Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhuma Xeol u Ħades?

X’Inhuma Xeol u Ħades?

APPENDIĊI

X’Inhuma Xeol u Ħades?

FIL-​LINGWI oriġinali tagħha, il-​Bibbja tuża l-​kelma Ebrajka xeol u l-​kelma Griega ekwivalenti għaliha ħajdes iktar minn 70 darba. Iż-​żewġ kelmiet għandhom x’jaqsmu mal-​mewt. Xi traduzzjonijiet tal-​Bibbja jittraduċu dan il-​kliem bħala “qabar,” “infern,” jew “Art l-​Imwiet.” Madankollu, fil-​maġġuranza tal-​lingwi m’hemm ebda kelma li twassal is-​sens preċiż taʼ dawn it-​termini bl-​Ebrajk u bil-​Grieg. Għalhekk, in-​New World Translation tuża t-​termini “Xeol” u “Ħades.” Dawn it-​termini xi jfissru tassew? Ejja naraw kif jintużaw f’siltiet differenti fil-​Bibbja.

Koħèlet 9:​10 jgħid: “Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-​Imwiet [“Xeol,” NW] fejn inti sejjer.” Ifisser dan li Xeol jirreferi għal xi post speċifiku, jew individwali, fejn stajna dfinna lil xi ħadd mill-​maħbubin tagħna? Le. Meta l-​Bibbja tirreferi għal xi post tad-​dfin, jew qabar, normalment tuża kliem Ebrajk jew Grieg ieħor, mhux xeol u ħajdes. Barra minn hekk, il-​Bibbja ma tużax il-​kelma “Xeol” għal qabar li fih hemm diversi individwi midfuna flimkien, bħal xi qabar tal-​familja jew qabar għal ħafna nies f’daqqa.​—Ġenesi 49:​30, 31.

Allura għal liema tip taʼ post qed jirreferi “Xeol”? Il-​Kelma t’Alla tindika li “Xeol,” jew “Ħades,” jirreferi għal xi ħaġa li hija ħafna iktar minn xi qabar kbir għal ħafna nies f’daqqa. Per eżempju, f’Isaija 5:​14 hemm miktub li Xeol ‘iwessaʼ griżmejh u jiftaħ ħalq daqsiex.’ Għalkemm Xeol diġà belaʼ, biex ngħidu hekk, għadd bla tarf taʼ nies mejta, xorta jidher li jibqaʼ bil-​ġuħ. (Proverbji 30:​15, 16) Kuntrarju għal xi post letterali tad-​dfin, li jistaʼ jżomm fih għadd limitat taʼ mejtin, “Xeol . . . ma jixbaʼ qatt.” (Ħabakkuk 2:5) Xeol qatt ma jimtela. M’għandux limiti. Għalhekk, Xeol, jew Ħades, m’huwiex xi mkien letterali f’xi post speċifiku. Minflok, huwa l-​qabar komuni tal-​bnedmin kollha li jmutu, il-​post figurattiv fejn il-​maġġuranza tal-​bnedmin jinsabu reqdin fil-​mewt.

It-​tagħlim tal-​Bibbja dwar l-​irxoxt jgħinna niksbu iktar dehen dwar it-​tifsir taʼ “Xeol” u “Ħades.” Il-​Kelma t’Alla tassoċja lil Xeol u Ħades mat-​tip taʼ mewt li minnha jkun hemm irxoxt. * (Ħosegħa 13:14; Atti 2:31; Rivelazzjoni 20:13) Il-​Kelma t’Alla turi wkoll li dawk li jinsabu f’Xeol, jew Ħades, jinkludu mhux dawk biss li qdew lil Ġeħova imma wkoll lil ħafna li ma qdewhx. (Ġenesi 37:​35, NW; Salm 55:16, 15, NW) Għalhekk, il-​Bibbja tgħallem li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.”​—Atti 24:15.

[Nota taʼ taħt]

^ par. 6 B’kuntrast, il-​mejtin li mhux se jiġu mqajmin m’humiex deskritti li huma f’Xeol, jew Ħades, imma “f’Geħenna.” (Mattew 5:30; 10:28; 23:33) Bħal Xeol u Ħades, Geħenna m’huwiex xi post letterali.