STORJA 115
Ġenna Ġdida fuq l-Art
ĦARES lejn dawn is-siġar twal, il-fjuri sbieħ, u l-muntanji għoljin. Kemm hawn sabiħ, hux? Ara ċ-ċerva li qed tiekol minn id it-tifel ċkejken! U ara l-iljuni u ż-żwiemel hemm fuq il-ħaxix. Ma tixtieqx kieku tgħix f’dar f’post bħal dan?
Alla jridek tgħix għal dejjem f’ġenna fuq l-art. Ma jridekx tbati mill-uġigħ u l-inkwiet li jkollhom in-nies illum. Din hi l-wegħda tal-Bibbja għal dawk li se jgħixu fil-ġenna tal-art ġdida: ‘Alla se jkun magħhom. Mhux se jkun hemm iktar mewt jew biki jew uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.’
Ġesù se jagħmel ċert li ssir din il-bidla meraviljuża. Taf meta? Iva, wara li jnaddaf l-art mill-ħażen u min-nies ħżiena kollha. Tinsiex, meta Ġesù kien fuq l-art hu fejjaq lin-nies minn kull xorta taʼ mard, u saħansitra qajjem lin-nies mill-mewt. Ġesù għamel dan biex juri x’kien se jagħmel mal-art kollha meta jsir is-Sultan tas-Saltna t’Alla.
Aħseb ftit kemm se tkun tal-għaġeb il-ħajja fil-ġenna ġdida fuq l-art! Ġesù se jkun qed isaltan mis-sema flimkien maʼ xi ftit minn dawk li jagħżel. Dawn il-ħakkiema se jieħdu ħsieb lil kulħadd fuq l-art u jagħmlu ċert li jkunu ferħanin. Ejja naraw xi rridu nagħmlu biex inkunu ċerti li Alla se jagħtina l-ħajja taʼ dejjem fil-ġenna tal-art ġdida tiegħu.