STORJA 13
Abraham—Ħabib t’Alla
WIEĦED mill-postijiet fejn marru jgħixu n-nies wara d-Dilluvju kien jismu Ur. Dan sar belt importanti b’xi djar sbieħ. Imma n-nies li kienu jgħixu hemm kienu jqimu lill-allat foloz. Anki f’Babel, hekk kienu jagħmlu. In-nies t’Ur u Babel ma kinux bħal Noè u ibnu Sem li baqgħu jaqdu lil Ġeħova.
Fl-aħħar, 350 sena wara d-dilluvju, ir-raġel leali Noè miet. Ir-raġel li qed tara fl-istampa twieled sentejn biss wara. Kien persuna speċjali ħafna għal Alla. Kien jismu Abraham. Kien jgħix mal-familja tiegħu fil-belt t’Ur.
Darba minnhom, Ġeħova qal lil Abraham: ‘Itlaq minn Ur u lill-qraba tiegħek, u mur f’pajjiż li se nurik.’ Obda Abraham lil Alla u ħalla warajh il-kumditajiet kollha t’Ur? Iva. U kien għax Abraham dejjem obda lil Alla li sar magħruf bħala l-ħabib t’Alla.
Xi wħud mill-familja t’Abraham marru miegħu meta telaq minn Ur. Missieru, Teraħ, hekk għamel. U anki n-neputi tiegħu Lot. U m’għandniex xi ngħidu, il-mara t’Abraham, Sara, ukoll marret. Maż-żmien, kollha waslu f’post jismu Ħaran, fejn miet Teraħ. Kienu ’l bogħod ħafna minn Ur.
Wara ftit, Abraham u n-nies taʼ daru telqu minn Ħaran u waslu fl-art li jisimha Kangħan. Hemmhekk Ġeħova qal: ‘Din hi l-art li se nagħti lil uliedek.’ Abraham baqaʼ f’Kangħan u għex fit-tined.
Alla beda jgħin lil Abraham, u b’hekk kellu mrieħel kbar taʼ nagħaġ u annimali oħrajn u mijiet taʼ qaddejja. Imma hu u Sara baqgħu bla tfal.
Meta Abraham kellu 99 sena, Ġeħova qallu: ‘Inwiegħdek li int se ssir missier taʼ ħafna ġnus taʼ nies.’ Imma dan kif setaʼ jiġri ladarba Abraham u Sara issa kienu xjaħu wisq biex ikollhom it-tfal?