STORJA 58
David u Gulija
IL-FILISTIN jerġgħu jiġu biex jiġġieldu kontra Iżrael. It-tliet aħwa kbar taʼ David issa huma fl-armata taʼ Sawl. Għalhekk, ġurnata waħda Ġesse jgħid lil David: ‘Ħu ftit qamħ u ħobż lil ħutek. Ara kif inhuma sejrin.’
Meta David jasal fil-kamp tal-armata, hu jiġri biex ifittex lil ħutu. Il-ġgant Filisti Gulija joħroġ biex jidħaq bl-Iżraelin. Hu ilu jagħmel hekk kull filgħodu u filgħaxija għal 40 jum. Hu jgħajjat: ‘Agħżlu wieħed mill-irġiel tagħkom biex jiġġieled kontrija. Jekk jirbaħ hu u joqtolni, aħna nkunu l-ilsiera tagħkom. Imma jekk nirbaħ jien u noqtlu, intom tkunu l-ilsiera tagħna. Jien nisfidakom biex tagħżlu lil xi ħadd biex jiġġilidli.’
David jistaqsi lil xi suldati: ‘X’jieħu dak li joqtol lil dan il-Filisti u jeħles lil Iżrael minn dan l-għajb?’
Is-suldat iwieġeb: ‘Sawl se jagħtih ħafna flus. U jagħtih lil bintu biex tkun il-mara tiegħu.’
Imma l-Iżraelin kollha qed jibżgħu minn Gulija għax tant hu kbir. Hu madwar tliet metri twil, u għandu suldat ieħor biex iġorrlu t-tarka.
Xi suldati jmorru u jgħidu lis-Sultan Sawl li David irid jiġġieled lil Gulija. Iżda Sawl jgħid lil David: ‘Int ma tistax tiġġieled lil dan il-Filisti. Int għadek daqsxejn taʼ tifel, u hu ilu ħajtu kollha suldat.’ David iwieġeb: ‘Jien qtilt ors u ljun li ħadu n-nagħaġ taʼ missieri. U dan il-Filisti jiġrilu bħal wieħed minnhom. Ġeħova se jgħinni.’ Għalhekk, Sawl jgħidlu: ‘Mur, u jalla Ġeħova jkun miegħek.’
David jinżel ħdejn xmara żgħira u jieħu ħames ġebliet lixxi, u jitfagħhom fil-basket tiegħu. Imbagħad jieħu l-iżbandola tiegħu u joħroġ biex jiltaqaʼ mal-ġgant. Meta Gulija jarah ma jkunx irid jemmen lil għajnejh. Hu jaħseb li se jkun faċli ħafna li joqtol lil David.
Gulija jgħidlu: ‘Ejja lejja, ħa nagħti laħmek lit-tjur u lill-annimali biex jikluh.’ Imma David jgħid: ‘Int ġej lejja b’sejf, b’lanza, u b’ġavellott, iżda jien ġej lejk bl-isem taʼ Ġeħova. Illum Ġeħova jagħtik f’idejja u jien noqtlok.’
Kif jgħid dan, David jiġri lejn Gulija. Hu jieħu ġebla mill-basket tiegħu, ipoġġiha fl-iżbandola, u jwaddabha b’saħħtu kollha. Il-ġebla ttir dritt għal ġo ras Gulija u hu jaqaʼ fl-art mejjet! Meta l-Filistin jaraw li l-aqwa wieħed fosthom miet, huma kollha jduru u jitilqu jiġru. L-Iżraelin jiġru warajhom u jirbħu l-battalja.