Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 111

Tifel li Marret Għajnu Bih

Tifel li Marret Għajnu Bih

X’WAĦDA din! X’qed jiġri hawn? Weġġaʼ ħafna t-​tifel li hemm mixħut fl-​art? Ara! Wieħed mill-​irġiel li ħiereġ mid-​dar hu Pawlu! Qed tarah hemm lil Timotju wkoll? It-​tifel waqaʼ mit-​tieqa?

Iva, eżatt hekk ġara. Pawlu kien qed jagħti taħdita lid-​dixxipli hawn fi Troas. Kien jaf li ma kienx se jerġaʼ jarahom għal ħafna żmien għax l-​għada kellu jitlaq bil-​bastiment. Għalhekk baqaʼ jitkellem sa nofsillejl.

Mela, dan it-​tifel li jismu Ewtiku kien bilqiegħda f’ħoġor it-​tieqa, u marret għajnu bih. Hu waqaʼ u baqaʼ nieżel tliet sulari! Huwa għalhekk li n-​nies jidhru tant inkwetati. Meta n-​nies jiġbru t-​tifel, ikun eżatt kif beżgħu li se jsibu. Huwa mejjet!

Meta Pawlu jara li t-​tifel miet, hu jintelaq fuqu u jgħannqu. Imbagħad jgħid: ‘Tinkwetawx. Jinsab tajjeb!’ U veru! Huwa miraklu! Pawlu reġaʼ ġabu lura għall-​ħajja! Il-​folla kollha timtela bil-​ferħ.

Kollha jerġgħu jitilgħu fuq u jieklu xi ħaġa. Pawlu jibqaʼ jitkellem sa ma jisbaħ. Imma tistaʼ tibqaʼ ċert li Ewtiku ma jerġax jorqod! Imbagħad, Pawlu, Timotju, u dawk li qed jivvjaġġaw magħhom jitilgħu fil-​bastiment. Taf fejn sejrin?

Pawlu qed jispiċċa t-​tielet vjaġġ taʼ ppritkar u jinsab fi triqtu lura d-​dar. F’dan il-​vjaġġ, Pawlu qattaʼ biss biss tliet snin fil-​belt t’Efesu. Allura dan hu vjaġġ saħansitra itwal mit-​tieni wieħed li għamel.

Wara li jitlaq minn Troas, il-​bastiment jieqaf għal xi żmien Miletu. Ladarba Efesu hi biss ftit kilometri ’l bogħod, Pawlu jibgħat biex l-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni jiġu Miletu ħalli jkun jistaʼ jkellimhom għall-​aħħar darba. Wara, meta jkun sar il-​ħin biex jitlaq il-​bastiment, huma jkunu verament imnikktin li jaraw lil Pawlu jħallihom!

Fl-​aħħar il-​bastiment jiġi lura Ċesarija. Waqt li Pawlu jkun qed joqgħod fid-​dar tad-​dixxiplu Filippu, il-​profeta Agabu jagħtih twissija. Hu jgħid li Pawlu se jsir priġunier meta jmur Ġerusalemm. U veru, hekk jiġri. Imbagħad, wara li jkun ilu sentejn il-​ħabs f’Ċesarija, Pawlu jintbagħat Ruma biex jidher quddiem il-​ħakkiem Ruman Ċesari. Ejja naraw x’jiġri fit-​triq lejn Ruma.