Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 25

Il-Familja Tmur Tgħix l-Eġittu

Il-Familja Tmur Tgħix l-Eġittu

ĠUŻEPPI ma jiflaħx iżomm iżjed. Hu jgħid lill-​qaddejja kollha tiegħu biex joħorġu mill-​kamra. Meta jkun waħdu maʼ ħutu, Ġużeppi jibda jibki. Nistgħu nimmaġinaw kemm jistagħġbu ħutu, għax ma jafux għala qed jibki. Fl-​aħħar jgħid: ‘Jien Ġużeppi. Għadu ħaj missieri?’

Ħutu tant huma mistagħġbin li ma jifilħux jitkellmu. Qed jibżgħu. Imma Ġużeppi jgħid: ‘Jekk jogħġobkom, ersqu viċin.’ Meta jagħmlu dan, hu jgħid: ‘Jien ħukom Ġużeppi li intom begħtu għal ġol-​Eġittu.’

Ġużeppi jibqaʼ jkellimhom b’qalb tajba: ‘Twaħħlux fikom infuskom għax begħtuni hawn. Kien verament Alla li bagħatni l-​Eġittu biex insalva l-​ħajjiet tan-​nies. Il-​Fargħun qegħedni ħakkiem tal-​pajjiż kollu. Għalhekk, issa għaġġlu lura għand missieri u għidulu b’dan. U għidulu jiġi jgħix hawn.’

Imbagħad, Ġużeppi jdawwar idejh madwar ħutu, u jgħannaqhom u jbushom kollha. Meta l-​Fargħun isir jaf li ġew ħut Ġużeppi, jgħid lil Ġużeppi: ‘Ħallihom jieħdu karrijiet biex iġibu lil missierhom u lill-​familji tagħhom lura hawn. Jien se nagħtihom l-​aħjar art mill-​Eġittu kollu.’

Hekk għamlu. Hawnhekk tistaʼ tara lil Ġużeppi jiltaqaʼ maʼ missieru meta ġie l-​Eġittu mal-​familja kollha tiegħu.

Il-​familja taʼ Ġakobb kienet saret kbira ħafna. B’kollox, jekk ngħoddu lil Ġakobb u t-​tfal tiegħu u t-​tfal tat-​tfal, kien hemm 70 ruħ meta marru jgħixu l-​Eġittu. Imma kien hemm ukoll in-​nisa, u probabbli ħafna qaddejja wkoll. Dawn kollha marru jgħixu l-​Eġittu. Kienu jissejħu Iżraelin, għax Alla kien biddel l-​isem taʼ Ġakobb għal Iżrael. L-​Iżraelin saru poplu tassew speċjali għal Alla, kif se naraw iktar ’il quddiem.