Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 33

Jaqsmu l-Baħar l-Aħmar

Jaqsmu l-Baħar l-Aħmar

ARA x’qed jiġri! Dan Mosè bil-​bastun maħruġ ’il barra fuq il-​Baħar l-​Aħmar. Dawk li huma fis-​sigurtà fuq in-​naħa tiegħu huma l-​Iżraelin. Iżda l-​Fargħun u l-​armata kollha tiegħu qed jegħrqu fil-​baħar. Ejja naraw kif ġara dan.

Bħalma tgħallimna, il-​Fargħun qal lill-​Iżraelin biex jitilqu mill-​Eġittu wara li Alla ġab l-​għaxar kastig fuq l-​Eġizzjani. Xi 600,000 raġel Iżraeli telaq, kif ukoll ħafna nisa u tfal. Ukoll, mal-​Iżraelin marru numru kbir taʼ nies oħrajn, li kienu saru jemmnu f’Ġeħova. Dawn kollha ħadu magħhom in-​nagħaġ u l-​mogħoż u l-​baqar tagħhom.

Qabel ma telqu, l-​Iżraelin talbu l-​Eġizzjani ħwejjeġ u affarijiet tad-​deheb u l-​fidda. L-​Eġizzjani kienu qed jibżgħu ħafna, minħabba l-​aħħar kastig li kien ġie fuqhom. Allura, taw lill-​Iżraelin dak kollu li talbu għalih.

Wara ftit ġranet, l-​Iżraelin waslu ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar. Hemmhekk straħu. Sadanittant, il-​Fargħun u l-​irġiel tiegħu beda jiddispjaċihom li kienu bagħtu lill-​Iżraelin. Huma qalu: ‘Ħallejna l-​ilsiera tagħna jitilqu!’

Għalhekk, il-​Fargħun reġaʼ biddel fehmtu. Malajr lesta l-​karru tal-​gwerra u l-​armata tiegħu. Imbagħad, beda jiġri wara l-​Iżraelin b’600 karru speċjali, kif ukoll bil-​karrijiet l-​oħrajn kollha tal-​Eġittu.

Meta l-​Iżraelin raw lill-​Fargħun u l-​armata tiegħu ġejjin warajhom, huma bdew jibżgħu ħafna. Ma kienx hemm fejn jaħarbu. Il-​Baħar l-​Aħmar kien fuq naħa waħda, u l-​Eġizzjani kienu ġejjin min-​naħa l-​oħra. Imma Ġeħova poġġa sħaba bejn in-​nies tiegħu u l-​Eġizzjani. Għalhekk, l-​Eġizzjani ma setgħux jaraw lill-​Iżraelin biex jattakkawhom.

Ġeħova mbagħad qal lil Mosè biex joħroġ il-​bastun tiegħu ’l barra fuq il-​Baħar l-​Aħmar. Meta għamel hekk, Ġeħova ġiegħel li jonfoħ riħ qawwi mil-​Lvant. L-​ilmijiet tal-​baħar infirdu, u dawn inżammu weqfin fuq iż-​żewġ naħat.

Imbagħad, l-​Iżraelin bdew mexjin minn ġol-​baħar fuq art niexfa. Dawk il-​miljuni taʼ nies flimkien mal-​annimali kollha tagħhom damu sigħat sħaħ biex jgħaddu bla periklu minn nofs il-​baħar san-​naħa l-​oħra. Fl-​aħħar, l-​Eġizzjani setgħu jerġgħu jaraw lill-​Iżraelin. L-​ilsiera tagħhom kienu qed jaħarbu! Għalhekk, ġrew għal ġol-​baħar warajhom.

Meta għamlu dan, Alla ġiegħel lir-​roti tal-​karrijiet tagħhom jinqalgħu. L-​Eġizzjani bdew jibżgħu ħafna u bdew jgħajtu: ‘Ġeħova qed jiġġieled għan-​nom tal-​Iżraelin kontrina. Ejjew noħorġu minn hawn!’ Imma kien tard wisq.

Kien hawnhekk li Ġeħova qal lil Mosè biex joħroġ ’il barra l-​bastun tiegħu fuq il-​Baħar l-​Aħmar, kif rajt fl-​istampa. U meta Mosè għamel dan, il-​ħitan tal-​ilma bdew jinżlu u jgħattu lill-​Eġizzjani u l-​karrijiet tagħhom. L-​armata kollha kienet marret wara l-​Iżraelin ġol-​baħar. U lanqas Eġizzjan wieħed ma salva!

Kemm feraħ il-​poplu kollu t’Alla għax kien salva! L-​irġiel kantaw għanja taʼ ringrazzjament lil Ġeħova, billi qalu: ‘Ġeħova kellu rebħa glorjuża. Waddab liż-​żwiemel u lir-​rikkieba tagħhom fil-​baħar.’ Oħt Mosè, Mirjam, qabdet it-​tanburlin tagħha, u n-​nisa kollha qabdu t-​tanburlini tagħhom ukoll. U hekk kif żifnu bil-​ferħ, kantaw l-​istess għanja li kienu qed ikantaw l-​irġiel: ‘Ġeħova kellu rebħa glorjuża. Waddab liż-​żwiemel u lir-​rikkieba tagħhom fil-​baħar.’