Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 19

Ġakobb Għandu Familja Kbira

Ġakobb Għandu Familja Kbira

ĦARES ftit lejn din il-​familja kbira. Dawn huma t-​12-​il iben taʼ Ġakobb. U kellu wlied bniet ukoll. Taf xi ismijiet taʼ xi ħadd minn dawn it-​tfal? Ejja nitgħallmu ftit minnhom.

Lea wildet lil Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda. Meta Rakele rat li ma kienx qed ikollha tfal, tnikktet ħafna. Għalhekk, tat il-​qaddejja tagħha, Bilħa, lil Ġakobb u Bilħa wildet żewġ subien li kien jisimhom Dan u Naftali. Imbagħad, Lea wkoll tat il-​qaddejja tagħha, Żilfa, lil Ġakobb, u Żilfa wildet lil Gad u Aser. Imbagħad, Lea kellha żewġ subien oħrajn, Issakar u Żebulun.

Fl-​aħħar, Rakele setaʼ jkollha tifel. Semmietu Ġużeppi. Iktar ’il quddiem se nitgħallmu ħafna iktar dwar Ġużeppi, għax sar persuna importanti ħafna. Dawn kienu l-​11-​il iben li twieldu lil Ġakobb meta kien jgħix maʼ missier Rakele, Laban.

Ġakobb kellu wkoll xi bniet, imma l-​Bibbja tagħti l-​isem taʼ waħda minnhom biss. Kien jisimha Dina.

Wasal iż-​żmien meta Ġakobb iddeċieda li jitlaq lil Laban u jmur lura f’Kangħan. Għalhekk, ġabar flimkien il-​familja kbira tiegħu u l-​imrieħel kbar taʼ nagħaġ u baqar, u beda l-​vjaġġ twil.

Wara li Ġakobb u l-​familja tiegħu kienu ilhom ftit li marru lura Kangħan, Rakele wildet iben ieħor. Dan ġara meta kienu qed jivvjaġġaw. Rakele batiet, u fl-​aħħar mietet waqt li kienet qed tiled. Imma t-​tarbija tifel salva. Ġakobb semmieh Benjamin.

Irridu niftakru l-​ismijiet tat-​12-​il tifel taʼ Ġakobb għax il-​ġens kollu t’Iżrael ġie minnhom. Infatti, it-​12-​il tribù t’Iżrael huma msemmijin għal 10 mis-​subien taʼ Ġakobb u ż-​żewġ subien taʼ Ġużeppi. Iżakk għex għal ħafna snin wara li twieldu dawn is-​subien kollha, u bilfors li kien ferħan li kellu tant neputijiet. Imma ejja naraw xi ġralha n-​neputija tiegħu Dina.