STORJA 38
It-12-il Spija
ĦARES lejn il-frott li qed iġorru dawn l-irġiel. Qed tara kemm hu kbir dak l-għanqud għeneb? Hemm bżonn taʼ żewġt irġiel biex iġorruh fuq lasta. U ara t-tin u r-rummien. Minn fejn ġie dal-frott sabiħ? Mill-art taʼ Kangħan. Ftakar, Kangħan hu l-post fejn darba kienu jgħixu Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Imma minħabba l-ġuħ li kien hemm, Ġakobb mal-familja tiegħu marru jgħixu l-Eġittu. Issa, xi 216-il sena wara, Mosè qed imexxi lill-Iżraelin lura lejn Kangħan. Waslu f’post fid-deżert li jismu Kades.
Fl-art taʼ Kangħan jgħixu nies ħżiena. Għalhekk Mosè jibgħat 12-il spija, u jgħidilhom: ‘Tkixxfu kemm nies jgħixu hemm, u kemm huma b’saħħithom. U araw jekk l-art hix tajba biex tkabbar l-ikel. U kunu ċerti li ġġibu lura ftit mill-frott.’
Meta l-ispiji jiġu lura lejn Kades, huma jgħidu lil Mosè: ‘Veru pajjiż sabiħ.’ U biex juru li dan hu minnu, huma juru lil Mosè ftit mill-frott. Imma 10 mill-ispiji jgħidu: ‘In-nies li jgħixu hemm huma kbar u b’saħħithom. Żgur joqtluna jekk nipprovaw nieħdu l-art.’
L-Iżraelin jibżgħu meta jisimgħu dan. Huma jgħidu: ‘Aħjar mitna fl-Eġittu jew saħansitra hawn fid-deżert. Żgur li joqtluna fil-battalja, u jiħdulna n-nisa u t-tfal tagħna. Ejjew nagħżlu mexxej ġdid minflok Mosè, u nerġgħu lura l-Eġittu!’
Iżda tnejn mill-ispiji jafdaw f’Ġeħova, u jipprovaw jikkalmaw lin-nies. L-ispiji jisimhom Ġożwè u Kaleb. Dawn jgħidu: ‘Tibżgħux. Ġeħova magħna. Se jkun faċli li nieħdu l-art.’ Imma n-nies ma jisimgħux. Pjuttost ikunu jridu joqtlu lil Ġożwè u lil Kaleb.
Dan iġiegħel lil Ġeħova jirrabja ħafna u jgħid lil Mosè: ‘Ħadd min-nies, minn 20 sena ’l fuq, mhu se jidħol fl-art taʼ Kangħan. Huma raw il-mirakli li għamilt fl-Eġittu u fid-deżert, imma xorta waħda ma jafdawnix. Għalhekk se jkollhom jiġġerrew fid-deżert għal 40 sena sakemm imutu kollha. Ġożwè u Kaleb biss se jidħlu fl-art taʼ Kangħan.’