STORJA 16
Mara Tajba Għal Iżakk
TAF min hi l-mara fl-istampa? Jisimha Rebekka. U r-raġel li ġejja tiltaqaʼ miegħu hu Iżakk. Se ssir il-mara tiegħu. Dan kif ġara?
Mela, missier Iżakk, Abraham, ried isib mara tajba għal ibnu. Ma riedx li Iżakk jiżżewweġ waħda min-nisa taʼ Kangħan, għax dawn in-nies kienu jqimu allat foloz. Għalhekk, Abraham sejjaħ lill-qaddej tiegħu u qallu: ‘Irridek tmur lura Ħaran, fejn jgħixu qrabati u ssib mara għal ibni Iżakk.’
Mill-ewwel, il-qaddej t’Abraham ħa għaxar iġmla u telaq għall-vjaġġ twil. Meta wasal viċin tal-post fejn kienu jgħixu l-qraba t’Abraham, hu waqaf ħdejn bir. Kien tard waranofsinhar, il-ħin meta n-nisa tal-belt kienu joħorġu biex iġibu l-ilma mill-bir. Għalhekk, il-qaddej t’Abraham qal talba lil Ġeħova: ‘Jalla l-mara li ġġib l-ilma għalija u għall-iġmla tkun dik li int tagħżel biex tkun il-mara t’Iżakk.’
Ftit wara, ġiet Rebekka biex iġġib l-ilma. Meta l-qaddej talabha tagħtih x’jixrob, hi hekk għamlet. Imbagħad, marret u ġabet biżżejjed ilma biex jixorbu l-iġmla kollha, li kienu bil-għatx. Din kienet biċċa xogħol iebsa għax l-iġmla jixorbu ħafna u ħafna ilma.
Meta Rebekka lestiet milli tagħtihom l-ilma, il-qaddej t’Abraham staqsieha x’kien jismu missierha. Staqsa wkoll jekk setax iqattaʼ l-lejl għandhom. Hi qaltlu: ‘Missieri jismu Betwel, u hemm wisaʼ biex toqgħod magħna.’ Il-qaddej t’Abraham kien jaf li Betwel kien it-tifel taʼ ħu Abraham, Naħor. Għalhekk, niżel għarkopptejh u rringrazzja lil Ġeħova talli wasslu ħdejn il-qraba t’Abraham.
Dak il-lejl, il-qaddej t’Abraham qal lil Betwel u lil ħu Rebekka, Laban, għala kien ġie. It-tnejn li huma qablu li Rebekka setgħet tmur lura miegħu u tiżżewweġ lil Iżakk. Rebekka x’qalet meta staqsewha? Qalet, ‘Iva.’ Hi riedet tmur. Allura, l-għada stess rikbu l-iġmla u bdew il-vjaġġ twil lura lejn Kangħan.
Meta waslu kien filgħaxija. Rebekka rat raġel miexi fl-għalqa. Kien Iżakk. Hu feraħ meta ra lil Rebekka. Ommu, Sara, kienet mietet tliet snin qabel biss, u kien għadu mnikket minħabba dan. Imma issa, Iżakk sar iħobb lil Rebekka ħafna, u reġaʼ sar ferħan.