STORJA 23
Il-Ħolm tal-Fargħun
JGĦADDU sentejn, u Ġużeppi għadu l-ħabs. Il-kuppier ma ftakarx fih. Imbagħad, lejla minnhom, il-Fargħun ħolom żewġ ħolmiet speċjali ħafna, u hu jitħasseb dwar xi jfissru. Qed tarah hemmhekk rieqed? L-għada filgħodu, il-Fargħun isejjaħ lill-għorrief tiegħu u jgħidilhom xi jkun ħolom. Imma mhumiex kapaċi jgħidulu xi jfisser il-ħolm.
Issa, fl-aħħar, il-kuppier jiftakar f’Ġużeppi. Hu jgħid lill-Fargħun: ‘Meta kont il-ħabs kien hemm raġel li kien jaf ifisser il-ħolm.’ Il-Fargħun jordna li Ġużeppi jinħareġ mill-ħabs minnufih.
Il-Fargħun jgħid lil Ġużeppi x’ħolom: ‘Rajt sebaʼ baqriet ħoxnin u sbieħ. Imbagħad, rajt sebaʼ baqriet irqaq ħafna u kollhom għadam. Il-baqar irqaq kielu l-baqar ħoxnin.
‘Fit-tieni ħolma rajt sebat irjus tal-qamħ sbieħ u misjurin fuq zokk wieħed. Imbagħad, rajt sebat irjus tal-qamħ nexfin. U l-irjus tal-qamħ nexfin bdew jibilgħu s-sebat irjus tal-qamħ tajbin.’
Ġużeppi jgħid lill-Fargħun: ‘Iż-żewġ ħolmiet ifissru l-istess ħaġa. Is-sebaʼ baqriet ħoxnin u s-sebat irjus tal-qamħ sbieħ ifissru sebaʼ snin. Is-sebaʼ baqriet irqaq u s-sebat irjus tal-qamħ nexfin ifissru sebaʼ snin oħra. Se jiġu sebaʼ snin meta jkun hemm ħafna ikel fl-Eġittu. Imbagħad, se jiġu sebaʼ snin meta ftit li xejn ikun hemm ikel.’
Għalhekk, Ġużeppi jgħid lill-Fargħun: ‘Agħżel raġel bil-għaqal u għidlu biex jiġbor l-ikel waqt is-sebaʼ snin tajbin. B’hekk, in-nies ma jmutux bil-ġuħ matul is-sebaʼ snin ħżiena taʼ wara meta ftit li xejn ikun hemm ikel.’
Il-Fargħun togħġbu l-idea. U hu jagħżel lil Ġużeppi biex jiġbor u jaħżen l-ikel. Ġużeppi jsir l-iktar raġel importanti fl-Eġittu wara l-Fargħun.
Tmien snin wara, fiż-żmien li kien hemm il-ġuħ, Ġużeppi jara xi rġiel ġejjin. Taf min huma? Ħadd ħlief l-10 ħutu l-kbar! Missierhom Ġakobb bagħathom l-Eġittu għax kien se jispiċċalhom l-ikel lura f’Kangħan. Ġużeppi għarafhom lil ħutu imma huma m’għarfuhx. Taf għala? Għax Ġużeppi kiber u liebes ħwejjeġ differenti.
Ġużeppi jiftakar li meta kien tifel, kien ħolom dwar kif ħutu kienu se jiġu jbaxxu rashom quddiemu. Tiftakar meta qrajt dwar dan? Għalhekk Ġużeppi jistaʼ jara li kien Alla li bagħtu l-Eġittu, u kellu raġuni tajba. X’taħseb li jagħmel Ġużeppi? Ejja naraw.