Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 8

Ġganti fuq l-Art

Ġganti fuq l-Art

JEKK xi ħadd kien miexi lejk u kien twil sas-​saqaf tad-​dar tiegħek, kieku x’kont tgħid? X’aktarx li kont tgħid, ‘Dak ġgant!’ Darba minnhom veru kienu jeżistu l-​ġganti fuq l-​art. Il-​Bibbja turi li l-​missirijiet tagħhom kienu anġli mis-​sema. Imma dan kif jistaʼ jkun?

Ftakar li l-​anġlu ħażin Satana kien qed jagħmel minn kollox biex jaqlaʼ l-​inkwiet. Hu kien qed jipprova jġiegħel anki lill-​anġli t’Alla jsiru ħżiena. Maż-​żmien, xi wħud minn dawn l-​anġli bdew jisimgħu minn Satana. Huma ma baqgħux jagħmlu x-​xogħol li tahom Alla fis-​sema. U huma niżlu fuq l-​art u għamlu ġisem uman għalihom infushom. Taf għala?

Il-​Bibbja tgħid li hu għax dawn l-​ulied t’Alla raw in-​nisa ħelwin fuq l-​art u riedu jgħixu magħhom. Għalhekk, ġew fuq l-​art u żżewġu lil dawn in-​nisa. Il-​Bibbja tgħid li dan hu ħażin, għaliex Alla għamel l-​anġli biex jgħixu fis-​sema.

Meta l-​anġli u n-​nisa tagħhom kellhom it-​tfal, dawn it-​trabi kienu differenti. Għall-​ewwel forsi ma kinux jidhru differenti ħafna. Imma baqgħu jikbru akbar u akbar, u saru iktar u iktar b’saħħithom, sakemm saru ġganti.

Dawn il-​ġganti kienu ħżiena. U għax kienu daqshekk kbar u b’saħħithom kienu jweġġgħu n-​nies. Huma pprovaw jisforzaw lil kulħadd biex ikun ħażin bħalhom.

Enok kien miet, imma issa kien hemm raġel wieħed li kien tajjeb fuq l-​art. Dan ir-​raġel kien jismu Noè. Hu dejjem għamel dak li Alla riedu jagħmel.

Darba minnhom, Alla qal lil Noè li kien wasal iż-​żmien biex Hu jeqred il-​ħżiena kollha. Imma Alla kien se jsalva lil Noè, lill-​familja tiegħu, u lil ħafna mill-​annimali. Ejja naraw kif Alla għamel dan.