STORJA 11
L-Ewwel Qawsalla
TAF x’kienet l-ewwel ħaġa li għamel Noè malli hu u l-familja tiegħu ħarġu mill-arka? Għamel offerta, jew rigal, lil Alla. Tistaʼ tarah jagħmel dan fl-istampa t’hawn taħt. Noè offra dan ir-rigal t’annimali biex jgħid grazzi lil Alla talli salva lill-familja tiegħu mid-dilluvju l-kbir.
Taħseb li Ġeħova ħa pjaċir bir-rigal? Iva. U għalhekk, għamel wegħda maʼ Noè li qatt mhu se jerġaʼ jeqred id-dinja permezz taʼ dilluvju.
Ma damitx ma nixfet l-art, u Noè u l-familja tiegħu bdew ħajja ġdida barra l-arka. Alla berikhom u qal: ‘Irid ikollkom ħafna tfal. Tridu tiżdiedu sakemm in-nies jgħixu fuq l-art kollha.’
Imma maż-żmien, meta n-nies kienu se jisimgħu fuq id-dilluvju l-kbir forsi kienu se jibżgħu li jerġaʼ jiġri dilluvju bħal dan. Allura Alla ta xi ħaġa li kienet se tfakkar lin-nies fil-wegħda tiegħu li mhux se jerġaʼ jgħarraq lid-dinja kollha. Taf x’tahom biex ifakkarhom? Tahom qawsalla.
Spiss, qawsalla tidher fis-sema meta x-xemx tiddi wara ħalba xita. Il-qawsalla jkollha ħafna kuluri sbieħ. Ġieli rajt waħda? Tistaʼ tara l-qawsalla fl-istampa?
Alla qal: ‘Jien inwiegħed li qatt iktar ma se jinqerdu n-nies u l-annimali kollha permezz taʼ dilluvju. Jien se npoġġi l-qawsalla tiegħi fis-sħab. U meta tidher il-qawsalla, jien naraha u niftakar f’dil-wegħda li għamilt.’
Allura, meta tara qawsalla, fiex għandha tfakkrek? Iva, fil-wegħda t’Alla li qatt mhu se jerġaʼ jeqred id-dinja permezz taʼ dilluvju kbir.