STORJA 54
L-Iktar Raġel b’Saħħtu
TAF x’jismu l-iktar raġel b’saħħtu li qatt għex? Hu mħallef jismu Sansun. Hu Ġeħova li jagħti s-saħħa lil Sansun. Anki qabel ma jitwieled Sansun, Ġeħova jgħid lil ommu: ‘Dalwaqt se jkollok tifel. Se jieħu t-tmexxija f’li jeħles lil Iżrael mill-Filistin.’
Il-Filistin huma nies ħżiena li jgħixu f’Kangħan. Għandhom ħafna gwerriera, u jittrattaw lill-Iżraelin ħażin ħafna. Darba, meta Sansun ikun fi triqtu għal fejn jgħixu l-Filistin, joħroġ għalih iljun kbir jgħajjat. Imma Sansun joqtol l-iljun b’idejh biss. Ukoll, joqtol mijiet taʼ Filistin ħżiena.
Maż-żmien, Sansun isir iħobb lil mara jisimha Dalila. Il-mexxejja Filistin iwiegħdu li kull wieħed minnhom se jagħti lil Dalila 1,100 biċċa tal-fidda jekk tgħidilhom x’jagħmel lil Sansun tant b’saħħtu. Dalila trid dawn il-flus kollha. Mhijiex ħabiba vera, la taʼ Sansun u lanqas tan-nies t’Alla. Għalhekk, tibqaʼ tistaqsi lil Sansun x’inhu dak li jagħmlu tant b’saħħtu.
Fl-aħħar, Dalila jirnexxilha ġġiegħel lil Sansun jgħidilha s-sigriet taʼ saħħtu. ‘Xagħri qatt ma ġie maqtugħ,’ hu jgħid. ‘Mindu twilidt, Alla għażilni biex inkun qaddej speċjali tiegħu li jissejjaħ Nażirit. Jekk naqtaʼ xagħri, titlaqli saħħti.’
Mela, meta Dalila tismaʼ dan, traqqad lil Sansun f’ħoġorha. Imbagħad issejjaħ raġel biex jidħol u jaqtagħlu xagħru. Meta Sansun jistenbaħ, saħħtu tkun telqitu. Imbagħad, jidħlu l-Filistin u jaqbduh. Jaqilgħulu għajnejh, u jagħmluh l-ilsir tagħhom.
Jum wieħed il-Filistin ikollhom festa kbira biex iqimu lill-alla tagħhom Dagon, u joħorġu lil Sansun mill-ħabs biex jgħaddu ż-żmien bih. Sadanittant, Sansun reġaʼ twallu xagħru. Sansun jgħid lit-tifel li qed imexxih minn idu: ‘Ħallini mmiss il-kolonni li qed iżommu l-bini wieqaf.’ Imbagħad, Sansun jitlob lil Ġeħova għas-saħħa, u jmur ħdejn il-kolonni. Jgħajjat: ‘Ħallini mmut mal-Filistin.’ Hemm 3,000 Filisti fil-festa, u meta Sansun jimbotta l-kolonni, il-bini jaqaʼ u joqtol lil dawn in-nies ħżiena kollha.