STORJA 44
Raħab Taħbi lill-Ispiji
DAWN l-irġiel qegħdin fl-inkwiet. Hemm bżonn li jaħarbu, inkella se jinqatlu. Huma spiji Iżraelin, u l-mara li qed tgħinhom hi Raħab. Raħab tgħix hawn f’dar fuq is-sur tal-belt taʼ Ġeriko. Ejja naraw għala dawn l-irġiel sabu ruħhom fl-inkwiet.
L-Iżraelin huma lesti biex jaqsmu x-Xmara Ġordan għal ġol-art taʼ Kangħan. Imma qabel ma jagħmlu dan, Ġożwè jibgħat żewġ spiji. Hu jgħidilhom: ‘Morru agħtu daqqa t’għajn lill-art u l-belt taʼ Ġeriko.’
Meta l-ispiji jidħlu f’Ġeriko, imorru fid-dar taʼ Raħab.Imma xi ħadd jgħid lis-sultan taʼ Ġeriko: ‘Żewġ Iżraelin ġew hawn illejla biex jitkixxfu l-art.’ Meta jismaʼ dan, is-sultan jibgħat lil xi rġiel għand Raħab, u jordnawlha: ‘Oħroġ l-irġiel li għandek f’darek!’ Imma Raħab ħbiet lill-ispiji fuq il-bejt tagħha. Għalhekk tgħid: ‘Veru li xi rġiel ġew f’dari, imma ma nafx minn fejn kienu. Huma telqu malli beda jidlam, qabel ma ngħalaq il-bieb tal-belt. Jekk tgħaġġlu, tilħquhom!’ U għalhekk l-irġiel jitilqu jiġru warajhom.
Wara li jitilqu, Raħab titlaʼ malajr fuq il-bejt. Hi tgħid lill-ispiji: ‘Jien naf li Ġeħova se jagħtikom din l-art. Aħna smajna kif nixxef il-Baħar l-Aħmar meta kontu ħerġin mill-Eġittu, u kif qtiltu lis-slaten Siħon u Għog. Jien kont qalbi tajba magħkom, għalhekk wegħduni, jekk jogħġobkom, li tkunu qalbkom tajba miegħi. Eħilsu lil missieri, lil ommi, u lil ħuti.’
L-ispiji jwiegħdu li hekk ħa jagħmlu, imma hemm bżonn li Raħab tagħmel xi ħaġa. L-ispiji jgħidulha: ‘Ħu dan il-ħabel aħmar u orbtu fit-tieqa tiegħek, u iġbor lil qrabatek f’darek miegħek. U meta aħna kollha nerġgħu lura biex nieħdu ’l Ġeriko, se naraw dan il-ħabel fit-tieqa tiegħek u ma noqtlu ’l ħadd f’darek.’ Meta l-ispiji jmorru lura għand Ġożwè, jgħidulu b’dak kollu li ġara.