Tama Vera għall-Maħbubin Tiegħek li Mietu
Kapitlu Sebgħa
Tama Vera għall-Maħbubin Tiegħek li Mietu
Kif nafu li l-irxoxt se jseħħ żgur?
Ġeħova kif iħossu dwar li jirxoxta l-mejtin?
Min se jiġi rxoxtat?
1-3. Liema għadu qiegħed jiġri warajna lkoll, u għala nistgħu nserrħu ftit moħħna jekk nikkunsidraw dak li tgħid il-Bibbja?
IMMAĠINA li qed taħrab minn għadu vjolenti. Hu b’saħħtu u jiġri ħafna iktar minnek. Taf li hu bla qalb għaliex rajtu joqtol lil xi ħbieb tiegħek. Minkejja li tagħmel ħiltek kollha biex ma tħallihx jilħqek, hu jkompli jersaq dejjem iktar qrib. Jidher li m’hemmx tama. Iżda, fid-daqqa u l-ħin tara maġenbek lil xi ħadd li ġie biex jeħilsek. Hu bil-wisq iktar qawwi mill-għadu tiegħek, u jwiegħdek li jgħinek. Kemm isserraħ moħħok!
2 F’ċertu sens, veru hemm għadu li qiegħed jiġri warajk. Hu qed jiġri warajna lkoll. Kif rajna fil-kapitlu taʼ qabel, il-Bibbja tirreferi għall-mewt bħala għadu. Ħadd ma jistaʼ jevitah jew jiġġilidlu. Il-biċċa l-kbira minna rajna lil dan l-għadu jieħu l-ħajja taʼ l-għeżież tagħna. Imma Ġeħova hu bil-wisq iktar qawwi mill-mewt. Hu l-Ħellies li jħobbna u li diġà wera li jistaʼ jirbaħ lil dan l-għadu. Hu jwiegħed li se jeqred lil dan l-għadu, il-mewt, darba għal dejjem. Il-Bibbja tgħallem: “Bħala l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.” (1 Korintin 15:26) Din żgur aħbar tajba!
Isaija 26:19) Se jerġgħu jingħataw il-ħajja. Din hija t-tama taʼ l-irxoxt.
3 Ejja nagħtu ħarsa fuq fuq lejn kif il-mewt, l-għadu tagħna, teffettwana meta tolqotna. Dan se jgħinna napprezzaw xi ħaġa li se tagħmilna ferħanin. Din hi li Ġeħova jwiegħed li l-mejtin se jgħixu mill-ġdid. (META JMUT XI ĦADD LI TĦOBB
4. (a) Għala l-mod kif aġixxa Ġesù meta miet xi ħadd għażiż għalih jgħallimna dwar is-sentimenti taʼ Ġeħova? (b) Ġesù maʼ min sar ħabib sew?
4 Qatt mietlek xi ħadd għażiż? L-uġigħ, in-niket, u l-fatt li tħossok li ma tistaʼ tagħmel xejn dwar is-sitwazzjoni jġagħluk tħossok mifni għall-aħħar. Fi żminijiet bħal dawn, jeħtieġ li nfittxu l-faraġ fil-Kelma t’Alla. (2 Korintin 1:3, 4) Il-Bibbja tgħinna nifhmu kif Ġeħova u Ġesù jħossuhom dwar il-mewt. Ġesù, li kien jimita perfettament lil Missieru, kien jaf l-uġigħ li tħoss meta jmutlek xi ħadd. (Ġwanni 14:9) Meta kien ikun Ġerusalemm, Ġesù kien imur għand Lazzru u ħutu l-bniet, Marija u Marta, li kienu joqogħdu fil-belt taʼ Betanja, li kienet qrib. Huma saru ħbieb sew. Il-Bibbja tgħid: “Issa Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.” (Ġwanni 11:5) Iżda, kif tgħallimna fil-kapitlu l-ieħor, Lazzru miet.
5, 6. (a) Ġesù kif aġixxa meta kien ħdejn il-familja u l-ħbieb taʼ Lazzru li kienu qed jibkuh? (b) In-niket taʼ Ġesù għala hu taʼ inkuraġġiment għalina?
5 Ġesù kif ħassu meta miet il-ħabib tiegħu? Ir-rakkont jgħidilna li Ġesù mar ħdejn il-qraba u l-ħbieb taʼ Lazzru li kienu qed jibku minħabba t-telfa li sofrew. X’ħin rahom, Ġesù ħass qalbu trid tinqasam. Hu “karab fl-ispirtu tiegħu u tnikket.” Imbagħad ir-rakkont ikompli jgħid, “Ġesù qabiżlu d-dmugħ.” (Ġwanni 11:33, 35) Il-fatt li Ġesù tnikket kien ifisser li ma kellu ebda tama? Lanqas xejn. Infatti, Ġesù kien jaf li kienet se tiġri xi ħaġa taʼ l-għaġeb. (Ġwanni 11:3, 4) Madankollu, hu xorta ħass l-uġigħ u n-niket li ġġib magħha l-mewt.
6 Sa ċertu punt, in-niket taʼ Ġesù hu taʼ inkuraġġiment għalina. Jgħallimna li Ġesù u Missieru, Ġeħova, jobogħduha l-mewt. Imma Alla Ġeħova kapaċi jiġġilidlu u jirbaħlu lil dan l-għadu! Ejja naraw Alla liema setgħa tah lil Ġesù.
“LAZZRU, OĦROĠ!”
7, 8. Il-każ taʼ Lazzru għala setaʼ deher bla tama f’għajnejn dawk li kienu hemmhekk, imma Ġesù x’għamel?
7 Lazzru kien midfun f’għar, u Ġesù talab biex titneħħa l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla. Marta oġġezzjonat għaliex wara erbat ijiem, ġisem Lazzru żgur li kien beda jitħassar. (Ġwanni 11:39) Mill-ħarsa tal-bniedem x’tama kien hemm?
8 Il-ġebla tneħħiet, u Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Lazzru, oħroġ!” X’ġara? “Dak li qabel kien mejjet ħareġ.” (Ġwanni 11:43, 44) Tistaʼ timmaġina l-ferħ tan-nies li kienu hemmhekk? Issa kienx ħuhom, il-qarib tagħhom, ħabibhom, jew il-ġâr tagħhom ma kienx jagħmel differenza. Li kienu jafu żgur kien li Lazzru kien miet. Madankollu, issa kien quddiemhom—dan l-istess raġel għażiż—bil-wieqfa f’nofshom mill-ġdid. Lanqas setgħu jemmnu lil għajnejhom. Bla dubju, ħafna minnhom għannqu lil Lazzru bil-ferħ. X’rebħa fuq il-mewt!
9, 10. (a) Ġesù kif wera mingħand min kienet ġejja l-qawwa tiegħu biex jirxoxta lil Lazzru? (b) X’inhuma xi ftit mill-benefiċċji li jkollna jekk naqraw ir-rakkonti taʼ l-irxoxt li hemm fil-Bibbja?
9 Ġesù ma qalx li wettaq dan il-miraklu taʼ l-għaġeb bis-saħħa tiegħu stess. Fit-talba tiegħu preċiż qabel ma għajjat lil Lazzru, hu għamilha ċara li kien permezz taʼ Ġeħova li twettaq dan l-irxoxt. (Ġwanni 11:41, 42) Din ma kinitx l-unika darba li Ġeħova uża l-qawwa tiegħu b’dan il-mod. L-irxoxt taʼ Lazzru hu sempliċement wieħed mid-disaʼ mirakli taʼ rxoxt li huma mniżżlin fil-Kelma t’Alla. * Tieħu gost jekk taqra u tistudja dawn ir-rakkonti. Minnhom nitgħallmu li Alla m’huwiex parzjali, għaliex dawk li ġew irxoxtati jinkludu żgħar u kbar, irġiel u nisa, Iżraelin u m’humiex. U x’ferħ jiġi deskritt f’dawn is-siltiet! Per eżempju, meta Ġesù rxoxta tfajla mill-mewt, il-ġenituri tagħha “ntilfu f’estasi kbira taʼ ferħ.” (Marku 5:42) Ġeħova kien verament tahom raġuni għalxiex jifirħu u li qatt ma kienu se jinsewha.
10 M’għandniex xi ngħidu, dawk in-nies li rxoxta Ġesù maż-żmien reġgħu mietu. Ifisser dan li rxoxtahom għalxejn? Xejn affattu. Dawn ir-rakkonti tal-Bibbja jikkonfermaw veritajiet importanti u jagħtuna tama.
NITGĦALLMU MIR-RAKKONTI TAʼ L-IRXOXT
11. Ir-rakkont taʼ l-irxoxt taʼ Lazzru kif jgħinna nikkonfermaw il-verità li nsibu f’Koħèlet 9:5?
11 Il-Bibbja tgħallem li l-mejtin “ma jafu xejn.” M’humiex ħajjin u m’humiex konxji li qed jeżistu xi mkien ieħor. Ir-rakkont taʼ Lazzru jikkonferma dan. Wara li Lazzru qam mill-mewt, beda hu jirrakkonta u jgħaġġeb lin-nies b’dak li ra fis-sema? Jew qagħad hu jbeżżagħhom billi jirrakkontalhom stejjer tal-biżaʼ dwar infern tan-nar? Le. Il-Bibbja ma ssemmi xejn li Lazzru qal xi kliem bħal dan. F’dawk l-erbat ijiem li dam mejjet, hu ‘ma kien jaf xejn.’ (Koħèlet 9:5) Lazzru kien sempliċement rieqed fil-mewt.—Ġwanni 11:11.
12. Għala nistgħu nkunu żguri li l-irxoxt taʼ Lazzru seħħ verament?
12 Ir-rakkont taʼ Lazzru jgħallimna wkoll li l-irxoxt seħħ verament, u m’huwiex xi sempliċi ħrafa. Ġesù rxoxta lil Lazzru quddiem folla taʼ xhieda li raw b’għajnejhom stess. Lanqas saħansitra l-mexxejja reliġjużi, li kienu jobogħdu lil Ġwanni 11:47) Ħafna nies marru jaraw lil dan ir-raġel li ġie rxoxtat. B’riżultat taʼ dan, saħansitra iktar nies urew fidi f’Ġesù. Għalihom, Lazzru kien prova ħajja li Ġesù kien mibgħut minn Alla. Din l-evidenza tant kienet qawwija li xi wħud mill-mexxejja reliġjużi Lhud bla qalb ippjanaw li joqtlu kemm lil Ġesù kif ukoll lil Lazzru.—Ġwanni 11:53; 12:9-11.
Ġesù, ma ċaħdu dan il-miraklu. Pjuttost, huma qalu: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel [Ġesù] qed iwettaq ħafna sinjali?” (13. Liema bażi għandna biex nemmnu li Ġeħova jistaʼ tassew jirxoxta l-mejtin?
13 Huwa realistiku li taċċetta l-irxoxt bħala fatt? Iva, għax Ġesù għallem li xi darba “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” se jiġu rxoxtati. (Ġwanni 5:28) Ġeħova hu lĦallieq taʼ kull forma taʼ ħajja. Huwa diffiċli li temmen li hu jistaʼ joħloq il-ħajja mill-ġdid? M’għandniex xi ngħidu, ħafna jiddependi mill-memorja li għandu Ġeħova. Jistaʼ jiftakarhom lill-għeżież mejtin tagħna? Hemm miljuni taʼ miljuni taʼ stilel fl-univers, iżda Alla jaf l-isem taʼ kull waħda minnhom! (Isaija 40:26) Għalhekk, Alla Ġeħova jistaʼ jiftakar kif kienu l-għeżież mejtin tagħna sa l-inqas dettall, u hu lest li jerġaʼ jagħtihom il-ħajja.
14, 15. Minn dak li qal Ġob, Ġeħova kif iħossu dwar li jirxoxta l-mejtin?
14 Iżda, Ġeħova kif iħossu dwar li jirxoxta l-mejtin? Il-Bibbja tgħid li hu ħerqan li jqajjem lill-mejtin. Ir-raġel leali Ġob staqsa: “Jekk il-bniedem imut, jarġaʼ jgħix?” Ġob kien qed jitkellem dwar li jistenna fil-qabar sakemm jasal iż-żmien biex Alla jiftakar fih. Hu qal lil Ġeħova: “Inti ssejjaħli, u jien inwieġbek: inti tixxennaq għal xogħol idejk.”—Ġob 14:13-15, KŻ.
15 Aħseb ftit! Ġeħova fil-fatt jixxennaq biex iġib il-mejtin lura għall-ħajja. Ma tħossx qalbek titqanqal meta ssir taf li Ġeħova jħossu hekk? Imma xi ngħidu dwar dan l-irxoxt fil-futur? Min se jiġi rxoxtat, u fejn?
“DAWK KOLLHA LI QEGĦDIN FL-OQBRA TAT-TIFKIRA”
16. Meta l-mejtin jiġu rxoxtati f’liema kundizzjonijiet se jgħixu?
16 Ir-rakkonti li nsibu fil-Bibbja dwar l-irxoxt jgħallmuna ħafna dwar l-irxoxt li għad irid iseħħ. In-nies li ġew irxoxtati hawn fuq l-art reġgħu ngħaqdu mal-maħbubin tagħhom. L-irxoxt fil-futur se jkun jixbah lil dan—biss ħafna aħjar. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 3, l-iskop t’Alla hu li l-art kollha ssir ġenna. Għalhekk, il-mejtin m’humiex se jiġu rxoxtati f’dinja mimlija gwerer, delitti, u mard. Huma se jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem fuq din l-art f’kundizzjonijiet taʼ paċi u hena.
17. Min se jiġi rxoxtat?
17 Min se jiġi rxoxtat? Ġesù qal li ‘dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħen Ġesù u joħorġu.’ (Ġwanni 5:28, 29) Bl-istess mod, Rivelazzjoni 20:13 jgħid: “Il-baħar radd il-mejtin li kienu fih, u l-mewt u Ħades raddew il-mejtin li kienu fihom.” “Ħades” jirreferi għall-qabar komuni tal-bnedmin. (Ara l-Appendiċi, paġni 212-13.) Dan il-qabar kollettiv se jitbattal. Dawk il-biljuni li qegħdin jistrieħu fl-oqbra se jerġgħu jgħixu. L-appostlu Pawlu qal: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dan xi jfisser?
18. Min hu inkluż man-“nies sewwa” li se jiġu rxoxtati, u din it-tama kif tistaʼ teffettwak personalment?
18 “In-nies sewwa” jinkludu ħafna minn dawk li naqraw dwarhom fil-Bibbja u li għexu qabel ma ġie Ġesù fuq l-art. Forsi jiġuk f’moħħok Noè, Abraham, Sara, Mosè, Rut, Ester, u ħafna oħrajn. Xi wħud minn dawn l-irġiel u n-nisa taʼ fidi huma msemmijin f’Kapitlu 11 tal-ktieb taʼ l-Ebrej. Imma n-“nies sewwa” jinkludu wkoll il-qaddejja taʼ Ġeħova li jmutu fi żmienna. Permezz tat-tama taʼ l-irxoxt, nistgħu ninħelsu minn kwalunkwe biżaʼ mill-mewt.—Ebrej 2:15.
19. Min huma “dawk li m’humiex sewwa,” u Ġeħova b’qalb tajba x’opportunità jagħtihom?
19 Xi ngħidu għan-nies kollha li ma qdewx lil Ġeħova għaliex qatt ma kienu semgħu dwaru? Dawn il-biljuni taʼ nies li “m’humiex sewwa” mhux se jintesew. Huma wkoll se jiġu rxoxtati u jingħataw iż-żmien biex jitgħallmu dwar l-Alla veru u jaqduh. Matul perijodu t’elf sena, il-mejtin se jiġu rxoxtati u jingħataw l-opportunità li jaqdu lil Ġeħova flimkien maʼ nies leali oħra fuq l-art. Se jkun żmien taʼ l-għaġeb. Il-Bibbja tirreferi għal dan il-perijodu bħala Jum il-Ġudizzju.20. X’inhi Geħenna, u min imur hemm?
20 Ifisser dan li kull bniedem li qatt għex se jiġi rxoxtat? Le. Il-Bibbja tgħid li xi wħud mill-mejtin qegħdin f’“Geħenna.” (Luqa 12:5) Geħenna ngħatat dan l-isem minħabba miżbla li kien hemm barra l-belt taʼ Ġerusalemm tal-qedem. Fiha kien jinħaraq l-iskart u l-iġsma mejtin. Dawk il-mejtin li ġisimhom kien jintefaʼ fil-miżbla kienu meqjusin mil-Lhud bħala li ma jixirqilhomx jindifnu u jiġu rxoxtati. Għalhekk, Geħenna hija simbolu xieraq taʼ qerda taʼ dejjem. Għalkemm Ġesù se jkollu l-inkarigu li jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin, Ġeħova hu l-Imħallef finali. (Atti 10:42) Hu qatt ma se jirxoxta lil dawk li jiġġudika li huma ħżiena u li ma jridux ibiddlu ħajjithom.
L-IRXOXT GĦAS-SEMA
21, 22. (a) Liema tip ieħor taʼ rxoxt hemm? (b) Min kien l-ewwel Wieħed li qatt ġie rxoxtat għall-ħajja bħala spirtu?
21 Il-Bibbja tirreferi wkoll għal tip ieħor taʼ rxoxt, irxoxt għal ħajja bħala spirtu fis-sema. Fil-Bibbja hemm eżempju wieħed biss taʼ dan it-tip taʼ rxoxt, dak taʼ Ġesù Kristu.
22 Wara li Ġesù nqatel bħala bniedem, Ġeħova ma ħalliex lill-Iben leali Tiegħu fil-qabar. (Salm 16:10; Atti 13:34, 35) Alla rxoxta lil Ġesù, imma mhux bħala bniedem. L-appostlu Pietru jispjega li Kristu “ngħata l-mewt fil-laħam, imma ngħata l-ħajja fl-ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Dan kien tassew miraklu kbir. Ġesù kien ħaj mill-ġdid bħala persuna spirtu setgħan! (1 Korintin 15:3-6) Ġesù kien l-ewwel wieħed li qatt irċieva dan it-tip glorjuż taʼ rxoxt. (Ġwanni 3:13) Imma ma kienx se jkun taʼ l-aħħar.
23, 24. Min jifforma l-“merħla żgħira” taʼ Ġesù, u kemm se jkun in-numru tagħhom?
23 Peress li kien jaf li dalwaqt kellu jmur lura lejn is-sema, Ġesù qal lis-segwaċi leali tiegħu li hu kien se ‘jħejji post’ għalihom hemmhekk. (Ġwanni 14:2) Ġesù rrefera għal dawk li sejrin fis-sema bħala l-“merħla żgħira” tiegħu. (Luqa 12:32) Kemm se jkun hemm f’dan il-grupp taʼ Kristjani leali li hu relattivament żgħir? Skond Rivelazzjoni 14:1, l-appostlu Ġwanni jgħid: “Rajt, u, ara, il-Ħaruf [Ġesù Kristu] wieqaf fuq il-Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.”
24 Dawn il-144,000 Kristjan, inkluż l-appostli leali taʼ Ġesù, jiġu mqajmin għall-ħajja fis-sema. L-irxoxt tagħhom meta jseħħ? L-appostlu Pawlu kiteb li kellu jseħħ matul iż-żmien tal-preżenza taʼ Kristu. (1 Korintin 15:23) Bħalma se titgħallem f’Kapitlu 9, aħna issa qed ngħixu f’dak iż-żmien. Għalhekk, dawk il-ftit li baqaʼ mill-144,000 li jmutu fi żmienna jiġu rxoxtati mill-ewwel għall-ħajja fis-sema. (1 Korintin 15:51-55) Madankollu, il-maġġorparti mill-bnedmin għandhom il-prospett li jiġu rxoxtati fil-futur għall-ħajja fil-Ġenna fuq l-art.
25. X’se nikkunsidraw fil-kapitlu li jmiss?
25 Iva, Ġeħova tassew se jirbaħ lill-għadu tagħna, il-mewt, u din mhix se tibqaʼ teżisti iktar! (Isaija 25:8) Iżda, forsi taħseb bejnek u bejn ruħek, ‘Dawk li se jiġu rxoxtati fis-sema x’se jagħmlu hemmhekk?’ Huma se jagħmlu parti minn gvern meraviljuż tas-Saltna fis-sema. Se nitgħallmu iktar dwar dan il-gvern fil-kapitlu li jmiss.
[Noti taʼ taħt]
^ par. 9 Ir-rakkonti l-oħra jinsabu fl-1 Slaten 17:17-24; it-2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21; Mattew 28:5-7; Luqa 7:11-17; 8:40-56; Atti 9:36-42; u 20:7-12.
^ par. 19 Għal iktar informazzjoni dwar Jum il-Ġudizzju u l-bażi li fuqha jiġu ġudikati n-nies, jekk jogħġbok ara l-Appendiċi, paġni 213-15.
DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA
▪ Ir-rakkonti dwar l-irxoxt li nsibu fil-Bibbja jagħtuna tama ċerta.—Ġwanni 11:39-44.
▪ Ġeħova hu ħerqan li jġib il-mejtin lura għall-ħajja.—Ġob 14:13-15, KŻ.
▪ Dawk kollha fil-qabar komuni tal-bnedmin se jiġu rxoxtati.—Ġwanni 5:28, 29.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 69]
Elija rxoxta lil bin waħda armla.—1 Slaten 17:17-24
[Stampa f’paġna 69]
L-irxoxt taʼ Lazzru ġab ferħ kbir.—Ġwanni 11:38-44
[Stampa f’paġna 69]
L-appostlu Pietru rxoxta lill-mara Kristjana jisimha Dorka.—Atti 9:36-42
[Stampa f’paġna 75]
Fil-Ġenna taʼ l-art, il-mejtin se jqumu u jingħaqdu mill-ġdid mal-maħbubin tagħhom