Nidentifikaw lil “Babilonja l-Kbira”
APPENDIĊI
Nidentifikaw lil “Babilonja l-Kbira”
FIL-KTIEB taʼ Rivelazzjoni nsibu espressjonijiet li m’għandhomx jittieħdu letteralment. (Rivelazzjoni 1:1) Per eżempju, dan isemmi mara bl-isem taʼ “Babilonja l-Kbira” miktub fuq ġbinha. Jintqalilna li din il-mara tinsab bil-qiegħda fuq “popli u folol.” (Rivelazzjoni 17:1, 5, 15) Ladarba ebda mara letterali ma tistaʼ tagħmel din il-ħaġa, Babilonja l-Kbira bilfors li hija simbolika. Allura, din il-prostituta simbolika x’tirrappreżenta?
F’Rivelazzjoni 17:18, l-istess mara figurattiva hija deskritta bħala “l-belt il-kbira li għandha saltna fuq is-slaten taʼ l-art.” Il-kelma “belt” tindika grupp organizzat taʼ nies. Ladarba din
“il-belt il-kbira” għandha kontroll fuq “is-slaten taʼ l-art,” il-mara li jisimha Babilonja l-Kbira bilfors li hi organizzazzjoni li għandha influwenza internazzjonali. B’mod xieraq tistaʼ tissejjaħ imperu dinji. X’tip taʼ imperu? Wieħed reliġjuż. Innota kif xi siltiet marbutin maʼ dan fil-ktieb taʼ Rivelazzjoni jwassluna għal din il-konklużjoni.Imperu jistaʼ jkun politiku, kummerċjali, jew reliġjuż. Il-mara li jisimha Babilonja l-Kbira m’hijiex imperu politiku minħabba li l-Kelma t’Alla tistqarr li “s-slaten taʼ l-art,” jew l-elementi politiċi taʼ did-dinja, “żnew magħha.” Iż-żína tagħha tirreferi għall-alleanzi li għamlet mal-ħakkiema taʼ din l-art u tispjega għala hi tissejjaħ “il-prostituta l-kbira.”—Rivelazzjoni 17:1, 2; Ġakbu 4:4.
Babilonja l-Kbira ma tistax tkun imperu kummerċjali minħabba li “l-merkanti taʼ l-art,” li jirrappreżentaw l-elementi kummerċjali, se jitnikktu għaliha meta tinqered. Fil-fatt, kemm is-slaten u kemm il-merkanti huma deskritti bħala li jaraw lil Babilonja l-Kbira mill-“bogħod.” (Rivelazzjoni 18:3, 9, 10, 15-17) Għalhekk, huwa raġunevoli li nikkonkludu li Babilonja l-Kbira m’hijiex imperu politiku jew kummerċjali, imma wieħed reliġjuż.
L-identità reliġjuża taʼ Babilonja l-Kbira tkompli tiġi konfermata mill-istqarrija li hi tqarraq bil-ġnus kollha bil-“prattika spiritistika” tagħha. (Rivelazzjoni 18:23) Ladarba kull forma taʼ spiritiżmu hija reliġjuża u ġejja mid-demonji, m’għandniex għalfejn niskantaw li l-Bibbja ssejjaħ lil Babilonja l-Kbira “post fejn jgħammru d-demonji.” (Rivelazzjoni 18:2; Dewteronomju 18:10-12) L-imperu huwa deskritt ukoll bħala li jopponi b’mod attiv lir-reliġjon vera, billi jippersegwita lill-“profeti” u lill-“qaddisin.” (Rivelazzjoni 18:24) Fil-fatt, Babilonja l-Kbira tant għandha mibegħda kbira lejn ir-reliġjon vera, li hi tippersegwita b’mod vjolenti u saħansitra toqtol lix-“xhieda taʼ Ġesù.” (Rivelazzjoni 17:6) Għalhekk, din il-mara li jisimha Babilonja l-Kbira tirrappreżenta b’mod ċar l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, li jinkludi r-reliġjonijiet kollha li jopponu lil Alla Ġeħova.