Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 74

Raġel li Ma Jibżax

Raġel li Ma Jibżax

ARA dawn in-​nies, qed jgħaddu ż-​żmien b’dan iż-​żagħżugħ. Taf min hu? Dan Ġeremija. Huwa profeta importanti ħafna t’Alla.

Ftit wara li s-​Sultan Ġosija jibda jnaddaf l-​art mill-​idoli, Ġeħova jgħid lil Ġeremija biex ikun il-​profeta Tiegħu. Imma Ġeremija jaħseb li għadu żgħir wisq biex ikun profeta. Imma Ġeħova jgħidlu li Hu se jgħinu.

Ġeremija jgħid lill-​Iżraelin biex jieqfu jagħmlu affarijiet ħżiena. Hu jgħid: ‘L-​allat li jqimu n-​nies tal-​ġnus huma foloz.’ Imma ħafna Iżraelin jippreferu jqimu lill-​idoli milli jqimu lill-​Alla l-​veru Ġeħova. Meta Ġeremija jgħid lin-​nies li Alla se jikkastigahom minħabba l-​ħażen tagħhom, dawn sempliċement iwaqqgħuh għaċ-​ċajt.

Jgħaddu s-​snin. Ġosija jmut, u tliet xhur wara ibnu Ġeħojakim isir sultan. Ġeremija jibqaʼ jgħid lin-​nies: ‘Ġerusalemm se tiġi meqruda jekk ma tiqfux tagħmlu l-​ħażen.’ Il-​qassisin jaħtfu lil Ġeremija u jgħajtu: ‘Ħaqqek tiġi maqtul talli qed tgħid dawn l-​affarijiet.’ Imbagħad jgħidu lill-​prinċpijiet t’Iżrael: ‘Ġeremija għandu jinqatel, għax tkellem kontra l-​belt tagħna.’

Issa x’se jagħmel Ġeremija? Hu ma jibżax! Hu jgħidilhom kollha: ‘Ġeħova bagħatni biex ngħid dawn l-​affarijiet. Jekk ma tbiddlux il-​mod ħażin taʼ ħajjitkom, Ġeħova se jeqred lil Ġerusalemm. Imma kunu ċerti minn dan: Jekk toqtluni, se tkunu qed toqtlu raġel li m’għamel xejn ħażin.’

Il-​prinċpijiet iħallu lil Ġeremija jgħix, iżda l-​Iżraelin jibqgħu jagħmlu l-​ħażen. Iktar tard Nebukadnessar, is-​sultan taʼ Babilonja, jiġi u jiġġieled kontra Ġerusalemm. Fl-​aħħar Nebukadnessar jagħmel lill-​Iżraelin il-​qaddejja tiegħu. Hu jieħu ħafna eluf f’Babilonja. Aħseb ftit kif kont tħossok kieku nies li ma tafx ħaduk minn darek għal art barranija!