżenta l-ġisem perfett li ssagrifika Ġesù. Kien ħieles mid-dnub.—Mattew 16:11, 12; 1 Korintin 5:6, 7; 1 Pietru 2:22; 1 Ġwanni 2:1, 2.
L-inbid aħmar jirrappreżenta d-demm taʼ Ġesù. Dak id-demm jagħmel validu l-patt il-ġdid. Ġesù qal li demmu xxerred “għall-maħfra tad-dnubiet.” B’hekk, il-bnedmin jistgħu jsiru nodfa f’għajnejn Alla u jistgħu jidħlu f’patt ġdid maʼ Ġeħova. (Ebrej 9:14; 10:16, 17) Dan il-patt, jew kuntratt, jagħmilha possibbli biex 144,000 Kristjan leali jmorru s-sema. Hemmhekk huma se jaqdu bħala slaten u qassisin għall-barka taʼ l-umanità kollha.—Ġenesi 22:18; Ġeremija 31:31-33; 1 Pietru 2:9; Rivelazzjoni 5:9, 10; 14:1-3.
Min għandu jieħu minn dawn l-emblemi tat-Tifkira? B’mod loġiku, dawk biss fil-patt il-ġdid—jiġifieri, dawk li għandhom it-tama li jmorru s-sema—għandhom jieħdu mill-ħobż u l-inbid. L-ispirtu qaddis t’Alla jikkonvinċi lil uħud bħal dawn li huma ntgħażlu biex ikunu slaten fis-sema. (Rumani 8:16) Huma jinsabu wkoll fil-patt tas-Saltna maʼ Ġesù.—Luqa 22:29.
Xi ngħidu għal dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem f’Ġenna fuq l-art? Dawn jobdu l-kmand taʼ Ġesù u jattendu għall-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, imma jmorru bħala osservaturi biex juru r-rispett tagħhom, u mhux biex jieħdu sehem. Darba fis-sena wara nżul ix-xemx fl-14 taʼ Nisan, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jiċċelebraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Għalkemm ftit eluf biss madwar id-dinja jistqarru li għandhom it-tama għas-sema, din iċ-ċelebrazzjoni hija prezzjuża għall-Kristjani kollha. Din hija okkażjoni fejn ilkoll kemm aħna nistgħu naħsbu dwar l-imħabba li ma bħalha t’Alla Ġeħova u Ġesù Kristu.—