Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 102

Ġesù Hu Ħaj

Ġesù Hu Ħaj

TAF min hija din il-​mara u dawn iż-​żewġt irġiel? Il-​mara hi Marija Maddalena, ħabiba taʼ Ġesù. U l-​irġiel lebsin l-​abjad huma anġli. Din il-​kamra żgħira li Marija qed tittawwal fiha hi l-​post fejn tpoġġa l-​ġisem taʼ Ġesù wara li miet. Tissejjaħ qabar. Imma issa l-​ġisem m’għadux hemm! Min ħadu? Ejja naraw.

Wara li jmut Ġesù, il-​qassisin jgħidu lil Pilatu: ‘Meta Ġesù kien ħaj, hu qal li kien se jqum wara tlett ijiem. Għalhekk, ordna li titqiegħed l-​għassa mal-​qabar. Imbagħad id-​dixxipli tiegħu ma jkunux jistgħu jisirqu ġismu u jgħidu li ġie mqajjem mill-​mewt!’ Pilatu jgħid lill-​qassisin biex jibagħtu s-​suldati ħalli jgħassu l-​qabar.

Imma kmieni ħafna fit-​tielet jum wara li miet Ġesù, f’daqqa waħda jiġi anġlu taʼ Ġeħova. Hu jgerbeb il-​ġebla minn quddiem il-​qabar. Is-​suldati tant jibżgħu li lanqas ikunu jifilħu jiċċaqalqu. Fl-​aħħar, meta jħarsu ġol-​qabar, il-​ġisem ma jkunx hemm! Xi wħud mis-​suldati jidħlu fil-​belt u jgħidu lill-​qassisin. Taf x’jagħmlu l-​qassisin ħżiena? Huma jħallsu lis-​suldati biex jigdbu. ‘Għidu li d-​dixxipli tiegħu ġew bil-​lejl, meta kontu reqdin, u li serqu l-​ġisem,’ jgħidu l-​qassisin lis-​suldati.

Sadanittant, xi ħbieb nisa taʼ Ġesù jżuru l-​qabar. Kemm jinħasdu meta jsibuh vojt! F’daqqa waħda jidhru żewġ anġli bi ħwejjeġ jiddu. ‘Għala qed tfittxuh hawn lil Ġesù?’ jistaqsu huma. ‘Hu ġie mqajjem mill-​mewt. Morru malajr u għidu lid-​dixxipli tiegħu.’ Kemm jiġru dawn in-​nisa! Imma fit-​triq iwaqqafhom wieħed raġel. Taf min hu? Hu Ġesù! Hu jgħid: ‘Morru għidu lid-​dixxipli tiegħi.’

Meta n-​nisa jgħidu lid-​dixxipli li Ġesù ħaj u li rawh, id-​dixxipli ma jkunux iridu jemmnuhom. Pietru u Ġwanni jitilqu jiġru lejn il-​qabar biex jaraw dan b’għajnejhom stess, imma l-​qabar vojt! Meta Pietru u Ġwanni jitilqu, Marija Maddalena tibqaʼ fil-​post. Dan hu meta tittawwal ġewwa u tara liż-​żewġ anġli.

Taf x’ġara mill-​ġisem taʼ Ġesù? Alla ġiegħel li jisparixxi. Alla ma tax lil Ġesù l-​ġisem tal-​laħam li miet bih meta qajmu għall-​ħajja. Hu ta lil Ġesù ġisem ġdid bħala spirtu, bħalma għandhom l-​anġli fis-​sema. Imma biex juri lid-​dixxipli tiegħu li hu ħaj, Ġesù jistaʼ jieħu ġisem li n-​nies jistgħu jarawh, bħalma se nitgħallmu.