Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 36

L-Għoġol tad-Deheb

L-Għoġol tad-Deheb

X’WAĦDA din! X’qed jagħmlu issa n-​nies? Qed jitolbu lill-​għoġol! Għala qed jagħmlu hekk?

Meta Mosè jdum żmien twil fuq il-​muntanja, in-​nies jgħidu: ‘Ma nafux xi ġralu Mosè. Mela ejja nagħmlu alla ħalli jmexxina ’l barra minn din l-​art.’

Ħu Mosè, Aron, jgħidilhom: ‘Kollox sew. Neħħu l-​imsielet tad-​deheb tagħkom, u ġibuhomli.’ Meta n-​nies jagħmlu dan, Aron idewweb kollox u jagħmel għoġol tad-​deheb. U n-​nies jgħidu: ‘Dan hu Alla tagħna li ħariġna mill-​Eġittu!’ Imbagħad l-​Iżraelin jagħmlu festa kbira, u jqimu l-​għoġol tad-​deheb.

Meta Ġeħova jara dan, hu jirrabja ħafna. Allura jgħid lil Mosè: ‘Ħaffef u inżel malajr. In-​nies qed jaġixxu ħażin ħafna. Insew il-​liġijiet tiegħi u qed imilu quddiem għoġol tad-​deheb.’

Mosè jinżel jiġri minn fuq il-​muntanja. U meta jasal viċin tagħhom, dan hu dak li jara. In-​nies qed ikantaw u jiżfnu madwar l-​għoġol tad-​deheb! Mosè tant jirrabja li jixħet fl-​art iż-​żewġ ġebliet ċatti li kellhom il-​liġijiet miktubin fuqhom, u dawn jinkisru f’ħafna u ħafna biċċiet. Imbagħad jieħu l-​għoġol tad-​deheb u jdewbu. Imbagħad jitħnu fi trab.

In-​nies għamlu xi ħaġa ħażina ħafna. Allura, Mosè jgħid lil xi rġiel biex jaqbdu s-​sjuf tagħhom. Mosè jgħidilhom: ‘Tridu toqtlu lin-​nies ħżiena li qiemu l-​għoġol tad-​deheb.’ U għalhekk, l-​irġiel qatlu 3,000 ruħ! Ma juriniex dan li għandna noqogħdu attenti li nqimu biss lil Ġeħova, u mhux lil xi allat foloz?