Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 34

Tip t’Ikel Ġdid

Tip t’Ikel Ġdid

QED tara x’inhuma jiġbru n-​nies mill-​art? Huwa tip t’ikel. Huwa abjad ħafna u jitfarrak malajr.

Għadda madwar xahar biss minn meta l-​Iżraelin ħarġu mill-​Eġittu. Huma jinsabu fid-​deżert. Hawnhekk ma tantx jikber ikel, u għalhekk in-​nies jibdew igergru, u jgħidu: ‘Aħjar kieku Ġeħova qatilna fl-​Eġittu. Għall-​inqas hemm kellna l-​ikel kollu li ridna.’

Għalhekk Ġeħova jgħidilhom: ‘Se nġiegħel l-​ikel jinżel bħax-​xita mis-​sema.’ U Ġeħova hekk jagħmel. L-​għada filgħodu meta l-​Iżraelin jaraw dan l-​ikel abjad li niżel mis-​sema, huma jistaqsu lil xulxin: ‘Dan x’inhu?ʼ

Mosè jgħidilhom: ‘Dan hu l-​ikel li Ġeħova takom biex tieklu.’ In-​nies isejħulu MANNA. Din għandha t-​togħma taʼ kejkijiet irqaq magħmulin bl-​għasel.

‘Tridu tiġbru biżżejjed kemm tiekol kull persuna,’ jgħid Mosè lill-​poplu. Għalhekk, dan hu dak li jagħmlu kull filgħodu. Imbagħad, meta x-​xemx tibda tisreġ, il-​manna li jkun għad baqaʼ fl-​art tinħall.

Mosè jgħidilhom ukoll: ‘Ħadd m’għandu jerfaʼ xi manna għall-​għada.’ Imma xi wħud min-​nies ma jisimgħux minnu. Taf x’jiġri? L-​għada filgħodu, il-​manna li jkunu refgħu timtela bid-​dud, u tibda tinten!

Però, hemm jum wieħed fil-​ġimgħa li Ġeħova jgħid lin-​nies biex fih jiġbru d-​doppju manna. Dan hu s-​sitt jum. U Ġeħova jgħidilhom jerfgħu ftit minnha għall-​għada, għax fis-​sebaʼ jum mhux se jġiegħel li tinżel il-​manna. Meta jerfgħu l-​manna għas-​sebaʼ jum, din ma timteliex bid-​dud u ma tintinx! Dan hu miraklu ieħor!

Fis-​snin kollha li l-​Iżraelin iqattgħu fid-​deżert, Ġeħova jitmagħhom permezz tal-​manna.