Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 72

Alla Jgħin lis-Sultan Ħeżekija

Alla Jgħin lis-Sultan Ħeżekija

TAF għala dan ir-​raġel qed jitlob lil Ġeħova? Għala poġġa dawn l-​ittri quddiem l-​artal taʼ Ġeħova? Ir-​raġel huwa Ħeżekija. Hu s-​sultan taż-​żewġ tribujiet t’Iżrael tan-​Nofsinhar. U jinsab f’ħafna inkwiet. Għala?

Għax l-​armati Assirjani diġà qerdu lill-​10 tribujiet tat-​Tramuntana. Ġeħova ħalla dan jiġri għax dawk in-​nies kienu vera ħżiena. U issa l-​armati Assirjani ġew biex jiġġieldu kontra s-​saltna taż-​żewġ tribujiet.

Is-​sultan tal-​Assirja għadu kif bagħat xi ittri lis-​Sultan Ħeżekija. Dawn huma l-​ittri li Ħeżekija poġġa hawn quddiem Alla. L-​ittri jwaqqgħu lil Ġeħova għaċ-​ċajt, u jgħidu lil Ħeżekija biex jaqtaʼ qalbu. Hu għalhekk li Ħeżekija jitlob: ‘O Ġeħova, salvana mis-​sultan tal-​Assirja. Imbagħad il-​ġnus kollha jkunu jafu li int waħdek Alla.’ Ġeħova se jismaʼ lil Ħeżekija?

Ħeżekija hu sultan tajjeb. Mhuwiex bħas-​slaten ħżiena tas-​saltna t’Iżrael b’10 tribujiet, jew bħal missieru, is-​Sultan Aħaż, li kien ħażin. Ħeżekija qagħad attent li jobdi l-​liġijiet taʼ Ġeħova kollha. Għalhekk, wara li Ħeżekija jispiċċa mit-​talb, il-​profeta Isaija jibgħatlu dan il-​messaġġ mingħand Ġeħova: ‘Is-​sultan tal-​Assirja ma jidħolx f’Ġerusalemm. U l-​ebda wieħed mis-​suldati tiegħu ma saħansitra se jersaq qrib tagħha. Mhumiex se jisparaw lanqas vleġġa waħda lejn il-​belt.’

Ħares lejn l-​istampa f’din il-​paġna. Taf min huma dawn is-​suldati mejtin kollha? Dawn huma l-​Assirjani. Ġeħova bagħat lill-​anġlu tiegħu, u f’lejl wieħed l-​anġlu qatel 185,000 suldat Assirjan. Għalhekk, is-​sultan tal-​Assirja jaqtaʼ qalbu u jmur lura pajjiżu.

Is-​saltna b’żewġ tribujiet inħelset, u n-​nies ikollhom il-​paċi għal xi żmien. Iżda wara li Ħeżekija jmut isir sultan ibnu Manasse. Manasse u ibnu Amon li jsaltan warajh huma t-​tnejn slaten ħżiena ħafna. Għalhekk, l-​art terġaʼ timtela bil-​kriminalità u bil-​vjolenza. Meta s-​Sultan Amon jiġi maqtul mill-​qaddejja tiegħu stess, ibnu Ġosija jsir is-​sultan tas-​saltna b’żewġ tribujiet.