Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 75

Erbaʼ Subien f’Babilonja

Erbaʼ Subien f’Babilonja

IS-​SULTAN Nebukadnessar jieħu lill-​Iżraelin kollha li huma l-​iktar taʼ skola f’Babilonja. Wara s-​sultan jagħżel minn fosthom l-​iktar żgħażagħ subien li huma sbieħ u bravi. Tistaʼ tara erbgħa minn dawn is-​subien hawn. Wieħed huwa Danjel, u t-​tlieta l-​oħra jiġu msejħin Sidrak, Mesak, u Għabednego mill-​Babiloniżi.

Nebukadnessar bi ħsiebu jħarreġ lil dawn iż-​żgħażagħ biex jaqdu fil-​palazz tiegħu. Wara tliet snin taʼ taħriġ hu se jagħżel biss lil dawk li huma l-​iktar bravi biex jgħinuh isolvi l-​problemi. Is-​sultan irid li s-​subien ikunu f’saħħithom waqt li jkunu qed jitħarrġu. Għalhekk, jordna li l-​qaddejja tiegħu għandhom jagħtuhom kollha l-​istess ikel u nbid rikk li jieħdu hu u l-​familja tiegħu.

Ħares lejn iż-​żagħżugħ Danjel. Taf x’inhu jgħid lill-​kap tal-​qaddejja taʼ Nebukadnessar, Asfenaż? Danjel qed jgħidlu li hu ma jridx jiekol l-​ikel rikk mill-​mejda tas-​sultan. Imma Asfenaż hu inkwetat. Hu jgħid: ‘Is-​sultan għażel x’għandkom tieklu u tixorbu. U jekk int ma tidhirx f’saħħtek daqs iż-​żgħażagħ subien l-​oħrajn, jistaʼ joqtolni.’

Allura Danjel imur għand il-​gwardjan li Asfenaż poġġa biex jieħu ħsieb lil Danjel u lit-​tlett iħbieb tiegħu. Danjel jgħid: ‘Jekk jogħġbok għaddina minn prova għal 10 ijiem. Agħtina xi ħaxix biex nieklu u ilma x’nixorbu. Imbagħad qabbilna mal-​irġiel żgħażagħ l-​oħrajn li qed jieklu l-​ikel tas-​sultan, u ara min jidher l-​aħjar minna.’

Il-​gwardjan jaqbel li jagħmel dan. U meta jgħaddu l-​10 ijiem, Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu jidhru iktar b’saħħithom mill-​irġiel żgħażagħ l-​oħrajn kollha. Għalhekk, il-​gwardjan iħallihom jieklu l-​ħaxix flok dak li kien jipprovdi s-​sultan.

Fl-​aħħar tat-​tliet snin iż-​żgħażagħ kollha jiġu quddiem Nebukadnessar. Wara li jkellimhom kollha, is-​sultan isib li Danjel u t-​tlett iħbieb tiegħu huma l-​iktar għaqlin. Għalhekk iżommhom biex jgħinuh fil-​palazz tiegħu. U kull meta s-​sultan jistaqsi lil Danjel, Sidrak, Mesak, u Għabednego xi mistoqsijiet jew jagħtihom xi problemi diffiċli biex isolvuhom, huma jafu 10 darbiet iktar minn kwalunkwe wieħed mill-​qassisin jew l-​irġiel għorrief tiegħu.