STORJA 42
Ħmara Titkellem
QATT smajt dwar ħmara li titkellem? Probabbli tgħid: ‘Le. L-annimali ma jistgħux jitkellmu.’ Imma l-Bibbja tirrakkonta dwar ħmara li tkellmet. Ejja naraw kif ġara dan.
L-Iżraelin huma kważi lesti biex jidħlu fl-art taʼ Kangħan. Balak, is-sultan taʼ Mowab, qed jibżaʼ mill-Iżraelin. Għalhekk, jibgħat għal raġel jilħaqlu li jismu Balgħam biex jiġi u jisħet lill-Iżraelin. Balak iwiegħed li se jagħti ħafna flus lil Balgħam, u għalhekk Balgħam jirkeb fuq il-ħmara tiegħu u jitlaq biex jara lil Balak.
Ġeħova ma jridx li Balgħam jisħet lill-poplu Tiegħu. Għalhekk jibgħat anġlu b’sejf twil biex jieqaf fit-triq ħalli jwaqqaf lil Balgħam. Balgħam ma jistax jara lill-anġlu, imma l-ħmara tistaʼ. Allura l-ħmara tibqaʼ tipprova ddur lil hinn mill-anġlu, u fl-aħħar sempliċement tinxteħet fl-art fit-triq. Balgħam jirrabja ħafna, u jsawwat lill-ħmara b’ħatar.
Imbagħad Ġeħova jġiegħel lil Balgħam jismaʼ l-ħmara tiegħu tkellmu. Il-ħmara tistaqsi: ‘X’għamiltlek biex qed issawwatni?’
Balgħam jgħid: ‘Int għaddejtni biż-żmien. Kieku kelli sejf kont noqtlok!’
‘Qatt xi darba għamiltlek hekk qabel?’ tistaqsi l-ħmara.
‘Le,’ iwieġeb Balgħam.
Imbagħad Ġeħova jħalli ’l Balgħam jara lill-anġlu bis-sejf wieqaf fit-triq. L-anġlu jgħid: ‘Għalfejn sawwatt lill-ħmara tiegħek? Jien ġejt biex nagħlaqlek triqtek, għax ma jmissekx sejjer biex tisħet lil Iżrael. Li kieku l-ħmara tiegħek ma daritx minni, jien kont noqtlok, imma ma kontx inweġġa’ lill-ħmara tiegħek.’
Balgħam jgħid: ‘Dnibt. Ma kontx naf li int kont wieqaf fit-triq.’ L-anġlu jħalli ’l Balgħam jitlaq, u Balgħam jibqaʼ sejjer biex jara ’l Balak. Xorta jipprova jisħet lil Iżrael, imma, minflok, Ġeħova jġiegħlu jbierek lil Iżrael tliet darbiet.