Kif Ġie Salvat it-Tarbija Mosè
STORJA 28
Kif Ġie Salvat it-Tarbija Mosè
QED tara liċ-ċkejken tarbija tifel jibki, u jżomm mas-sabaʼ tas-sinjura? Dan hu Mosè. Taf min hi s-sinjura sabiħa? Din hija prinċipessa Eġizzjana, bint il-Fargħun stess.
Omm Mosè ħbiet lit-tarbija tifel tagħha sakemm kellu tliet xhur, għax ma riditx li jinqatel mill-Eġizzjani. Imma kienet taf li Mosè setaʼ jinstab, allura ara x’għamlet biex issalvah.
Ħadet qoffa u rranġatha ħalli ma jidħolx ilma fiha. Imbagħad, qiegħdet lil Mosè ġo fiha, u poġġiet il-qoffa qalb il-ħaxix twil li kien hemm tul ix-Xmara Nil. Oħt Mosè, Mirjam, kellha toqgħod fil-viċin u tara x’jiġri.
Wara ftit, bint il-Fargħun ġiet ħdejn ix-Xmara Nil ħalli tinħasel. F’daqqa waħda, rat il-qoffa qalb il-ħaxix twil. Sejħet lil waħda mill-qaddejja tagħha u qaltilha: ‘Mur ġibli dik il-qoffa.’ Meta l-prinċipessa fetħet il-qoffa, x’tarbija mill-isbaħ rat! Iċ-ċkejken Mosè kien qed jibki, u l-prinċipessa tħassritu. Ma riditx li jiġi maqtul.
Imbagħad tfaċċat Mirjam. Tistaʼ taraha fl-istampa. Mirjam staqsiet lil bint il-Fargħun: ‘Trid immur insejjaħlek mara Iżraelija biex trabbi t-tarbija għalik?’
‘Iva, jekk jogħġbok,’ wieġbet il-prinċipessa.
Allura, Mirjam marret tiġri malajr biex tgħid lil ommha. Meta omm Mosè ġiet ħdejn il-prinċipessa, il-prinċipessa qalet: ‘Ħu din it-tarbija u rabbiha għalija u jien inħallsek.’
Għalhekk, omm Mosè ħadet ħsieb it-tifel tagħha stess. Iktar tard, meta Mosè kiber biżżejjed, ħaditu għand bint il-Fargħun, u din adottatu bħal binha stess. Dan hu kif Mosè spiċċa jikber fid-dar tal-Fargħun.