Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 116

Kif Nistgħu Ngħixu Għal Dejjem

Kif Nistgħu Ngħixu Għal Dejjem

QED tara x’qed jaqraw din it-​tifla ċkejkna u l-​ħbieb tagħha? Iva, qed jaqraw l-​istess ktieb li qed taqra int—Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja. U qed jaqraw eżatt l-​istess storja li qed taqra int—“Kif Nistgħu Ngħixu Għal Dejjem.”

Taf x’qed jitgħallmu? L-​ewwel, li għandna bżonn inkunu nafu dwar Ġeħova u Ibnu Ġesù jekk se ngħixu għal dejjem. Il-​Bibbja tgħid: ‘Biex tgħix għal dejjem trid titgħallem dwar l-​uniku Alla veru u dwar l-​Iben li bagħat fuq l-​art, Ġesù Kristu.’

Kif nistgħu nitgħallmu dwar Alla Ġeħova u Ibnu Ġesù? Mod wieħed hu billi naqraw Il-​Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-​Bibbja minn qoxra sa qoxra. Jgħidilna ħafna dwar Ġeħova u Ġesù, hux veru? U jgħidilna ħafna dwar l-​affarijiet li diġà u għad iridu jagħmlu. Imma aħna rridu nagħmlu iktar milli sempliċement naqraw dan il-​ktieb.

Qed tara dak il-​ktieb l-​ieħor mal-​art? Hija l-​Bibbja. Staqsi lil xi ħadd biex jaqralek is-​siltiet mill-​Bibbja li minnhom ittieħdu l-​istejjer taʼ dan il-​ktieb. Il-​Bibbja tagħti l-​informazzjoni sħiħa li għandna bżonn biex kollha nkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova b’mod tajjeb u nirċievu l-​ħajja taʼ dejjem. Għalhekk imissna nagħmluha drawwa li nistudjaw il-​Bibbja spiss.

Imma mhuwiex biżżejjed li sempliċement nitgħallmu dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Jistaʼ jkollna ħafna u ħafna għarfien dwarhom u dwar it-​tagħlim tagħhom u xorta ma niħdux il-​ħajja taʼ dejjem. Taf x’hemm bżonn iktar?

Irridu wkoll ngħixu fi qbil mal-​affarijiet li nitgħallmu. Tiftakar lil Ġuda l-​Iskarjota? Hu kien wieħed mit-​12 li Ġesù għażel biex ikunu l-​appostli tiegħu. Ġuda kellu ħafna għarfien dwar Ġeħova u Ġesù. Imma xi ġralu? Wara ftit sar egoist u ttradixxa lil Ġesù billi tah f’idejn l-​għedewwa tiegħu għal 30 biċċa tal-​fidda. Għalhekk, Ġuda mhux se jieħu l-​ħajja taʼ dejjem.

Tiftakar lil Geħażi, ir-​raġel li tgħallimna dwaru fi Storja 69? Hu ried li jkollu xi ħwejjeġ u flus li ma kinux tiegħu. Allura gideb biex jieħu dawn l-​affarijiet. Imma Ġeħova kkastigah. U se jikkastiga lilna wkoll jekk ma nobdux il-​liġijiet tiegħu.

Imma hemm ħafna nies tajbin li dejjem qdew lil Ġeħova b’mod leali. Aħna rridu nkunu bħalhom, hux veru? Iċ-​ċkejken Samwel hu eżempju tajjeb x’nimitaw. Ftakar, bħalma rajna fi Storja 55, kellu biss erbaʼ jew ħames snin meta beda jaqdi lil Ġeħova fit-​tabernaklu tiegħu. Allura għandek kemm għandek żmien, m’intix żgħir wisq biex taqdi lil Ġeħova.

Ovvjament, dak li kollha rridu nimitaw hu Ġesù Kristu. Anki meta kien tifel żgħir, kif rajna fi Storja 87, hu kien hemm fit-​tempju jitkellem m’oħrajn dwar Missieru tas-​sema. Ejja nkunu bħalu. Ejja ngħidu lil kemm jistaʼ jkun nies dwar l-​Alla meraviljuż tagħna, Ġeħova, u dwar Ibnu, Ġesù Kristu. Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet, imbagħad inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem fil-​ġenna ġdida t’Alla fuq l-​art.