Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 15

Il-Mara taʼ Lot Ħarset Lura

Il-Mara taʼ Lot Ħarset Lura

LOT u l-​familja tiegħu għexu flimkien m’Abraham fl-​art taʼ Kangħan. Darba waħda Abraham qal lil Lot: ‘M’hawnx biżżejjed art għall-​annimali tagħna kollha. Jekk jogħġbok, ejja ninfirdu. Jekk int tmur naħa, jien immur in-​naħa l-​oħra.’

Lot ta ħarsa lejn l-​art taʼ madwaru. Hu ra post sabiħ ħafna li kellu l-​ilma u ħafna ħaxix tajjeb għall-​annimali tiegħu. Dawn kienu l-​inħawi tal-​Ġordan. Għalhekk, Lot ħa l-​familja u l-​annimali tiegħu hemmhekk. Fl-​aħħar, marru jgħixu fil-​belt taʼ Sodoma.

In-​nies taʼ Sodoma kienu ħżiena ħafna. Dan inkwieta lil Lot, għax hu kien raġel tajjeb. Anki Alla inkwieta. Fl-​aħħar, Alla bagħat żewġ anġli biex iwissu lil Lot li kien se jeqred lil Sodoma u l-​belt taʼ Gomorra, li kienet fil-​viċin, minħabba l-​ħażen tagħhom.

L-​anġli qalu lil Lot: ‘Ħaffef! Ħu lil martek u liż-​żewġt ibniet tiegħek u oħroġ minn hawn!’ Lot u l-​familja tiegħu qagħdu jaħsbuha biex jitilqu, u għalhekk l-​anġli qabduhom minn idejhom u ħarġuhom mill-​belt. Imbagħad, wieħed mill-​anġli qal: ‘Iġru kemm tifilħu! Tħarsux lura. Iġru lejn l-​għoljiet ħalli ma tinqatlux.’

Lot u t-​tfal bniet tiegħu obdew u ħarbu minn Sodoma. Ma waqfux, lanqas darba, u ma ħarsux lura. Imma l-​mara taʼ Lot m’obdietx. Wara li kienu tbiegħdu ftit minn Sodoma, hi waqfet u ħarset lura għax riedet ħafna dak li ħalliet warajha. Imbagħad, il-​mara taʼ Lot saret kolonna tal-​melħ. Qed taraha fl-​istampa?

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni tajba minn dan. Nitgħallmu li Alla jsalva lil dawk li jobduh, imma dawk li ma jobduhx se jitilfu l-​ħajja tagħhom.