STORJA 4
Għala Tilfu d-Dar Tagħhom
QED tara x’inhu jiġri issa? Adam u Eva qed jiġu mkeċċijin mill-ġnien mill-isbaħ tal-Għeden. Taf għala?
Għaliex għamlu xi ħaġa ħażina ħafna. U għalhekk, Ġeħova qed jagħtihom kastig. Taf x’inhi l-ħaġa ħażina li għamlu Adam u Eva?
Għamlu xi ħaġa li Alla qalilhom biex ma jagħmlux. Alla qalilhom li jistgħu jieklu mill-frott tas-siġar li kien hemm fil-ġnien. Imma minn siġra waħda Alla qalilhom biex ma jiklux, inkella kienu se jmutu. Hu żamm din is-siġra għalih biss. U aħna nafu li hu ħażin li nieħdu xi ħaġa li tkun taʼ xi ħadd ieħor, hux veru? Allura x’ġara?
Darba minnhom, meta Eva kienet waħedha fil-ġnien, kellimha serp. Tistaʼ timmaġinah dan? Qal lil Eva biex tiekol frott mis-siġra li Alla qalilhom biex ma jiklux minnha. Issa aħna nafu li meta Ġeħova għamel is-sriep, hu m’għamilhomx jitkellmu. Allura dan bilfors li jfisser li xi ħadd ieħor kien qed jagħmel is-serp jitkellem. Min kien dan?
Ma kienx Adam. Għalhekk, bilfors li kien wieħed mill-persuni li Ġeħova kien għamel ħafna qabel m’għamel l-art. Dawn il-persuni huma anġli, u aħna ma nistgħux narawhom. L-anġlu li qed nitkellmu dwaru kien sar kburi ħafna. Hu beda jaħseb li għandu jkun ħakkiem bħal Alla. U hu ried li n-nies jobdu lilu minflok lil Ġeħova. Dan kien l-anġlu li għamel is-serp jitkellem.
Dan l-anġlu rnexxielu jidħaq b’Eva. Meta qalilha li kienet se ssir bħal Alla jekk tiekol mill-frotta, hi emmnitu. Għalhekk, kielet hi u anki Adam. Adam u Eva m’obdewx lil Alla, u għalhekk tilfu d-dar mill-isbaħ tagħhom li kienet ġnien.
Imma xi darba Alla se jirranġa biex l-art kollha ssir sabiħa daqs il-ġnien tal-Għeden. Iktar tard se nitgħallmu dwar kif int tistaʼ tgħin biex tagħmilha sabiħa. Imma issa, ejja naraw x’ġara lil Adam u Eva.