Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 60

Abigajl u David

Abigajl u David

TAF min hi din il-​mara sabiħa li ġejja tiltaqaʼ maʼ David? Jisimha Abigajl. Hi mara bil-​għaqal, u żżomm lil David milli jagħmel xi ħaġa ħażina. Imma qabel ma nitgħallmu dwar dan, ejja naraw x’ġara lil David.

Wara li David jaħrab minn Sawl, hu jistaħba f’għar. Ħutu u l-​bqija tal-​familja tiegħu jingħaqdu miegħu hemmhekk. B’kollox xi 400 ruħ jiġu għandu, u David isir il-​mexxej tagħhom. Imbagħad, David imur għand is-​sultan taʼ Mowab u jgħid: ‘Jekk jogħġbok ħalli lil missieri u lil ommi joqogħdu miegħek sakemm nara x’se jiġri minni.’ Iktar tard, David u l-​irġiel tiegħu jibdew jistaħbew fl-​għoljiet.

Huwa wara dan li David jiltaqaʼ m’Abigajl. Ir-​raġel tagħha Nabal huwa raġel sinjur u għandu ħafna art. Għandu 3,000 nagħġa u 1,000 mogħża. Nabal hu raġel kattiv. Imma martu Abigajl hija sabiħa ħafna u wkoll taf tagħmel dak li hu sewwa. Darba waħda saħansitra ssalva l-​familja tagħha. Ejja naraw kif.

David u l-​irġiel tiegħu kienu qalbhom tajba maʼ Nabal. Huma għenu biex jipproteġu lin-​nagħaġ tiegħu. Allura, jum wieħed David jibgħat xi rġiel minn tiegħu biex jitlob pjaċir mingħand Nabal. L-​irġiel taʼ David jiġu għand Nabal waqt li hu u dawk li jgħinuh qed jaqtgħu s-​suf tan-​nagħaġ. Huwa jum taʼ festa, u Nabal għandu ħafna affarijiet tajbin x’jiekol. Għalhekk, l-​irġiel taʼ David jgħidu: ‘Aħna konna qalbna tajba miegħek. Ma sraqna lanqas nagħġa waħda minn tiegħek, imma għenniek tieħu ħsiebhom. Issa, jekk jogħġbok, agħtina naqra ikel.’

Nabal jgħidilhom: ‘Jien m’iniex se nagħti l-​ikel tiegħi lil nies bħalkom.’ Hu jitkellem b’mod kattiv ħafna, u jgħid affarijiet ħżiena fuq David. Meta l-​irġiel jirritornaw u jgħidu lil David dwar dan, David jirrabja ħafna. ‘Aqbdu s-​sjuf tagħkom!’ jgħid lill-​irġiel tiegħu. U rħewlha biex joqtlu lil Nabal u lill-​irġiel tiegħu.

Wieħed mill-​irġiel taʼ Nabal li semaʼ l-​kliem kattiv li qal Nabal, jgħid lil Abigajl b’dak li ġara. Mill-​ewwel Abigajl tlesti ftit ikel. Tgħabbih fuq xi ħmir u titlaq għal triqitha. Meta tiltaqaʼ maʼ David, tinżel minn fuq il-​ħmar, tinżel għarkopptejha u tgħidlu: ‘Jekk jogħġbok, sidi, tagħtix kas żewġi Nabal. Huwa iblah, u jagħmel affarijiet banali. Ġibtlek rigal. Jekk jogħġbok ħudu, u aħfrilna taʼ dak li ġara.’

David iwieġeb: ‘Int mara għaqlija. Int żammejtni milli noqtol lil Nabal biex inpattilu taʼ kemm hu kattiv. Issa mur id-​dar fil-​paċi.’ Iktar tard, meta Nabal imut, Abigajl issir waħda min-​nisa taʼ David.