Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 9

Noè Jibni Arka

Noè Jibni Arka

NOÈ kellu mara u tlett itfal subien. Dawn it-​tfal kien jisimhom Sem, Ħam, u Ġafet. Kull wieħed minn dawn is-​subien kellu mara. Għalhekk, il-​familja taʼ Noè kien fiha tmien persuni.

Issa Alla qal lil Noè biex jagħmel xi ħaġa stramba. Hu qallu biex jibni arka kbira. Din l-​arka kienet kbira bħal vapur, imma iktar kienet tidher qisha kaxxa kbira u twila. Alla qallu: ‘Agħmilha għolja tliet sulari, u agħmel il-​kmamar fiha.’ Il-​kmamar kienu għal Noè u l-​familja tiegħu, l-​annimali, u l-​ikel li lkoll kemm huma kien se jkollhom bżonn.

Ukoll, Alla qal lil Noè biex l-​arka jibniha b’mod li ma jidħolx ilma fiha. Alla qallu: ‘Se nibgħat dilluvju kbir t’ilma u se neqred id-​dinja kollha. Kull min ma jkunx fl-​arka se jmut.’

Noè u wliedu obdew lil Ġeħova u bdew jibnu. Imma kulma għamlu n-​nies l-​oħrajn kien li daħqu bihom. Huma baqgħu ħżiena. Ħadd m’emmen lil Noè meta qalilhom x’kien se jagħmel Alla.

L-​arka ħadet iż-​żmien biex tkun lesta għax kienet kbira ħafna. Imbagħad fl-​aħħar, wara ħafna snin, kienet lesta. Issa Alla qal lil Noè biex idaħħal l-​annimali fl-​arka. Alla qallu biex minn xi tipi t’annimali jdaħħal tnejn biss, raġel u mara. Imma minn tipi oħrajn t’annimali Alla qallu jdaħħal sebgħa. Ukoll, Alla qal lil Noè biex idaħħal mit-​tipi differenti kollha t’għasafar. Noè għamel eżatt dak li qallu Alla.

Wara dan, anki Noè u l-​familja daħlu fl-​arka. Imbagħad Alla għalaq il-​bieb. Noè u l-​familja tiegħu qagħdu jistennew ġewwa. Immaġina li kont magħhom hemm fl-​arka tistenna. Veru kien se jkun hemm dilluvju bħalma qal Alla?