Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 51

Rut u Nagħomi

Rut u Nagħomi

FIL-​BIBBJA tistaʼ ssib ktieb jismu Rut. Huwa storja dwar familja li kienet tgħix fiż-​żmien meta Iżrael kellu l-​imħallfin. Rut hija mara żagħżugħa mill-​art taʼ Mowab; mhijiex parti mill-​ġens t’Alla, Iżrael. Imma meta Rut titgħallem dwar l-​Alla l-​veru Ġeħova, hi ssir tħobbu ħafna. Nagħomi hi mara akbar minnha li għenet lil Rut titgħallem dwar Ġeħova.

Nagħomi hi mara Iżraelija. Hi u r-​raġel tagħha u ż-​żewġ uliedha subien marru joqogħdu fl-​art taʼ Mowab fi żmien meta ma tantx kien hemm ikel ġo Iżrael. Imbagħad, darba waħda r-​raġel taʼ Nagħomi miet. Iktar tard, ulied Nagħomi żżewġu żewġ nisa Mowabin li kien jisimhom Rut u Għorfa. Imma wara xi 10 snin, iż-​żewġ ulied taʼ Nagħomi mietu. Kemm kienu mnikktin Nagħomi u ż-​żewġ nisa! Issa x’kienet se tagħmel Nagħomi?

Jum wieħed Nagħomi tiddeċiedi li tagħmel il-​vjaġġ twil lura d-​dar għand niesha. Rut u Għorfa jridu jibqgħu magħha, u għalhekk imorru wkoll. Iżda wara li jkunu ilhom ftit jivvjaġġaw fit-​triq, Nagħomi ddur lejn in-​nisa u tgħid: ‘Morru lura d-​dar, u oqogħdu m’ommkom.’

Nagħomi tbus lin-​nisa biex jitilqu. Huma jibdew jibku, għax iħobbuha ħafna lil Nagħomi. Jgħidu: ‘Le! Se niġu miegħek għand niesek.’ Imma Nagħomi twieġeb: ‘Għandkom tmorru lura, uliedi. Ikun aħjar għalikom f’darkom.’ Għalhekk, Għorfa tibda triqitha lura lejn id-​dar. Imma Rut ma titlaqx.

Nagħomi ddur lejha u tgħid: ‘Għorfa telqet. Int mur lura d-​dar magħha wkoll.’ Imma Rut twieġeb: ‘Tipprovax iġġegħelni nitilqek! Ħallini niġi miegħek. Fejn tmur int, se mmur jien, u fejn tgħix int, se ngħix jien. Niesek se jkunu niesi, u Alla tiegħek se jkun Alla tiegħi. Fejn tmut int se mmut jien, u hemmhekk nindifen.’ Meta Rut tgħid hekk, Nagħomi ma tibqax tipprova ġġegħelha tmur id-​dar.

Fl-​aħħar iż-​żewġ nisa jaslu Iżrael. Huwa hawn li se jgħixu. Mill-​ewwel Rut tibda taħdem fl-​għelieqi, għax huwa ż-​żmien li jinġabar ix-​xgħir. Raġel li jismu Bogħaż iħalliha tiġbor ix-​xgħir mill-​għelieqi tiegħu. Taf min kienet omm Bogħaż? Kienet Raħab mill-​belt taʼ Ġeriko.

Ġurnata minnhom, Bogħaż jgħid lil Rut: ‘Jien smajt dwarek, u kemm kont qalbek tajba maʼ Nagħomi. Naf kif ħallejt lil missierek u ommok u pajjiżek stess u kif ġejt biex tgħix fost poplu li qatt ma kont taf qabel. Jalla Ġeħova jkun twajjeb miegħek!’

Rut twieġeb: ‘Int qalbek tajba ħafna miegħi, sinjur. Ġegħeltni nħossni aħjar bil-​mod sabiħ li kellimtni.’ Rut togħġbu ħafna lil Bogħaż, u ma jdumux ma jiżżewġu. Kemm tifraħ Nagħomi minħabba dan! Iżda Nagħomi tifraħ l-​iżjed meta Rut u Bogħaż ikollhom l-​ewwel iben, li jismu Għobed. Iktar tard Għobed isir in-​nannu taʼ David, li iżjed ’il quddiem se nitgħallmu ħafna dwaru.

Il-ktieb Bibliku taʼ Rut 1-4.