STORJA 104
Ġesù Jmur Lura s-Sema
HEKK kif jgħaddu l-jiem, Ġesù jidher lis-segwaċi tiegħu bosta drabi. Darba minnhom madwar 500 mid-dixxipli jarawh. Meta jidhrilhom, taf dwar xiex ikellimhom Ġesù? Dwar is-Saltna t’Alla. Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-art biex jgħallem dwar is-Saltna. U jibqaʼ jagħmel dan anki wara li jiġi mqajjem mill-imwiet.
Tiftakar x’inhi s-Saltna t’Alla? Iva, is-Saltna hija gvern reali t’Alla fis-sema, u Ġesù hu Dak li Alla għażel biex ikun sultan. Bħalma tgħallimna, Ġesù wera kemm se jkun sultan meraviljuż billi temaʼ lil dawk bil-ġuħ, fejjaq lill-morda, u saħansitra qajjem lill-mejtin għall-ħajja!
Allura meta Ġesù jaħkem bħala Sultan fis-sema għal elf sena, kif se jkunu l-affarijiet fuq l-art? Iva, l-art kollha se ssir ġenna tal-art mill-isbaħ. Mhux se jkun hemm iktar gwerer, jew kriminalità, jew mard, jew saħansitra mewt. Nafu li dan hu veru għax Alla ħalaq l-art biex tkun ġenna li jistgħu jgawdu n-nies. Din hi r-raġuni għala għamel il-ġnien tal-Għeden fil-bidu. U Ġesù se jieħu ħsieb biex dak li Alla jrid li jsir sa fl-aħħar jitwettaq.
Issa jasal il-waqt biex Ġesù jmur lura fis-sema. Għal 40 jum Ġesù kien qed juri lilu nnifsu lid-dixxipli tiegħu. Għalhekk huma ċerti li hu jerġaʼ jinsab ħaj. Imma qabel ma jitlaq lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: ‘Ibqgħu f’Ġerusalemm sakemm tirċievu l-ispirtu qaddis.’ L-ispirtu qaddis hu l-forza attiva t’Alla, bħal riħ jonfoħ, li se jgħin lis-segwaċi tiegħu jagħmlu r-rieda t’Alla. Fl-aħħar, Ġesù jgħid: ‘Għandkom tippritkaw dwari sal-iktar parti mbiegħda tal-art.’
Wara li Ġesù jgħid dan, isseħħ xi ħaġa tal-għaġeb. Hu jibda tielaʼ lejn is-sema, bħalma tistaʼ tara f’din l-istampa. Imbagħad sħaba tgħattih u d-dixxipli ma jerġgħux jaraw lil Ġesù. Ġesù jmur is-sema u jibda jaħkem fuq is-segwaċi tiegħu fuq l-art minn hemmhekk.