Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 39

Joħorġu l-Fjuri mill-Bastun t’Aron

Joħorġu l-Fjuri mill-Bastun t’Aron

ARA l-​fjuri u l-​lewż misjur li ħarġu minn dan il-​bastun. Dan hu l-​bastun t’Aron. Dawn il-​fjuri u l-​frott misjur ħarġu mill-​bastun t’Aron f’lejl wieħed biss! Ejja naraw għala.

L-​Iżraelin issa ilhom ftit jiġġerrew fid-​deżert. Uħud min-​nies ma jaħsbux li Mosè għandu jkun il-​mexxej, jew li Aron għandu jkun il-​qassis il-​kbir. Koraħ hu wieħed li jaħseb b’dan il-​mod, u anki Datan, Abiram, u 250 mexxej tan-​nies jaħsbu hekk. Dawn kollha jiġu u jgħidu lil Mosè: ‘Kif inhi li int qegħedt lilek innifsek fuqna lkoll?’

Mosè jgħid lil Koraħ u lis-​segwaċi tiegħu: ‘Għada filgħodu ħudu r-​reċipjenti, u itfgħu l-​inċens fihom. Imbagħad, ejjew fit-​tabernaklu taʼ Ġeħova. Se naraw lil min jagħżel Ġeħova.’

L-​għada Koraħ u l-​250 segwaċi tiegħu jiġu sat-​tabernaklu. Ħafna oħrajn jiġu biex jappoġġaw lil dawn l-​irġiel. Ġeħova hu rrabjat ħafna. Mosè jgħid: ‘Ersqu minn ħdejn it-​tined taʼ dawn l-​irġiel ħżiena. Tmissu xejn li hu tagħhom.’ In-​nies jobdu, u jersqu minn ħdejn it-​tined taʼ Koraħ, Datan, u Abiram.

Imbagħad Mosè jgħid: ‘Minn dan tkunu tafu lil min għażel Ġeħova. L-​art se tinfetaħ u se tiblaʼ lil dawn l-​irġiel ħżiena.’

Malli jieqaf jitkellem Mosè, l-​art tinfetaħ. It-​tined taʼ Koraħ u dak kollu li kellu u Datan u Abiram u dawk li kienu magħhom jaqgħu u l-​art tingħalaq fuqhom. Meta n-​nies jisimgħu l-​għajjat taʼ dawk li waqgħu ġol-​art, jibdew jgħajtu: ‘Iġru, li ma tmurx l-​art tiblaʼ lilna wkoll!’

Koraħ u l-​250 segwaċi tiegħu għadhom ħdejn it-​tabernaklu. Għalhekk, Ġeħova jibgħat in-​nar, u kollha kemm huma jinħarqu. Imbagħad, Ġeħova jgħid lit-​tifel t’Aron, Elegħażar, biex jieħu r-​reċipjenti tal-​inċens tal-​irġiel mejtin u jagħmel kisja rqiqa għall-​artal bihom. Din il-​kisja tal-​artal għandha tkun taʼ twissija għall-​Iżraelin li ħadd ħlief Aron u wliedu m’għandu jagħmilha taʼ qassis għal Ġeħova.

Imma Ġeħova jrid jagħmilha ċara li hu kien għażel lil Aron u wliedu biex ikunu qassisin. Għalhekk jgħid lil Mosè: ‘Għid lil mexxej minn kull tribù biex iġib il-​bastun tiegħu. Mit-​tribù taʼ Levi, Aron għandu jġib il-​bastun tiegħu. Imbagħad poġġi kull wieħed minn dawn il-​bsaten quddiem l-​arka tal-​patt fit-​tabernaklu. Se joħorġu l-​fjuri mill-​bastun tar-​raġel li għażilt biex ikun il-​qassis.’

Meta l-​għada filgħodu Mosè jittawwal, ara, il-​bastun t’Aron għandu dawn il-​fjuri u l-​lewż misjur ħerġin minnu! Mela qed tara issa għala Ġeħova ġiegħel li l-​bastun t’Aron joħroġ il-​fjuri?