Għala Mosè Ħarab
STORJA 29
Għala Mosè Ħarab
ĦARES lejn Mosè! Qiegħed jaħrab mill-Eġittu! Qed tarahom l-irġiel jiġru warajh? Taf għala jridu joqtlu lil Mosè? Ejja naraw flimkien.
Mosè trabba fid-dar tal-Fargħun, il-ħakkiem tal-Eġittu. Hu sar raġel għaref u importanti ħafna. Mosè kien jaf li mhuwiex Eġizzjan, u li l-ġenituri veri tiegħu kienu lsiera Iżraelin.
Ġurnata minnhom, meta kellu 40 sena, Mosè ddeċieda li jmur jara kif kienu għaddejjin niesu. Kien tal-biżaʼ l-mod kif kienu trattati. Hu ra lil wieħed Eġizzjan isawwat ilsir Iżraeli. Mosè ta ħarsa madwaru, u meta ra li ma kien hemm ħadd iħares, ta daqqa lill-Eġizzjan u dan miet. Imbagħad, Mosè ħeba l-ġisem tal-Eġizzjan fir-ramel.
L-għada, Mosè reġaʼ ħareġ biex jara lil niesu. Hu ħaseb li setaʼ jgħinhom ħalli ma jkollhomx għalfejn ikunu lsiera iktar. Imma ra żewġt irġiel Iżraelin jiġġieldu, allura Mosè qal lil dak li kellu t-tort: ‘Għala qed issawwat lil ħuk?’
Ir-raġel qal: ‘Min għamlek il-ħakkiem u l-imħallef tagħna? Jaqaw ħa toqtolni bħalma qtilt lil dak l-Eġizzjan?’
Issa Mosè jibda jibżaʼ. Kien jaf li n-nies kienu indunaw x’kien għamel lill-Eġizzjan. Anki l-Fargħun semaʼ b’dan, u bagħat xi rġiel biex joqtlu lil Mosè. Hu għalhekk li Mosè kellu jaħrab mill-Eġittu.
Meta Mosè telaq mill-Eġittu, mar ’il bogħod ħafna, fl-art taʼ Midjan. Hemmhekk iltaqaʼ mal-familja taʼ Ġetro, u żżewweġ lil waħda mill-bniet tiegħu li kien jisimha Sefora. Mosè sar ragħaj u ħa ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġetro. Għal 40 sena għex fl-art taʼ Midjan. Issa kellu 80 sena. Imbagħad, ġurnata waħda, waqt li Mosè kien qed jieħu ħsieb in-nagħaġ taʼ Ġetro, ġrat xi ħaġa tal-għaġeb li biddlet għalkollox il-ħajja taʼ Mosè. Dawwar il-paġna, u ejja naraw x’inhi din il-ħaġa tal-għaġeb.